LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 11/14 pp. 12-13
  • Sibt it-tama meta l-iktar kelli bżonnha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sibt it-tama meta l-iktar kelli bżonnha
  • Stenbaħ!—2014
  • Materjal Simili
  • Insib is-saħħa fid-dgħufija tiegħi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Insib il-Ferħ Minkejja d-Diżabilitajiet Tiegħi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Attitudni Ferriħija Minkejja Diżabilitajiet Estremi
    Stenbaħ!—2000
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2014
g 11/14 pp. 12-13

Sibt it-​tama meta l-​iktar kelli bżonnha

Kif rakkontata minn Miklós Aleksza

F’daqqa waħda sibt ruħi wiċċi ’l isfel fl-​ilma. Ipprovajt nerfaʼ rasi biex nieħu n-​nifs, imma l-​muskoli t’għonqi ma ridux jirrispondu. Imwerwer, ipprovajt indur wiċċi ’l fuq, imma jdejja u saqajja ma ridux jiċċaqalqu. Il-​pulmun beda jimtela bl-​ilma. F’dik il-​ġurnata sajfija u sħuna fl-​1991, ħajti nbidlet għalkollox.

Miklós Aleksza

JIEN twelidt fil-​belt taʼ Szerencs u trabbejt fir-​raħal taʼ Tiszaladány fil-​Grigal tal-​Ungerija. F’Ġunju tal-​1991, mort maʼ ftit minn sħabi ħdejn ix-​Xmara Tisza f’post li ma konniex nafuh. Billi ħsibt li l-​ilma kien fond, qbiżt għal rasi. Kien żball oħxon! Ksirt tliet għadmiet minn għonqi u għamilt il-​ħsara fis-​sinsla taʼ dahri. Sieħbi ra li ma kontx qed niċċaqlaq u bil-​mod ħariġni mill-​ilma qabel m’għeriqt.

Bqajt konxju u kont naf li ġrat xi ħaġa gravi. Xi ħadd ċempel lis-​servizzi tal-​emerġenza, u ġie ħelikopter u ħadni l-​isptar, fejn it-​tobba operawni fis-​sinsla taʼ dahri biex ma ssirx iżjed ħsara. Iżjed tard, ittrasferewni għal Budapest, il-​belt kapitali, għar-​riabilitazzjoni. Domt wiċċi ’l fuq għal tliet xhur. Għalkemm stajt inċaqlaq rasi, ma kelli ebda kontroll fuq il-​muskoli minn spallejja ’l isfel. Taʼ 20 sena, spiċċajt niddependi għalkollox fuq oħrajn. Tant qtajt qalbi li ridt immut.

Meta fl-​aħħar ħallewni mmur id-​dar, il-​ġenituri rċivew taħriġ biex ikunu jistgħu jieħdu ħsiebi. Imma x-​xogħol kien iebes wisq għalihom fiżikament u emozzjonalment, u wara xi sena qabditni d-​dipressjoni. Imbagħad irċivejt għajnuna professjonali u dan għenni nbiddel ħarsti dwar id-​diżabilità tiegħi.

Ukoll, bdejt naħseb iżjed fil-​fond dwar il-​ħajja. Għandha skop? Din it-​traġedja għala ġrat lili? Qrajt xi rivisti u kotba biex nipprova nsib it-​tweġibiet. Ipprovajt naqra l-​Bibbja wkoll imma sibtha diffiċli nifhimha. Allura reġgħet sabet postha fuq l-​ixkaffa. Anki tkellimt maʼ qassis, imma t-​tweġibiet xejn ma sibthom sodisfaċenti.

Imbagħad, fir-​rebbiegħa tal-​1994, tnejn mix-​Xhieda taʼ Ġeħova żaru lil missieri, u hu talabhom ikellmu lili. Tajt widen hekk kif iddeskrivew l-​iskop li għandu Alla biex jagħmel l-​art ġenna u jelimina l-​mard u t-​tbatija. Għoġobni ħafna dak li smajt, imma kont xettiku. Xorta waħda, aċċettajt żewġ kotba li jgħinuk tifhem il-​Bibbja. Wara li qrajthom, ix-​Xhieda offrewli li jistudjaw il-​Bibbja miegħi, u jien aċċettajt. Ukoll ħeġġewni nitlob.

Sirt konvint li Alla tassew jagħti kasi

Hekk kif id-​diskussjonijiet tagħna mxew ’il quddiem, irċivejt it-​tweġibiet għal ħafna mill-​mistoqsijiet tiegħi direttament mill-​Bibbja. Sirt konvint ukoll li Alla tassew jimpurtah minni. Fl-​aħħar, fit-​13 taʼ Settembru 1997, wara li studjajt il-​Bibbja għal sentejn, tgħammidt id-​dar f’banju. Kienet waħda mill-​iżjed ġranet ferħanin taʼ ħajti.

Fl-​2007, mort ngħix f’Budapest għalkollox f’dar għal dawk b’diżabilità. Din iċ-​ċaqliqa tatni ħafna opportunitajiet biex naqsam m’oħrajn l-​affarijiet sbieħ li tgħallimt. Meta jkun il-​bnazzi, nistaʼ anki noħroġ barra biex inkellem lin-​nies, grazzi għal siġġu tar-​roti motorizzat li nidderieġi b’geddumi.

Bl-​għajnuna finanzjarja ġeneruża taʼ familja fil-​kongregazzjoni tiegħi, ksibt kompjuter li jaħdem billi jsegwi l-​movimenti taʼ rasi. Dan l-​apparat jippermettili nċempel lin-​nies permezz tal-​Internet u nikteb ittri lil inkwilini li ma kinux id-​dar meta l-​membri tal-​kongregazzjoni tiegħi żaruhom. Li ngħin lil ħaddieħor b’dan il-​mod tejjeb mhux ħażin l-​abbiltajiet tiegħi biex nikkomunika u għenni ma nibqax iffokat fuqi nnifsi.

Miklós Aleksza juża teknoloġija moderna biex jikkomunika

Naqsam il-messaġġ tal-Bibbja permezz tal-Internet bl-użu taʼ apparat li jsegwi l-movimenti taʼ rasi

Nistaʼ saħansitra nattendi l-​laqgħat Kristjani. Meta nasal is-​Sala tas-​Saltna, ħuti spiritwali bl-​attenzjoni jtellgħuni sular fis-​siġġu tar-​roti tiegħi fejn isiru l-​laqgħat. Waqt il-​laqgħat, meta l-​udjenza tiġi mistiedna tikkummenta, il-​ħu li jkun maġenbi jgħolli idu għalija. Imbagħad iżommli l-​Bibbja jew il-​ktieb li nkunu qed nużaw waqt li nagħmel il-​kumment tiegħi.

Il-​ħin kollu nkun muġugħ u għandi bżonn lil ħaddieħor biex jagħmilli kważi kollox. Għalhekk, kultant xorta nħossni skuraġġit. Imma nsib il-​faraġ fil-​ħbiberija li għandi m’Alla Ġeħova għax naf li jismaʼ meta niftaħ qalbi miegħu. Nikseb ukoll is-​saħħa mill-​qari tal-​Bibbja kuljum u mingħand ħuti spiritwali. Il-​ħbiberija, l-​appoġġ emozzjonali, u t-​talb tagħhom għalija jgħinuni nżomm bilanċ mentali u emozzjonali.

Ġeħova tani l-​faraġ meta l-​iktar kelli bżonnu. Tani wkoll it-​tama taʼ saħħa perfetta f’dinja ġdida. B’hekk, nixxennaq għaż-​żmien meta nkun nistaʼ ‘nimxi u naqbeż u nfaħħru’ għal dejjem għall-​imħabba u l-​qalb tajba straordinarja tiegħu.—Atti 3:6-​9.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja