Attitudni Ferriħija Minkejja Diżabilitajiet Estremi
KIF RAKKONTAT MINN KONSTANTIN MOROZOV
Meta twelidt fl-20 taʼ Lulju, 1936, ma kellix għadam żviluppat għalkollox f’ġismi ħlief il-qorriegħa u s-sinsla taʼ dahri. L-iskeletru kollu kemm hu tiegħi kien magħmul minn qarmuċa fraġli mhux iktar soda mill-qarmuċa tal-widna taʼ bniedem adult. Kont niżen inqas minn nofs kilo. L-uniċi sinjali taʼ ħajja li kienu jidhru fija kienu t-taħbit tal-qalb dgħajjef, in-nifs batut, u xi ftit movimenti.
KONT is-sebaʼ wieħed minn disat itfal f’familja li kienet tgħix fir-raħal taʼ Sara, f’Ul’yanovsk Oblast, fil-qalba tar-Russja. Meta kelli tliet ġimgħat, il-ġenituri tiegħi ħaduni l-knisja biex jgħammduni. Il-qassis malajr raxxaxni bl-ilma u qal lill-ġenituri tiegħi biex jiħduni d-dar malajr kemm jistaʼ jkun, peress li hu qal li kont se mmut fi ftit sigħat.
F’Jannar taʼ l-1937, il-ġenituri tiegħi ħaduni fil-belt taʼ Kazan’, il-kapitali tar-repubblika Russa taʼ Tatarstan, biex jarawni xi speċjalisti. Sa daż-żmien kont stajt ngħid “Mamà,” “Papà,” u “Babushka” (Nanna), u kont naf l-ismijiet taʼ ħuti. Wara li eżaminawni, it-tobba qalu lill-ġenituri tiegħi li kont se mmut fi żmien sena. Huma rrikkmandaw li ningħata l-mewt u niġi preservat f’vażett tal-ħġieġ bħala ħaġa esibita biex tintuża bħala mezz taʼ tagħlim għall-istudenti tal-mediċina. Kemm jien grat lejn l-għeżież ġenituri tiegħi talli rrifjutaw dan b’mod sod!
Tfulija Kollha Tbatija
Minn sakemm nistaʼ niftakar, ġismi kien kontinwament imkisser bl-uġigħ. Madankollu, anki bħala tifel, stinkajt biex inżomm dispożizzjoni mentali pożittiva u pprovajt nidħaq taʼ spiss u ngawdi l-ħajja. Din hija l-attitudni li żammejt. L-iskeletru tiegħi bil-mod il-mod beda jissaħħaħ, u stajt inqum bil-qegħda u nitkaxkar xi ftit. Ma kbirtx bħat-tfal normali u kont sfigurat waħda u sew. Imma kont student tajjeb, u sa meta kelli ħames snin, kont naf naqra u nikteb.
F’Mejju taʼ l-1941, ommi ħaditni l-knisja għat-tieni darba. Kien hemm għadd taʼ nies hemm, u kollha kienu għarkobbtejhom jitolbu. Attendant mara resqet lejn ommi biex tistaqsiha għala ma kinitx mielet hi wkoll. Meta ommi wrietha lili, din il-mara marret tkellem lill-qassis. Meta ġiet lura, l-attendant ħaditna fejn il-bieb taʼ barra u ssuġġeriet li ommi tħallini barra u tidħol hi waħedha. Din sostniet li minħabba d-dnubiet tal-ġenituri tiegħi, ngħatajt lilhom mill-“wieħed imniġġes.” Ommi marret lura d-dar bid-dmugħ f’għajnejha. Jien ħsibt dwar dan għal żmien twil. Kont nistaqsi bejni u bejn ruħi, ‘Min hu dan “il-wieħed imniġġes”?’
Fl-1948, meta kelli 12-il sena, ommi ħaditni fir-raħal taʼ Merenki fir-Repubblika taʼ Chuvash, madwar 80 kilometru ’l bogħod mid-dar tagħna. Hemmhekk kien hemm nixxigħat mediċinali, u ommi ttamat li stajt infiq b’dan l-ilma. Fost il-kundizzjonijiet li poġġewli l-qassisin biex inkun nistaʼ nfiq kien hemm li ma stajtx niekol għal tlett ijiem. Kelli wkoll nitqarben fil-knisja. Għalkemm ma tantx kelli fiduċja fil-knisja, qbilt maʼ dawn il-kundizzjonijiet. Il-vjaġġ għalija kien wieħed twil u diffiċli, imma ssaportejt, billi pprovajt nedha bis-sbuħija tal-veduti.
Il-knisja kienet mimlija bin-nies. Waqt li ommi kienet qed iġġorrni fost il-folla, waħda mara xiħa tatni ħelwa. Jien ħadtha u poġġejtha fil-but. Meta kien imissni nitqarben, dik ix-xiħa bdiet tgħajjat: “Father, tqarbnux! Għadu kemm kiel ħelwa!” Spjegajt li dik il-ħelwa kienet fil-but, imma l-qassis għajjat: “Ja mostru insolenti! Trid tigdeb ukoll? Oħorġuh mill-knisja!” L-għada, madankollu, qassis ieħor qarbinni u ħasilni bl-ilma “mirakoluż.” Madankollu, ma sar l-ebda miraklu. Id-diżabilitajiet tiegħi hemm baqgħu.
Kisbiet Intelletwali
Għalkemm kont inkapaċitat sew fiżikament, matul l-adolexxenza tiegħi segwejt ħafna miri akkademiċi u intellettwali. Fl-1956, ngħaqadt mal-Komsomol (Lega tal-Komunisti Żgħażagħ) u, maż-żmien, għallimt l-istorja tal-Komsomol liż-żgħażagħ. Kont membru tal-Kummissjoni Kulturali u tad-Dar, f’dar għall-inkapaċitati, u hemm kont naqdi bħala direttur tar-radju u nintroduċi l-programmi fuq ir-radju wkoll.
Iktar minn hekk, kont librar taʼ librerija mobbli taʼ kotba rekordjati għall-għomja, u ġejt elett biex inkun membru fil-Kummissjoni taʼ l-Imħallef għall-Ġlieda Kontra l-Abbuż taʼ l-Alkoħol. Kont nieħu sehem ukoll fi klabb t’artisti dilettanti, kont inkanta, u ndoqq diversi strumenti mużikali.
Fid-Dar għall-Inkapaċitati
Fl-1957, meta għalaqt 21 sena, minħabba d-diżabilitajiet tiegħi kelli nidħol f’dar għall-inkapaċitati. Madankollu, ma kelli l-ebda ħsieb li naqtaʼ qalbi. F’Ottubru taʼ l-1963, tlaqt lejn l-Istitut tar-Riċerka Xjentifika tal-Prostesi f’Moska. Hemmhekk eventwalment għamilt 18-il operazzjoni biex niddritta saqajja.
L-ewwel, saqajja ġew stirati. Imbagħad, wara tmint ijiem, saritli operazzjoni. Wara dan, qegħduli saqajja ġo forma biex iżommuhomli f’posthom sa l-operazzjoni taʼ wara. L-infermiera kienet tibki meta kienet tara kemm kont qed inbati.
Matul l-erbaʼ xhur taʼ wara, tgħallimt nimxi bil-krozzi. Bil-krozzi nistaʼ nerfaʼ lili nnifsi sakemm inkun għoli xi metru u ftit. Niżen ftit iktar minn 25 kilo. Meta tgħallimt nimxi sew bil-krozzi, fl-1964, erġajt lura lejn id-dar għall-inkapaċitati. Sfortunatament, l-għadam dgħajjef taʼ saqajja ma setax jiflaħ l-piż taʼ ġismi, u malajr kelli nerġaʼ nibda niċċaqlaq billi nitkaxkar jew permezz taʼ siġġu tar-roti. Sal-lum, is-siġġu tar-roti huwa l-mezz prinċipali li bih immur minn post għal ieħor.
Qatt ma rġajt mort il-knisja. Dak li ntqal li twelidt mill-“wieħed imniġġes” baqaʼ jitturmentani. Kont inħobbhom ħafna lil missieri u lil ommi, u sempliċement ma stajtx naċċetta li huma u Alla kienu jaħtu għall-qagħda tiegħi. Ipprovajt nibqaʼ pożittiv. Ridt nagħmel il-ġid lill-oħrajn u, fuq kollox, nuri lili nnifsi li jien ukoll kont kapaċi li nagħmlu dan.
Ngħix Ħajja Indipendenti
Fl-1970, iżżewwiġt lil Lidia, li kienet parzjalment paralizzata minn mindu kienet żgħira. Ħadna dar żgħira, li għexna fiha għal 15-il sena. Matul dak iż-żmien it-tnejn li aħna konna naħdmu biex naqilgħu l-għajxien tagħna. Tgħallimt insewwi l-arloġġi u apparat ieħor żgħir u regolat.
Għal ftit taż-żmien użajt kelb trenjat biex iwettaqli għadd taʼ servizzi utli. Fil-fatt, wieħed li jittrennja l-klieb u jien ivvintajna xedd magħmul b’mod speċjali. Kelli żewġt iklieb—wieħed jismu Vulkan u l-oħra Palma. Palma kienet ħabiba leali għal ħafna snin. Għand tal-ħanut kienet taqbad xi prodotti taʼ l-ikel għalija. L-unika ħaġa li ma kinitx tħobb tagħmel, kienet li toqgħod tistenna fil-kju biex inħallsu. Kienet iġġorrli l-kartiera f’ħalqha, u kellha grampun żgħir mal-kullar tagħha għall-basket tax-xiri tiegħi.
Fl-1973 ommi mardet serjament. Peress li dejjem kont inkun id-dar, marti u jien iddeċidejna li nġibuha toqgħod magħna. Sa dak iż-żmien missieri u ħamsa minn ħuti kienu mietu, u t-tlieta l-oħra kienu jgħixu f’partijiet oħra tar-Russja. Waqt li ommi kienet qed tgħix magħna, ipprovajt nagħmel li nistaʼ għaliha. Eventwalment hi mietet fl-età taʼ 85 sena.
Fl-1978 iddeċidejt li nibni karozza għalija nnifsi. Wara li esperimentajt fuq diversi karozzi, ħriġt b’waħda tajba. L-Ispettorat lokali tal-Vetturi taʼ l-Istat ħallewni nagħmel it-test tas-sewqan u nirreġistra l-karozza tiegħi. Semmejtha Osa (Żunżana). Marti u jien għamilna karavan żgħir għaliha li setaʼ jġorr sa 300 kilo. It-tnejn li aħna stajna nivvjaġġaw bih u nġorru l-affarijiet magħna. Din il-vettura servietna sa l-1985.
Bejn wieħed u ieħor f’dan iż-żmien għamejt minn għajni x-xellugija, u l-vista t’għajni l-leminija bdiet sejra lura. Imbagħad Lidia mardet bi problemi tal-qalb. Minħabba l-limitazzjonijiet tagħna, f’Mejju taʼ l-1985, ġejna mġagħlin immorru noqogħdu f’dar għall-inkapaċitati fil-belt taʼ Dimitrovgrad.
Għala Ħajti Hija tant Ferħana issa
Fis-sajf taʼ l-1990, ix-Xhieda taʼ Jehovah żaru d-dar tagħna għall-inkapaċitati. Dak li bdew jgħallmu sibtu interessanti ħafna. Urewni s-silta fl-Evanġelju taʼ Ġwanni dwar ir-raġel li twieled agħma. Dwaru Ġesù qal: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu.” (Ġwann 9:1-3) Spjegawli li aħna writna d-dnub u l-mard mill-antenat tagħna Adam.—Rumani 5:12.
Madankollu, l-iktar li laqatni kien il-fatt li fl-aħħar mill-aħħar Alla se jfejjaq lil dawk kollha li jaslu għall-ħajja taħt il-ħakma tas-Saltna taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, meta l-Ġenna se tiġi restawrata fuq l-art. (Salm 37:11, 29; Luqa 23:43; Apokalissi 21:3, 4) Dmugħ taʼ ferħ beda jgelgel maʼ wiċċi, u għedt minn taħt l-ilsien: “Sibt il-verità, il-verità, il-verità!” Studjajt il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah għal sena, u fl-1991, tgħammidt fl-ilma b’simbolu tad-dedikazzjoni tiegħi lejn Alla Jehovah.
Għalkemm żviluppajt xewqa qawwija li naqdi lil Jehovah u li nippriedka dwar l-iskopijiet taʼ l-għaġeb tiegħu, jien iffaċċjajt ħafna ostakli. Qabel, ma tantx kelli għalfejn immur minn post għall-ieħor, imma issa ridt noħroġ biex naqsam il-fidi tiegħi m’oħrajn. L-ewwel territorju tiegħi għall-ippridkar kien id-dar għall-inkapaċitati fejn konna noqogħdu, li fiha kienu jgħixu iktar minn 300 persuna. Sabiex stajt niġi f’kuntatt maʼ kemm jistaʼ jkun nies, tlabt biex niġi assenjat naħdem fil-kamra għal kwistjonijiet domestiċi.
Kull fil-għodu kont noqgħod bil-qegħda fejn kont naħdem u kont nieħu ħsieb taʼ l-inkarigi tiegħi. Fix-xogħol tiegħi, għamilt ħafna ħbieb ġodda li magħhom ikolli diskussjonijiet interessanti fuq suġġetti mill-Bibbja. Uħud minnhom aċċettaw kotba u rivisti li għenuhom biex jifhmu l-Bibbja. Dawk li jkunu qed iżuru d-dar drawni naqralhom mill-Bibbja u minn pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja. F’nofsinhar, tant ikun hemm nies fil-kamra fejn noqogħdu marti u jien, li xi kultant ħadd iktar ma jkun jistaʼ jidħol.
Ħuti Kristjani mill-kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah għenuni ħafna fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Iġibuli l-letteratura Biblika u jqattgħu l-ħin miegħi u maʼ marti. Jgħinuni wkoll biex nasal fis-Sala tas-Saltna għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Ċertu Xhud xtara mutur b’kaxxa fil-ġenb għal passiġġier bl-iskop li jwassalni ’l hawn u ’l hemm. Oħrajn, li għandhom il-karozzi, bil-ferħ jiġu għalija fix-xhur kesħin tax-xitwa.
Minħabba li ħadu ħsiebi bl-imħabba, stajt nattendi iktar minn tnax-il konvenzjoni, jew seminarji edukattivi, tax-Xhieda taʼ Jehovah. L-ewwel waħda kienet konvenzjoni internazzjonali kbira li saret f’Moska f’Lulju taʼ l-1993, fejn kien hemm attendenza b’quċċata taʼ 23,743 ruħ, minn 30 pajjiż u fuqhom. Sabiex nattendi din il-laqgħa kien ifisser li nagħmel vjaġġ taʼ xi 1,000 kilometru. Minn dak in-nhar ’l hawn ma tliftx konvenzjoni waħda tax-Xhieda taʼ Jehovah.
Id-diretturi tad-dar tagħna għall-inkapaċitati għandhom rispett profond lejja, u jien grat ħafna għal dan. Is-sieħba tiegħi, Lidia, li għext f’armonija magħha għal 30 sena, ukoll tappoġġani u tgħinni, għalkemm ma taqsamx l-istess ħarsiet reliġjużi li għandi jien. Imma fuq kollox, Jehovah jappoġġani bl-id setgħana tiegħu u jagħtini l-barkiet taʼ l-għaġeb tiegħu. M’ilux ħafna, fl-1 taʼ Settembru, 1997, ġejt maħtur bħala pijunier, kif jissejħu l-ministri full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah.
Kien hemm diversi okkażjonijiet f’ħajti meta qalbi setgħet waqfitli u stajt mitt. Kemm jien ferħan issa li dan ma seħħx u li sirt naf u nħobb lis-Sors tal-ħajja, Alla Jehovah! Jien nixtieq inkompli naqdih flimkien maʼ ħuti spiritwali mad-dinja kollha sakemm qalbi tkompli tħabbat.
[Stampa f’paġna 20]
Maʼ marti Lidia
[Stampa f’paġna 21]
Ngħallem lil student fid-dar għall-inkapaċitati fejn konna ngħixu