Kul il-Ħaxix!
MINN KITTIEB TAʼ STENBAĦ! FIL-BRAŻIL
“Morr wisq.” “Għandu togħma ħażina.” “Qatt ma kiltu.”
DAWN huma ftit biss mir-raġunijiet għala ħafna ma jkunux iridu jieklu l-ħaxix. Xi ngħidu għalik? Int kuljum tiekol il-ħaxix? Stenbaħ! intervista lil xi individwi biex jiskopri għala xi wħud iħobbuh il-ħaxix u għala oħrajn ma jħobbuhx.
Dawk li jieklu l-ħaxix qalu li l-ġenituri tagħhom kienu għallmuhom kemm hu importanti li jieklu l-ħaxix u l-frott. Mill-banda l-oħra, ħafna minn dawk li ma jħobbux il-ħaxix ma kinux imdorrijin jikluh meta kienu żgħar. Minflok, kienu jippreferu ikel li ma tantx huwa sustanzjuż. Madankollu, dawn l-uħud ukoll qablu li l-ħaxix huwa importanti għal saħħa tajba.
Ġenituri, għallmu lil uliedkom jieklu l-ħaxix! Kif? Facts for Life, pubblikat mill-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal, jissuġġerixxi li għallinqas darba kuljum wara li jiġu misqijin il-ħalib taʼ l-omm jew il-flixkun, it-trabi taʼ madwar sitt xhur għandhom jingħataw il-ħaxix. Dan il-ħaxix irid ikun ġie mgħolli, imqaxxar, u mbagħad mgħaffeġ. Iktar ma tkun kbira l-varjetà taʼ ikel, iktar jagħmlilha ġid lit-tarbija. Dr. Vagner Lapate, speċjalista tat-tfal mill-Brażil, jgħid li filwaqt li l-ħalib huwa l-ikel prinċipali tat-tfal fl-ewwel sentejn tagħhom, il-fatt li ddaħħal ikel ieħor “jinkuraġġixxi lit-tarbija biex tiskopri togħmiet ġodda.”
Fil-ktieb Medicina—Mitos y Verdades (Il-Mediċina—Ħrejjef u Veritajiet), Carla Leonel tat is-suġġeriment li kwantità żgħira taʼ meraq tal-larinġ, frott mgħaffeġ (bħal banana, tuffieħ, u papaja), ċereali, u soppa tal-ħaxix jistgħu jibdew jingħataw lit-tarbija qabel iż-żmien li hu msemmi hawn fuq. M’għandniex xi ngħidu, peress li l-opinjonijiet dwar dan ivarjaw, ikun għaqli li tikkonsulta mat-tabib tat-tfal.