Negozju li Ilu Mwaqqaf għal Ħafna Żmien
Il-garaxx fejn John kien jaħdem l-għamara kien l-aqwa wieħed fil-komunità tiegħu. Kien mibni bl-aħjar mod u mgħammar bl-aqwa għodda. Għal John dan il-garaxx kien l-għaxqa tiegħu u kien veru kburi bih. Imma lejl wieħed il-garaxx ħa n-nar. Fi ftit sigħat, il-garaxx sabiħ li kellu spiċċa rmied.
IKTAR kmieni, John kien għaddielu minn moħħu li juża ftit flus milli kien warrab għall-bini tal-garaxx ħalli jagħmel assigurazzjoni kontra l-ħruq. Madankollu, hu rraġuna: ‘Jien noqgħod attent ħafna. Jekk il-garaxx qatt ma jieħu n-nar, l-assigurazzjoni tkun ħela taʼ flus.’ Imma fl-aħħar il-garaxx ħa n-nar. Li kieku l-garaxx taʼ John kien assigurat, x’aktarx li kien ikun jistaʼ jerġaʼ jibnih. Mingħajr assigurazzjoni, ma kellux biex.
X’Inhi l-Assigurazzjoni?
L-assigurazzjoni m’hijiex neċessarjament investiment fejn wieħed jistenna li jiġbor flusu lura. Lanqas m’hija logħba taʼ l-ażżard. Min jilgħab flusu jkun qed jidħol f’riskju, filwaqt li l-assigurazzjoni toffri protezzjoni kontra riskji li diġà jkunu jeżistu. L-assigurazzjoni hija mod kif ir-riskju jinqasam maʼ ħaddieħor.
Sa mill-qedem, komunitajiet taʼ nies kienu jagħtu xi ħaġa mir-riżorsi li kellhom biex jgħinu lil individwi li jġarrbu xi ħsara. Madwar 3,500 sena ilu, Mosè qal lill-familji tal-ġens taʼ Iżrael biex kull tant żmien jikkontribwixxu porzjon mill-prodotti tagħhom għall-“barrani, l-iltim u l-armla.”—Dewteronomju 14:28, 29.
Kif Bdiet l-Assigurazzjoni
L-assigurazzjoni ilha teżisti għal eluf taʼ snin. Għamla t’assigurazzjoni fuq kreditu kienet inkluża fil-Kodiċi taʼ Ħammurabi, ġabra taʼ liġijiet Babiloniżi li jaħsbu li tmur lura fiż-żmien qabel il-Liġi taʼ Mosè. Fl-antik, is-sidien tal-bastimenti kienu jissellfu l-flus mingħand investituri sabiex ikunu jistgħu jbaħħru u jagħmlu l-kummerċ. Jekk xi bastiment kien jinqered, is-sidien ma kinux responsabbli li jħallsu lura d-djun. Ladarba ħafna bastimenti kienu jirritornaw b’wiċċ il-ġid, l-imgħax li kienu jħallsu l-bosta sidien kien jagħmel tajjeb għar-riskji li kien jidħol għalihom min kien jislef.
Waħda mill-iktar kumpaniji t’assigurazzjoni famużi fid-dinja, Lloyd’s taʼ Londra, iktar tard ġiet ifformata f’ambjent marittimu simili. Sa l-1688, Edward Lloyd kellu ħanut tal-kafè fejn il-kummerċjanti u l-bankieri taʼ Londra kienu jiltaqgħu f’ambjent rilassat u jagħmlu n-negozju. Hemmhekk il-finanzieri li kienu joffru kuntratti t’assigurazzjoni lill-baħħara kienu jiktbu isimhom taħt l-ammont speċifiku taʼ riskju li kienu lesti jaċċettaw jekk jirċievu ċertu pagament, jew primjum. Fl-aħħar, fl-1769, Lloyd’s sar grupp formali t’assiguraturi u maż-żmien sar l-aqwa soċjetà t’assigurazzjoni involuta f’riskji marittimi.
L-Assigurazzjoni Llum
Illum, meta n-nies jixtru poloz t’assigurazzjoni, xorta jkunu qed jaqsmu r-riskju tagħhom m’oħrajn. Kumpaniji moderni t’assigurazzjoni jagħmlu studji fuq statistiċi li juru kemm kien hemm każi taʼ telf fil-passat, per eżempju, telf minn garaxxijiet taʼ negozju li ħadu n-nar. B’hekk huma jkunu jistgħu jbassru x’telf se jġarrbu l-klijenti tagħhom fil-futur. Il-kumpanija t’assigurazzjoni tuża l-flus li tiġbor mill-ħafna klijenti tagħha biex tkun tistaʼ tikkumpensa lil dawk il-klijenti li jġarrbu xi telf.
Għandek bżonnha assigurazzjoni? Jekk iva, liema għamla t’assigurazzjoni tgħodd għalik fiċ-ċirkustanzi li tinsab fihom? U sew jekk għandek assigurazzjoni u sew jekk le, liema prekawzjonijiet jistgħu jgħinuk biex tvinċi mar-riskji li ġġib il-ħajja?
[Stampa f’paġna 3]
Waħda mill-iktar kumpaniji t’assigurazzjoni famużi fid-dinja bdiet f’ħanut tal-kafè
[Sors]
Bil-korteżija taʼ Lloyd’s taʼ Londra