Familji bla Missier—Kif Jitwaqqaf Iċ-Ċiklu
JEKK ix-xejriet preżenti jibqgħu sejrin kif inhuma, se tibda tkun ħaġa normali li familja tkun bla missier. Rapport mid-Dipartiment tas-Servizzi Umani u tas-Saħħa taʼ l-Istati Uniti jsostni: “It-tfal li jitrabbew minn ġenitur wieħed għandhom it-tendenza li jġibu marki iktar baxxi, ikollhom iktar problemi fl-imġiba tagħhom, u jkollhom rati ogħla taʼ problemi kroniċi tas-saħħa u psikjatriċi. . . . It-trobbija f’familja b’omm waħedha huwa assoċjat maʼ riskji akbar taʼ tqala fl-adolexxenza, li titlaq mill-iskola, [u] li tintefaʼ l-ħabs.”
Mela mhux taʼ b’xejn li x-xjenzati soċjali, dawk li jagħtu l-pariri lill-familji, l-għalliema, u saħansitra l-politikanti jagħmlu minn kollox biex ifittxu modi kif jistgħu jwaqqfu din it-tendenza qerrieda. Saru laqgħat kbar għall-irġiel biex ikebbsu l-kburija fil-fatt li jkunu missirijiet u biex jikkonfermaw ir-responsabbiltà taʼ l-irġiel lejn il-familja. Il-kotba dwar li wieħed ikun missier imlew is-suq. Saru sforzi wkoll biex iġagħlu lill-missirijiet jieħdu ħsieb tar-responsabbiltajiet tagħhom. Fl-Istati Uniti, missirijiet li ma jkunux iridu jmantnu lil uliedhom ġew kastigati minn imħallfin, attakkati fi programmi televiżivi, u saħansitra esposti għal umiljazzjoni fil-pubbliku. Iżda dawn l-isforzi pproduċew riżultati fjakki.
Soluzzjonijiet taʼ Malajr
Soluzzjonijiet taʼ malajr ukoll ma tantx se jipproduċu riżultati tajbin. Per eżempju, mara divorzjata tistaʼ terġaʼ tiżżewweġ bl-għaġla, bit-tama li tagħti lil uliedha missier ġdid. Imma filwaqt li ż-żwieġ mill-ġdid jistaʼ jkollu l-vantaġġi tiegħu, jistgħu jinqalgħu l-problemi. It-tfal xi kultant ma jkunux iridu jaċċettaw lil xi ħadd ġdid bħala missierhom. Xi kultant qatt ma jaċċettawh. Studju wieħed wera li “kważi żewġ terzi tan-nisa li kienu jgħixu maʼ ġenitur tar-rispett telqu mid-dar qabel ma kellhom 19-il sena . . . , meta tqabbilhom maʼ 50% tan-nisa li kellhom familja kompleta.” Saħansitra f’familji tar-rispett li jirnexxu, xi drabi jkollhom jgħaddu ħafna snin qabel ma t-tfal jaċċettaw lil missier tar-rispett.a
Bl-istess mod, m’hemm l-ebda soluzzjoni taʼ malajr għall-problema tat-tqala fl-adolexxenza. Per eżempju, l-abort jikser il-liġi t’Alla u jirrikjedi li l-omm toħnoq il-ħniena tenera li għandha għall-ħajja ċkejkna li qed tiżviluppa ġewwa fiha. (Eżodu 20:13; 21:22, 23; Salm 139:14-16; qabbel l-1 Ġwann 3:17.) Dan kif jistaʼ jkun li ma jħallix feriti emozzjonali? Li t-tfal jingħataw għall-adozzjoni hu meqjus minn ħafna bħala soluzzjoni iżjed umana, imma din ukoll tistaʼ tħalli feriti emozzjonali—kemm fuq l-omm u kemm fuq it-tifel.
Le, is-soluzzjonijiet taʼ malajr m’humiex se jwaqqfu ċ-ċiklu taʼ familji bla missier. Ix-xejriet kurrenti tal-familja se jieqfu biss jekk in-nies ikunu lesti li jagħmlu bidliet kbar fil-mod kif jaħsbu, fl-attitudnijiet tagħhom, fl-imġiba tagħhom, u fil-morali tagħhom. Hemm bżonn taʼ xi ħaġa iżjed minn diskors bombastiku u psikoloġija popolari biex in-nies jitqanqlu biex jagħmlu dawn il-bidliet enormi. Dik ix-“xi ħaġa iżjed” tinsab fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Wara kollox, hu Alla nnifsu li waqqaf l-arranġament tal-familja. (Efesin 3:14, 15) M’hawn ħadd li jaf iktar minnu x’għandhom bżonn it-tfal.
Il-Prinċipji Bibliċi Jgħinu lill-Familji biex Ikampaw
Imma tistaʼ l-Bibbja tassew tgħin lil tfal li jkollhom ġenitur nieqes? M’hijiex impossibbli li tittranġa l-ħsara li jġarrbu? Le, m’hijiex. Fil-bidu taʼ dan l-artiklu, ikkwotajna rapport governattiv taʼ l-Istati Uniti li semma lista taʼ ħafna mir-riskji li jiffaċċjaw dawn it-tfal. Minkejja l-kliem taʼ twissija, ir-rapport ikkonkluda: “Għalkemm hemm evidenza konsistenti taʼ riskju akbar, ir-riċerka turi wkoll li l-maġġuranza tat-tfal f’familji b’ġenitur wieħed jiżviluppaw b’mod normali.” Iva, il-konsegwenzi taʼ li tkun bla missier jistgħu jiġu eliminati jew taʼ l-inqas minimizzati. Dan huwa speċjalment minnu jekk jiġu applikati l-prinċipji Bibliċi fit-trobbija tat-tfal.
Dan jirrikjedi xogħol iebes min-naħa tal-ġenitur waħdu—prospett li jistaʼ jidher kbir iżżejjed għall-ewwel. Imma jekk tinsab f’din is-sitwazzjoni, tistaʼ titgħallem tistrieħ għalkollox fuq Alla Jehovah. (Proverbji 3:1, 2) Xi nisa Kristjani fi żminijiet Bibliċi ffaċċjaw sitwazzjonijiet taʼ niket, bħal li jsiru romol. Rigward uħud bħal dawn il-Bibbja tgħid: “Dik imbagħad li hi tassew armla u ma għandha ’l ħadd, tqiegħed it-tama f’Alla u tgħaddi jiemha fit-talb u fl-orazzjoni lejl u nhar.” (1 Timotju 5:5) Ftakar li Jehovah jsejjaħ lilu nnifsu “missier l-iltiema.” (Salm 68:6 [68:5, NW]) Tistaʼ tkun ċert li hu se jagħti l-appoġġ tiegħu lil mara li għandha l-biżaʼ t’Alla hekk kif tagħmel sforz biex trabbi lil uliedha.
Li persuna tikkonduċi mat-tfal studju regulari tal-Bibbja fid-dar huwa mod essenzjali kif tgħinhom jikbru u jsiru adulti bilanċjati u maturi. (Dewteronomju 6:6-9) Fost ix-Xhieda taʼ Jehovah, ħafna ġenituri waħedhom jużaw pubblikazzjonijiet ibbażati minn fuq il-Bibbja li huma speċifikament imħejjijin għaż-żgħażagħ, bħalma hu l-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work.b It-tagħrif li fih jgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw livelli morali li jistgħu jgħinuhom jevitaw li jagħmlu l-iżbalji li għamlu l-ġenituri tagħhom. Hekk kif it-tfal jibdew isiru jafu lil Alla Jehovah, jistgħu jibdew jintebħu li għandhom Missier tas-sema li jimpurtah ferm minnhom. (Salm 27:10) Dan jistaʼ jgħinhom ikampaw meta jħossuhom abbandunati. Tifla mill-Britannja li ġarrbet il-firda bejn il-ġenituri tiftakar: “Matul dan kollu, il-mamà għenitni nħoss il-bżonn għat-talb u għal fiduċja kompleta f’Jehovah. Dan għenna nkampaw.”
Kif Tinżamm ir-Rabta bejn il-Ġenituri u t-Tfal
Il-Bibbja tagħmilha ċara li tifel irid iweġġaħ kemm lil ommu u kemm lil missieru. (Eżodu 20:12) U d-divorzju ma jkissirx ir-rabta bejn il-missier u t-tfal. Għalkemm ir-raġel taʼ qabel ma jkunx għadu jgħix id-dar, it-tfal xorta jistgħu jibbenefikaw milli jkollhom relazzjoni t’affezzjoni miegħu.c Il-problema hi li l-omm tistaʼ tħossha rrabjata miegħu u ma tiħux pjaċir li jkun qed jinvolvi ruħu mat-tfal. Kif tistaʼ l-omm tkampa maʼ dawn is-sentimenti?
Il-Bibbja tagħti parir tajjeb meta twissi: “Qis li l-għadab ma jwasslikx biex iżżeblaħ . . . Ħares li ma ddurx lejn il-ħażen.” (Ġob 36:18-21, Karm Żammit) Veru, m’huwiex faċli li titkellem bil-ħlewwa maʼ xi ħadd li jkun weġġgħak jew abbandunak. Imma staqsi lilek innifsek: ‘Tistaʼ tifla titgħallem tafda raġel jekk il-ħin kollu jintqalilha kemm hu ħażin missierha? Jistaʼ tifel jiżviluppa personalità stabbli u maskili jekk jiġi kkoreġut billi jintqallu, “Int eżatt bħal missierek”? Jistgħu t-tfal ikollhom ħarsa f’lokha lejn l-awtorità jekk jitgħallmu jistmerru lil missierhom jew jiġu skuraġġiti milli jarawh assolutament?’ Biċ-ċar, tistaʼ tagħmel il-ħsara jekk tkisser ir-relazzjoni taʼ wliedek maʼ missierhom.
Jistaʼ jissorprendik li tkun taf li l-Bibbja ma tikkundannax għadab ġust. “Tinkurlaw,” tgħid il-Bibbja, “imma tidinbux.” (Efesin 4:26) Li tkun irrabjata m’huwiex dnub, imma li tkun kontrollata minn “korla, passjoni, ħażen, dagħa” huwa. (Kolossin 3:8) Għalhekk evita li ssawwat bil-kliem lill-missier quddiem it-tfal. Jekk tħoss il-bżonn li tesprimi d-dwejjaq tiegħek, segwi s-suġġeriment tal-Bibbja biex taqsam “l-inkwiet” tiegħek maʼ xi ħadd, imma dan agħmlu maʼ xi ħaddieħor mhux mat-tfal tiegħek—forsi maʼ ħabiba li tafdaha. (Proverbji 12:25) Ipprova żomm attitudni pożittiva u evita li toqgħod tberren fuq il-passat. (Koħèlet 7:10) Jekk tagħmel hekk ir-rabja tiegħek se ttaffilek.
Fl-aħħar, ftakar li l-Bibbja tikkmanda lit-tfal biex jirrispettaw lil missierhom—anki jekk l-imġiba tal-missier ma tantx kienet eżemplari. (Efesin 6:2, 3) Għalhekk ipprova għin lil uliedek biex iħarsu lejn in-nuqqasijiet taʼ missierhom skond il-fatti. Waħda mara żagħżugħa li trabbiet f’dar maqsuma tgħid: “Billi kont inħares lejn missieri b’mod objettiv—bħala bniedem fallibbli u imperfett—fl-aħħar sirt naċċettah u m’għadnix irrabjata miegħu.” Billi tinkuraġġixxi lil uliedek biex jirrispettaw lil missierhom, se tgħinhom jiżviluppaw ħarsa f’lokha lejn l-awtorità tiegħek bħala ġenitur!
Huwa importanti wkoll li ma ċċajparx id-distinzjoni bejn l-irwol taʼ ġenitur u dak tat-tfal. Huma xorta qegħdin taħt ‘tagħlim ommhom.’ (Proverbji 1:8) Is-subien jistgħu jħossuhom imtaqqlin iżżejjed jekk ikun mistenni minnhom li jkunu l-kap tal-familja. L-ulied bniet bl-istess mod jistgħu jħossu li hi ħaġa tqila wisq għalihom li jkunu xi ħadd maʼ min tiftaħ qalbha l-omm. It-tfal għandhom bżonn jiġu żgurati li int bħala ġenitur se tieħu ħsiebhom—mhux kontra. (Qabbel it-2 Korintin 12:14.) Assiguranza bħal din tistaʼ ġġagħalhom iħossuhom protetti, avolja s-sitwazzjoni fil-familja ma tkunx ideali.
Irġiel li Jagħmluha taʼ Missirijiet
Xi ngħidu jekk il-missier ma jidher imkien? L-esperti jgħidu li t-tfal jibbenefikaw jekk ikollhom sħubija maʼ xi raġel. Filwaqt li l-fatt illi xi ziju jew ġar b’qalb tajba jieħu interess fit-tfal jistaʼ jkun taʼ ġid sa ċertu punt, it-tfal se jibbenefikaw b’mod partikulari mis-sħubija bnina maʼ rġiel ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana. Ġesù wiegħed li l-kongregazzjoni kellha tkun bħal familja li tagħti appoġġ.—Mark 10:29, 30.
Fi żminijiet Bibliċi ż-żagħżugħ Timotju kiber u sar raġel t’Alla li jispikka, mingħajr l-appoġġ taʼ missier kredent. Il-Bibbja tagħti ħafna mill-kredtu għal dan lil ommu u lil nanntu li tant kienu jħobbuh. (Atti 16:1; 2 Timotju 1:1-5) Madankollu, hu bbenefika wkoll minn sħubija maʼ raġel Kristjan—l-appostlu Pawlu. Pawlu sejjaħ lil Timotju ‘ibnu l-għażiż u fidil fil-Mulej.’ (1 Korintin 4:17) B’mod simili llum, ix-Xhieda taʼ Jehovah jiġu inkuraġġiti biex jobdu l-parir tal-Bibbja biex ‘jieħdu ħsieb l-iltiema u r-romol.’ (Ġakbu 1:27, NW) Huma mħeġġin biex ‘jeħilsu lill-iltiemaʼ billi jieħdu interess sinċier u bilanċjat f’uħud bħal dawn. (Ġob 29:12) Mara żagħżugħa jisimha Annette tiftakar kemm anzjan Kristjan kien jieħu interess f’loku fiha meta kienet żgħira, u tgħid: “Kien l-uniku figura vera taʼ missier li qatt kelli.”
Kif Jitwaqqaf iċ-Ċiklu
Dawn il-prinċipji jistgħu jgħinu lit-tfal bla missier biex jirnexxu. Minkejja t-tfulija mhux favorevoli tagħhom, huma jistgħu jsiru adulti bilanċjati u produttivi kif ukoll ġenituri kollhom imħabba, leali, u dedikati. Xorta waħda, il-prevenzjoni hija aħjar minn kwalunkwe kura. U fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċiklu tal-familji bla missier jistaʼ jitwaqqaf biss meta l-irġiel u n-nisa jkunu deċiżi li japplikaw il-Bibbja f’ħajjithom—per eżempju, billi jżommu mal-projbizzjoni tal-Bibbja rigward sess qabel iż-żwieġ u billi jsegwu l-livelli li tqiegħed il-Bibbja għall-irġiel u n-nisa miżżewġin.—1 Korintin 6:9; Efesin 5:21-33.
Illum il-ġurnata, ħafna tfal għandhom missier id-dar imma xorta tistaʼ tgħid li huma bla missier. Wieħed espert fi kwistjonijiet tal-familja jgħid: “L-akbar problema li jiffaċċjaw . . . it-tfal illum hija n-nuqqas taʼ ħin u attenzjoni mill-ġenituri tagħhom.” Il-Kelma t’Alla tindirizza din il-kwistjoni b’mod sod u dirett. Din tikkmanda lill-missirijiet rigward uliedhom: “Agħtuhom l-istruzzjoni, u l-korrezzjoni, li jappartjenu lil trobbija Kristjana.” (Efesin 6:4, New English Bible; Proverbji 24:27) Meta l-missirijiet isegwu l-parir tal-Bibbja, it-tfal ma jibżgħux li jiġu abbandunati.
Iżda, huwa realistiku li temmen li mases kbar taʼ nies se jduru lejn il-Bibbja? Ma tantx. (Mattew 7:14) Imma x-Xhieda taʼ Jehovah għenu lil miljuni taʼ nies biex isibu l-hena fil-ħajja tagħhom tal-familja permezz taʼ programm taʼ studju tal-Bibbja fid-dar.d M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja twissi li l-koppji miżżewġin kollha se jsofru mit-“taħbit tal-ħajja” minħabba l-imperfezzjoni. (1 Korintin 7:28) Imma dawk li tassew jirrispettaw il-Kelma t’Alla jfittxu li jsolvu l-problemi tagħhom, mhux li jiddivorzjaw malli jiltaqgħu maʼ daqsxejn inkwiet. Nammettu li hemm drabi meta Kristjan jistaʼ bix-xieraq jikkunsidra s-separazzjoni jew saħansitra d-divorzju. (Mattew 5:32) Madankollu, billi jkun jaf x’impatt dan jistaʼ jkollu fuq uliedu, Kristjan se jitqanqal biex ifittex modi kif jistaʼ jsalva ż-żwieġ jekk ikun b’xi mod possibbli.
Il-fatt li ssegwi l-Bibbja se jagħmel iktar milli jsalvalek il-familja tiegħek issa. Tistgħu tgħixu lkoll għal dejjem! Ġesù qal: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Il-qari u l-applikar tal-pariri li jinstabu fil-Kelma t’Alla huwa wieħed mill-aqwa modi kif tkun ċerta li l-familja tiegħek se tibqaʼ magħquda għal dejjem.
[Noti taʼ taħt]
a Ġie pubblikat xi tagħrif li jgħin lill-familji tar-rispett fil-ħarġa tar-rivista l-oħra tagħna, It-Torri taʼ l-Għassa, taʼ l-1 taʼ Marzu, 1999.
b Pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
c Dan ma japplikax għal meta t-tfal ikunu fil-periklu li missierhom jabbużahom fiżikament jew sesswalment.
d Il-ktieb Is-Sigriet Taʼ L-Hena Fil-Familja (pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.) fih ħafna pariri bbażati fuq il-Bibbja li jistgħu jgħinu lill-familji. Dan jistaʼ jinkiseb billi tikkuntattja lix-Xhieda taʼ Jehovah lokalment.
[Stampa f’paġna 8, 9]
Billi jsegwi l-prinċipji Bibliċi, ġenitur waħdu jistaʼ jirnexxi fit-trobbija taʼ wliedu
[Stampa f’paġna 10]
Irġiel Kristjani taʼ spiss jistgħu ‘jeħilsu lill-iltiemaʼ billi jieħdu interess f’loku u sinċier fihom