Il-Missirijiet—Għala Qed Jgħibu
“Qatt ma niftakar lil ommi u lil missieri jiġġieldu jew jargumentaw. Kulma naf hu li missieri kien hemm, u mbagħad—bumm!—darba minnhom ma kienx hemm iktar. Għadni s’issa ma nafx fejn hu missieri. Li naf hu li ma nħoss xejn għalih.”—Bruce.
“Kont l-unika waħda fl-iskola li ma kellix żewġ ġenituri u li ma kontx ngħix f’dar . . . Dejjem ħassejtni nispikka. Dejjem ħassejtni differenti ħafna mit-tfal l-oħra kollha taʼ mpari.”—Patricia.
IL-KRIŻI tal-familji bla missier għandha l-għeruq tagħha fir-rivoluzzjoni industrijali. Hekk kif l-impjiegi fil-fabbriki bdew iħajru lill-irġiel biex jitbegħdu minn djarhom, l-influwenza tal-missier fil-familja bdiet tbatti; l-ommijiet bdew ikollhom sehem akbar fit-trobbija tat-tfal.a Xorta waħda, il-biċċa l-kbira tal-missirijiet baqgħu mal-familji tagħhom. Madankollu, matul nofs is-snin 60 ir-rata tad-divorzji fl-Istati Uniti bdiet tielgħa sew. L-ostakli reliġjużi, ekonomiċi, u soċjali għad-divorzju bdew jaqgħu fix-xejn. Il-pariri taʼ xi wħud li riduha t’esperti u li żguraw li d-divorzju mhux talli ma kienx jagħmel ħsara lit-tfal imma talli jistaʼ jagħmlilhom il-ġid, inkuraġġew lil għadd straordinarju taʼ koppji biex jagħżlu d-divorzju. Il-ktieb Divided Families—What Happens to Children When Parents Part (Familji Maqsumin—X’Jiġrilhom it-Tfal meta l-Ġenituri Jinfirdu), taʼ Frank F. Furstenberg, Jr., u Andrew J. Cherlin jgħid: “Fil-Belġju, Franza, u l-Isvizzera r-rati [tad-divorzju] rdoppjaw [mis-snin 60 ’l hawn], filwaqt li fil-Kanada, l-Ingilterra, u l-Olanda żdiedu bit-triplu.”
Għalkemm it-tfal ġeneralment jibqgħu m’ommhom wara d-divorzju, il-biċċa l-kbira tal-missirijiet li jitilqu jkunu jridu jżommu relazzjoni maʼ wliedhom. Kustodja bejn tnejn hija soluzzjoni popolari waħda. Madankollu, ħaġa taʼ l-iskantament, il-biċċa l-kbira tal-missirijiet divorzjati ma tantx jibqgħu jagħmlu kuntatt maʼ wliedhom. Stħarriġ minnhom wera li tifel wieħed biss minn 6 jara lil missieru divorzjat kull ġimgħa. Kważi nofs it-tfal kienu ilhom ma jaraw lil missierhom għal sena sħiħa!
Kif il-Kustodja bejn Tnejn ma Rnexxietx
Biex koppji divorzjati jaqsmu l-kustodja bejniethom, hemm bżonn taʼ kooperazzjoni u fiduċja enormi—kwalitajiet li taʼ spiss ikunu skarsi. Ir-riċerkaturi Furstenberg u Cherlin poġġewha hekk: “Raġuni ewlenija għala l-missirijiet jieqfu jaraw lil uliedhom hija li ma jkunu jridu jkollhom x’jaqsmu xejn mal-mara li kellhom. U ħafna nisa jadottaw l-istess attitudni lejn ir-raġel li kellhom.”
Veru, ħafna missirijiet divorzjati jarawhom regolarment lil uliedhom. Imma peress li ma jkunux għadhom jinvolvu ruħhom fil-ħajja taʼ kuljum taʼ wliedhom, ikun diffiċli għal xi wħud biex jaġixxu taʼ missirijiet meta jkunu magħhom. Ħafna jagħżlu l-irwol taʼ sieħeb fil-logħob, billi jqattgħu tistaʼ tgħid il-ħin kollu tagħhom flimkien fir-rikreazzjoni jew fix-xiri. Ari, taʼ 14-il sena, jiddeskrivi ż-żjajjar tiegħu taʼ tmiem il-ġimgħa maʼ missieru, billi jgħid: “M’hemm l-ebda skeda fissa, l-ebda tip taʼ ‘Kun id-dar sal-ħamsa u nofs.’ M’hemmx tfixkil. Hemm il-libertà. U missieri dejjem jixtrili r-rigali.”—How It Feels When Parents Divorce (X’Jinħass meta l-Ġenituri Jiddivorzjaw), taʼ Jill Krementz.
Missier taʼ mħabba għandu jkun ‘jaf jagħti lil uliedu ħwejjeġ tajba.’ (Mattew 7:11) Imma l-ebda rigal ma jistaʼ jieħu post il-gwida u d-dixxiplina li huma meħtiġin. (Proverbji 3:12; 13:1) Meta wieħed ipartat l-irwol taʼ ġenitur maʼ dak taʼ sieħeb fil-logħob jew wieħed li jżur lit-tfal, ir-relazzjoni bejn il-missier u t-tfal bilfors li se tiddgħajjef. Studju wieħed ikkonkluda: “Id-divorzju jistaʼ jkisser b’mod permanenti r-relazzjoni taʼ bejn il-missier u t-tfal.”—Journal of Marriage and the Family (Ġurnal dwar iż-Żwieġ u l-Familja), Mejju 1994.
Peress li jkunu mweġġgħin u rrabjati minħabba li jiġu maqtugħin minn ħajjet it-tfal—jew forsi sempliċement għax ikunu indifferenti—xi rġiel jabbandunaw lill-familji tagħhom, billi jonqsu li jagħtu l-appoġġ finanzjarju meħtieġ.b (1 Timotju 5:8) “Ma nistax naħseb f’xi ħaġa li togħġobni f’missieri,” jgħid ġuvni diżappuntat. “Verament ma jinvolvi ruħu f’xejn, lanqas imantnina jew jagħmel xi ħaġa, u din inqisha xi ħaġa diżgustanti.”
Ġenituri mhux Miżżewġin
L-għadd straordinarju taʼ trabi mweldin b’mod illeġittimu kkaġuna l-akbar żjieda fl-għadd taʼ tfal bla missier. ‘Fl-Istati Uniti, madwar terz tat-tfal kollha issa qed jitwieldu barra miż-żwieġ,’ jgħid il-ktieb Fatherless America (L-Amerka bla Missier). Minn kważi 500,000 tarbija li kull sena titwieled lil dawk taʼ bejn il-15 u d-19-il sena, 78 fil-mija jitwieldu lil adolexxenti mhux miżżewġin. Madankollu, it-tqala fost l-adolexxenti hija problema globali. U l-programmi li jgħallmu dwar il-kontraċezzjoni jew li jinkuraġġixxu l-astinenza ma tantx swew biex ibiddlu l-imġiba sesswali taʼ l-adolexxenti.
Il-ktieb Teenage Fathers, by Bryan E. Robinson, jispjega: “It-tqala barra miż-żwieġ m’għadhiex iġġorr il-mistħija u l-umiljazzjoni li kienet fis-snin 60, minħabba l-attitudnijiet soċjali iktar liberi lejn is-sess u t-tqala qabel iż-żwieġ. . . . Ukoll iż-żgħażagħ tal-lum huma bombardjati l-ħin kollu bis-sesswalità permezz tar-reklami, il-mużika, il-films, u t-televiżjoni. Il-medja Amerikana lill-adolexxenti tgħidilhom li s-sess huwa romantiku, eċċitanti, u stimulanti mingħajr ma qatt turi l-konsegwenzi veri li jiġu minn imġiba sesswali spontanja u irresponsabbli.”
Ħafna żgħażagħ jidhru li m’huma konxji xejn tal-konsegwenzi tas-sess illeċitu. Innota xi ftit mill-kummenti li samaʼ l-awtur Robinson: “‘Ma kinitx tidher it-tip [li tinqabad tqila]’; ‘Konna nagħmlu s-sess darba fil-ġimgħa biss’; jew ‘Ma kontx naħseb li setgħet tinqabad tqila l-ewwel darba.’” M’għandniex xi ngħidu, xi ġuvintur jafu sew li s-sess jistaʼ jirriżulta fi tqala. Il-ktieb Young Unwed Fathers josserva: ‘Għal ħafna subien [fil-qalba tal-bliet], is-sess huwa simbolu importanti taʼ l-istatus soċjali lokali; il-konkwisti sesswali jsiru kwistjoni taʼ kisbiet. Ħafna mit-tfajliet joffru s-sess bħala rigal meta jinnegozjaw għall-attenzjoni taʼ xi ġuvni.’ F’ċerti klikek li jinsabu fil-qalba tal-bliet, subien li ma jkunux saru missirijiet taʼ xi tarbija jistgħu saħansitra jiġu mgħajrin talli jkunu “verġni”!
Is-sitwazzjoni tkompli tikrieh meta tikkunsidra r-riżultati taʼ studju li sar fl-1993 fil-Kalifornja fuq ommijiet taʼ l-età taʼ l-iskola. Jirriżulta li żewġ terzi tal-bniet ħarġu tqal, mhux minn għarajjes adolexxenti, imma minn irġiel taʼ fuq l-20 sena! Fil-fatt, xi studji jindikaw li ħafna ommijiet adolexxenti mhux miżżewġin ikunu vittmi taʼ relazzjoni sesswali bħala minorenni—jew anki t’abbuż fuq it-tfal. Esplojtazzjoni mifruxa bħal din tikxef kemm is-soċjetà taʼ żmienna saret marida u perversa.—2 Timotju 3:13.
Għala l-Ġuvintur Jitilqu
Ġuvintur adolexxenti li jkunu saru missirijiet rari jerfgħu r-responsabbiltà taʼ wliedhom għal żmien twil. Ġuvni wieħed, li l-għarusa tiegħu ħarġet tqila, qal: “Kulma għedtilha kien, ‘Ċaw ċaw.’” Madankollu, bħalma jenfasizza artiklu f’Family Life Educator, “il-biċċa l-kbira tal-missirijiet żgħażagħ jesprimu xewqa kbira li jkollhom relazzjoni mill-qrib maʼ wliedhom.” Skond studju minnhom taʼ missirijiet żgħażagħ mhux miżżewġin, 70 fil-mija kienu jżuru lil uliedhom darba fil-ġimgħa. “Madankollu,” iwissi l-artiklu, “hekk kif it-tfal jibdew jikbru, l-ammont taʼ żjajjar jonqos.”
Missier taʼ 17-il sena ġabar fil-qosor ir-raġuni b’dan il-kliem: “Kieku kont naf kemm kien se jkun diffiċli, qatt ma kont inħalli l-affarijiet jaslu s’hawn.” Ftit huma ż-żgħażagħ li għandhom il-maturità emozzjonali jew l-esperjenza biex jifilħu għall-ħtiġijiet involuti fl-irwol taʼ ġenitur. U ħafna minnhom lanqas għandhom l-edukazzjoni jew l-abbiltajiet meħtiġin biex wieħed jaqlaʼ l-għajxien. Minflok ma jkampaw maʼ l-umiljazzjoni li jġib il-falliment, ħafna rġiel żgħażagħ sempliċement jitilqu lil uliedhom. “Ħajti maqluba taʼ taħt fuq,” jistqarr missier żagħżugħ. Ieħor jilmenta: ‘Bilkemm naf nieħu ħsieb tiegħi nnifsi. Lanqas naf x’nagħmel li kieku kelli nieħu ħsieb t’[ibni] wkoll.’
Għeneb Qares
Fi żminijiet Bibliċi l-Lhud kellhom qawl: “Il-ġenituri kielu l-għeneb qares, imma t-tfal ħadu t-togħma qarsa.” (Eżekjel 18:2, Today’s English Version) Alla qal lil-Lhud li ma kienx hemm għalfejn jiġri hekk, li l-iżbalji tal-passat ma kellhomx għalfejn jiġu ripetuti fil-futur. (Eżekjel 18:3) Minkejja dan, miljuni taʼ tfal illum qishom qed iduqu l-imrar taʼ “l-għeneb qares” tal-ġenituri tagħhom—billi jkollhom ibatu għall-immaturità, in-nuqqas taʼ responsabbiltà, u l-fallimenti matrimonjali tal-ġenituri tagħhom. Ir-riċerka tipprovdi provi biżżejjed li t-tfal li jitilgħu bla missier huma esposti għal ruxxmata taʼ riskji fiżiċi u emozzjonali. (Ara l-kaxxa f’paġna 7.) L-iktar li hu taʼ dwejjaq huwa l-fatt li l-wirt taʼ familja bla missier taʼ spiss jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra—ċiklu kontinwu taʼ wġigħ u miżerja.
Lil familji bla missier hemm jistenniehom biss il-falliment? Lanqas xejn. Fil-fatt, l-aħbar tajba hi li ċ-ċiklu taʼ familji bla missier jistaʼ jitwaqqaf. L-artiklu tagħna li jmiss se jiddiskuti kif.
[Noti taʼ taħt]
a Taʼ interess, qabel l-industrijalizzazzjoni, il-manwali dwar it-trobbija tat-tfal fl-Istati Uniti ġeneralment kienu jkunu indirizzati lill-missirijiet, mhux lill-ommijiet.
b Skond ir-riċerkaturi Sara McLanahan u Gary Sandefur, fl-Istati Uniti, ‘madwar 40 fil-mija tat-tfal li teoretikament huma eliġibbli għall-manteniment tat-tfal lanqas biss jingħataw [b’ordni tal-qorti] l-manteniment. Kwart taʼ dawk li tittieħed id-deċiżjoni favur tagħhom ma jirċievu xejn. Inqas minn terz tat-tfal jirċievu s-somma sħiħa li suppost jingħataw.’
[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]
IR-RISKJI TAʼ LI TITRABBA BLA MISSIER
It-tfal jiffaċċjaw riskji serji meta jitrabbew bla missier. Għalkemm xi wħud jistgħu jħossuhom imweġġgħin meta jikkunsidraw I-informazzjoni li ġejja, il-fatt li jkunu konxji tar-riskji huwa I-ewwel pass biex jevitaw jew għall-inqas inaqqsu I-ħsara. Irridu nirrealizzaw ukoll li I-istudji bbażati fuq l-istatistiċi japplikaw għal gruppi mhux għal individwi. Ħafna tfal jikbru f’familji bla missier mingħajr ma jesperjenzaw problemi bħal dawn. Bħalma se juri I-aħħar artiklu tagħna, I-intervent tal-ġenituri u I-applikar tal-prinċipji tal-Bibbja jistgħu jagħmlu ħafna biex inaqqsu dawn id-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu. Ikkunsidra, mela, xi ftit mir-riskji possibbli li jistgħu jiffaċċjaw tfal bla missier.
◼ Perikli Akbar t’Abbuż Sesswali
Ir-riċerka turi biċ-ċar li n-nuqqas taʼ missier iżid ir-riskju t’abbuż sesswali fuq it-tfal. Studju minnhom wera li minn 52,000 każ t’abbuż fuq it-tfal, “72 fil-mija kienu jinvolvu tfal li kienu jgħixu f’familja mingħajr wieħed mill-ġenituri bijoloġiċi jew it-tnejn li huma.“ II-ktieb Fatherless America jiddikjara: ‘Fis-soċjetà tagħna, ir-riskju li qed jiżdied t’abbuż sesswali fit-tfulija ġej primarjament mill-fatt li l-preżenza tal-missirijiet miżżewġin qed tonqos a qed tiżdied il-preżenza taʼ missirijiet tar-rispett, ġuvintur li jkunu qed joħorġu maʼ l-ommijiet, u rġiel oħra li m’humiex parti mill-familja jew dawk li jkunu qed jgħixu mal-familja għal ċertu żmien biss.’
◼ Riskju Akbar t’Attività Sesswali minn Kmieni
Minħabba li x’aktarx ikun hemm inqas superviżjoni mill-ġenituri f’dar li fiha ġenitur wieħed, iż-żgħar taʼ spiss ikollhom iktar opportunitajiet biex jieħdu sehem f’kondotta immorali. Inqas taħriġ mill-ġenituri jistaʼ jkun ukoll fattur ieħor. “Tfajliet li m’għandhomx missier f’ħajjithom ikollhom darbtejn u nofs iktar ċans li joħorġu tqal,“ jgħid id-Dipartiment tas-Servizzi Umani u tas-Saħħa taʼ l-Istati Uniti.
◼ Faqar
Studju fost tfajliet adolexxenti suwed fl-Afrika t’Isfel ikkonkluda li l-faqar huwa konsegwenza komuni taʼ meta wħud mhux miżżewġin isiru ġenituri. “F’xi 50% tal-każi,“ jgħidu l-awturi taʼ l-istudju, “l-adolexxent x’aktarx li ma jerġax lura lejn l-iskola.” Ħafna ommijiet mhux miżżewġin jispiċċaw f’ħajja taʼ prostituzzjoni a traffikar tad-droga. Is-sitwazzjoni għandha mnejn ma tantx hija aħjar f’pajjiżi tal-Punent. Fl-Istati Uniti, “10 fil-mija tat-tfal f’familji b’żewġ ġenituri kienu fil-faqar [fl-1995], meta tqabbilhom maʼ 50 fil-mija f’familji b’kapijiet nisa.“—America’s Children: Key National Indicators of WellBeing 1997.
◼ Abbandun
Minħabba li jkunu mġagħlin ifendu għal rashom, xi ġenituri waħedhom ma jlaħħqux mar-responsabbiltajiet tagħhom a ma jkunux jistgħu jqattgħu ħin biżżejjed maʼ wliedhom. Waħda divorzjata tiftakar: “Kont qed naħdem matul il-ġurnata u mmur l-iskola bil-lejl—kont qed ninfileġ. M’hemm l-ebda dubju li kont qed nittraskura lit-tfal.”
◼ Ħsara Emozzjonali
Ċerti esperti jsostnu li t-tfal malajr jirkupraw wara divorzju. Għall-kuntrarju taʼ dan, xi riċerkaturi, bħal Dr. Judith Wallerstein, sabu li d-divorzju lit-tfal iħallilhom feriti emozzjonali li jibqgħu għal żmien twil. “Iktar minn terz taʼ l-irġiel u n-nisa żgħażagħ taʼ bejn id-dsatax u d-disgħa u għoxrin sena jkollhom ftit jew xejn ambizzjoni, għaxar snin wara li l-ġenituri jiddivorzjaw. Ikunu qed jgħixu ħajjithom mingħajr ma jkollhom l-ebda miri definiti ... u jkunu jħossuhom li m’huma tajbin għal xejn.” (Second Chances, minn Dr. Judith Wallerstein u Sandra Blakeslee) Ġie osservat li ħafna tfal involuti f’divorzju kienu jbatu minn stima baxxa tagħhom infushom, dipressjoni, imġiba delinkwenti, u rabja persistenti.
Il-ktieb SingleParent Family jgħid: “Bosta studji juru li s-subien li jitrabbew mingħajr preżenza maskili qawwija f’ħajjithom ma jkunux ċerti dwar il-maskilità tagħhom, ikollhom stima baxxa tagħhom infushom, u, iktar ’il quddiem f’ħajjithom ikollhom diffikultà biex jifformaw relazzjonijiet intimi. Il-problemi li jistgħu jiżviluppaw il-bniet minħabba li jkunu jgħixu mingħajr figura maskili ġeneralment ma jkunux jidhru sa l-adolexxenza jew iktar tard, u jinkludu li bħala adulti jkollhom diffikultà biex jiżviluppaw relazzjonijiet taʼ suċċess kemm maʼ rġiel u kemm maʼ nisa.”