LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 3/8 pp. 8-11
  • Assigurazzjoni li Kulħadd Għandu Bżonn

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Assigurazzjoni li Kulħadd Għandu Bżonn
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Aħseb għall-​Ġejjieni
  • Kun Konxju tas-​Sigurtà
  • Ħu Ħsieb Saħħtek
  • Għamla Vitali t’Assigurazzjoni
  • Għandek Bżonnha l-Assigurazzjoni?
    Stenbaħ!—2001
  • Negozju li Ilu Mwaqqaf għal Ħafna Żmien
    Stenbaħ!—2001
  • Paġna Tnejn
    Stenbaħ!—2001
Stenbaħ!—2001
g01 3/8 pp. 8-11

Assigurazzjoni li Kulħadd Għandu Bżonn

KEMM jekk l-​assigurazzjoni hija komuni fejn toqgħod int u kemm jekk ma teżistix, hemm tip t’assigurazzjoni li kulħadd jistaʼ jiksibha u hekk għandu jagħmel. Ladarba l-​kelma assigurazzjoni tistaʼ tirreferi għal mezz kif tiggarantixxi protezzjoni jew sigurtà, kif tistaʼ tieħu vantaġġ minn dan it-​tip t’assigurazzjoni?

Tistaʼ tagħmel hekk billi tieħu passi prattiċi biex tnaqqas ir-​riskji li tistaʼ tħabbat wiċċek magħhom. Il-​Bibbja tosserva li “ż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi” jeffettwaw lil kulħadd. (Koħèlet 9:11) Madankollu, jekk tevita riskji bla bżonn, tnaqqas il-​possibbiltà li ġġarrab ħsara jew telf.

Aħseb għall-​Ġejjieni

Li taġixxi b’għerf prattiku huwa taʼ protezzjoni. Jekk f’xi perijodu tkun kemxejn tajjeb finanzjarjament, jistaʼ jkun possibbli li twarrab xi ħaġa tal-​flus għal meta tiġi bżonn. Fi żmien il-​qedem, Ġużeppi, raġel li kellu l-​biżaʼ t’Alla sar magħruf bħala “bniedem dehni u għaqli” billi ħażen l-​ikel għall-​pajjiż kollu taʼ l-​Eġittu meta kien hemm ix-​xabaʼ. Meta iktar tard waqaʼ ġuħ fuq il-​pajjiż, l-​aġir taʼ Ġużeppi mantna mhux biss lill-​Eġizzjani imma wkoll lill-​familja tiegħu stess.—Ġenesi 41:​33-36.

Protezzjoni oħra tistaʼ tkun li nkunu moderati f’dak li nixtru u nużaw. Nistgħu niffrankaw il-​flus u nnaqqsu l-​ħsibijiet billi ma niġġennux dejjem wara l-​aħħar moda, l-​aħħar tip taʼ divertiment, jew l-​aħħar apparat li ħareġ fis-​suq. Dawn l-​affarijiet ftit li xejn iżidulna s-​sigurtà ġenwina. Fil-​fatt, kif diġà rajna, iktar ma individwu jkollu ġid materjali, iktar għandu x’jitlef jew x’jinsteraqlu.—Luqa 12:15.

Kun Konxju tas-​Sigurtà

Fil-​ħajja nistgħu nnaqqsu ħafna mir-​riskji billi sempliċement inżommu f’moħħna s-​sigurtà. Min jaf kemm jistgħu jiġu evitati inċidenti traġiċi tat-​traffiku li kieku kulħadd kellu jsuq bil-​galbu u b’veloċità kemm suppost? Aħseb ukoll dwar kemm jistgħu jiġu salvati ħajjiet li kieku ħadd ma jsuq waqt li jkun għajjien mejjet jew wara li jixrob l-​alkoħol. Hemm ukoll riskji oħra fis-​sewqan li nistgħu nikkontrollawhom jew nevitawhom.

Per eżempju, f’diversi pajjiżi l-​liġi ma tippermettix l-​użu taʼ telefon ċellulari waqt is-​sewqan. Studju li sar wera li l-​użu tat-​telefon ċellulari waqt is-​sewqan iżid ir-​riskju taʼ inċident b’erbaʼ darbiet. Dan huwa l-​istess ammont taʼ riskju li jkollu individwu b’livell t’alkoħol fid-​demm taʼ 0.1 fil-​mija, livell li skond il-​liġi taʼ ħafna pajjiżi, persuna titqies bħala wisq fis-​sakra biex issuq.

L-użu regulari taċ-​ċinturin tas-​sigurtà wkoll inaqqas ir-​riskju taʼ mewt għas-​sewwieqa u l-​passiġġieri. Imma qatt tagħmilha fatta li għax liebes iċ-​ċinturin tas-​sigurtà u għandek l-​air bag jew għax assigurat, tistaʼ tieħu r-​riskji bla ma jiġrilek xejn. Ir-​riċerka turi li raġunar bħal dan iwassal għal iktar inċidenti.

Jekk iżżomm f’moħħok is-​sigurtà, tistaʼ tipprovdi wkoll assigurazzjoni fid-​dar u fuq il-​post tax-​xogħol. Jinsab kollox fl-​ordni u mingħajr periklu fid-​dar fejn toqgħod u fuq il-​post fejn taħdem? Ħares ħarsa madwarek. Hemm xi affarijiet fil-​passaġġi li n-​nies jistgħu jitfixklu fihom u jaqgħu? Għandek xi ħaġa li taqtaʼ jew apparat li jaħraq—bħal cooker, heater, jew ħadida tal-​mogħdija—f’post fejn in-​nies jistgħu jweġġgħu jew jinħarqu bihom? Għandek ħafna karti jiġru ’l hemm u ’l hawn jew materjal ieħor li jieħu n-​nar? Oqgħod attent b’mod speċjali għal affarijiet li jistgħu jkunu perikolużi għat-​tfal. Per eżempju, qegħdin ix-​xorb alkoħoliku u l-​prodotti velenużi kollha tat-​tindif f’post fejn ma jilħquhomx it-​tfal żgħar?

Ħu Ħsieb Saħħtek

Jekk tieħu ħsieb saħħtek b’mod raġunevoli, tistaʼ tnaqqas ir-​riskju tal-​mard. F’dan ir-​rigward, l-​għarfien jistaʼ jservi bħala forma t’assigurazzjoni. Kun konxju taʼ l-​affarijiet li jagħmlu ħsara lil saħħtek, u aġixxi minnufih meta jiżviluppaw problemi taʼ saħħa. Iktar importanti minn hekk, tgħallem kif tieħu ħsieb saħħtek u dik tal-​familja tiegħek. Ftakar li ftit prevenzjoni tiswa ħafna iktar mill-​kura.

Stenbaħ! ilu żmien twil jipprovdi tagħrif li jinkuraġġixxi lin-​nies biex jgħixu fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja, u b’hekk jevitaw vizzji u stili taʼ ħajja li jagħmlu ħsara lis-​saħħa. Per eżempju, fost il-​ħafna suġġetti li ġew diskussi fi Stenbaħ! kien hemm l-​importanza taʼ l-​indafa, dieta xierqa, irqad biżżejjed, u eżerċizzju regulari kif ukoll il-​bżonn li jiġi kontrollat l-​istress u l-​pass tal-​ħajja.

Għamla Vitali t’Assigurazzjoni

F’din id-​dinja imperfetta, l-​assigurazzjoni tistaʼ tkun xi ħaġa utli u prattika ħafna, imma l-​ebda polza t’assigurazzjoni ma tistaʼ tipproteġina għalkollox jew tagħtina lura dak kollu li nitilfu. Madankollu, jeżistu nies li huma fiduċjużi li m’humiex se jitħallew ifendu għal rashom, kemm jekk jistgħu jiksbu assigurazzjoni u kemm jekk le. Għala? Għax meta jseħħ xi diżastru, is-​segwaċi ġenwini taʼ Ġesù Kristu—dawk li jaqdu lil Missieru, Alla Jehovah—jagħmlu li jistgħu biex iħaffu t-​tagħbija taʼ xulxin.—Salm 83:19 [83:​18, NW]; Ġakbu 2:​15-17; 1 Ġwann 3:​16-18.

Iktar minn hekk, Jehovah nnifsu jwiegħed li qatt m’hu se jabbanduna lill-​qaddejja leali tiegħu. Salmista tal-​Bibbja kiteb: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-​Mulej jilqagħni għandu.” (Salm 27:10) Bħala l-​Għajn tal-​ħajja, Jehovah jistaʼ jirxoxta lil dawk li jmutu, u skond il-​Bibbja, hu ta l-​qawwa lil Ibnu Ġesù Kristu biex iqajjem lill-​mejtin. (Salm 36:10 [36:​9, NW]); Ġwann 6:​40, 44) Madankollu, il-​Kelma t’Alla tindika li mhux kulħadd se jiġi rxoxtat. (Ġwann 17:12) Allura, kif nistgħu nkunu ċerti li Alla se jiftakar fina fl-​irxoxt?

Fil-Priedka famuża taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù fil-​fatt tkellem dwar l-​iktar għamla t’assigurazzjoni taʼ min joqgħod fuqha. Hu qal: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-​dinja, fejn kollox jitmermer bil-​kamla u s-​sadid, u fejn il-​ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-​sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-​kamla u lanqas bis-​sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-​teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.”—Mattew 6:​19-21.

Taʼ spiss in-​nies jaraw kif igeddsu xi ħaġa tal-​flus bit-​tama li meta jixjieħu jkunu jistgħu jgħixu ħajja iktar komda. Madankollu, Ġesù wera liema kienet l-​għamla t’assigurazzjoni li l-​iktar tipprovdi sigurtà. Din l-​assigurazzjoni m’hemmx prezzha, u qatt m’hi se tfalli! Hu spjega: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.”—Ġwann 17:3.

Billi niksbu għarfien eżatt dwar Alla u dwar Ibnu u napplikaw f’ħajjitna dak li nitgħallmu, Alla se jiftakarna bħala wħud li nagħmlu affarijiet tajbin. (Lhud 6:10) L-​appostli Pietru u Ġwanni, it-​tnejn li huma enfasizzaw li s-​sistema preżenti taʼ ħakma mill-​bniedem se tispiċċa, skond dak li kienu tgħallmu mingħand l-​Imgħallem tagħhom, Ġesù Kristu. Madankollu, Ġwanni spjega: “Min jagħmel ir-​rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:17; Mattew 24:​3, 14: 2 Pietru 3:​7, 13.

Nistgħu nkunu fiduċjużi li jekk naqdu lil Alla, hu se jirxoxtana jekk immutu. U jekk nibqgħu ħajjin sa meta jtemm din is-​sistema t’affarijiet, hu se jżommna ħajjin għal ġod-​dinja ġdida tiegħu taʼ tjieba. Tabilħaqq, Alla wiegħed li se ‘jixxotta kull demgħa minn għajnejna’ u li ‘se jġedded kollox.’ (Apokalissi 21:​4, 5) Tassew, l-​aqwa assigurazzjoni minnhom kollha hi li naqdu lil Alla u nafdaw fil-​wegħdi tiegħu. U din l-​assigurazzjoni hija miftuħa għal kulħadd.

[Stampi f’paġna 8, 9]

Li tkun konxju tas-​sigurtà u tas-​saħħa huwa għamla t’assigurazzjoni

[Stampa f’paġna 10]

L-​aqwa assigurazzjoni għall-​futur hi li nitgħallmu dwar Alla u nagħmlu r-​rieda tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja