L-Ewkaliptus Kemm Hi Utli?
MINN KITTIEB TAʼ STENBAĦ! FL-AWSTRALJA
XI WĦUD minnhom huma ġganti—għoljin iktar minn 90 metru—u huma fost l-itwal fid-dinja. Oħrajn huma qosra u milwijin, imremblin ’l isfel viċin l-art niexfa qoxqox. Il-weraq tagħhom huma meravilja tal-ħolqien, u ż-żahar tagħhom ipaxxu l-għajnejn. B’mod jew ieħor, x’aktarx li int stess użajt xi parti minn din is-siġra.
Ftit minnhom għandhom ismijiet speċjali bħal alpine ash (Eucalyptus delegatensis) u Tasmanian oak, imma l-biċċa l-kbira minnhom huma magħrufin bl-Ingliż bħala gum tree komuni. Però propjament, il-gomma vera hija sustanza li tinħall fl-ilma magħmula mill-karboidrati, u l-ebda siġra taʼ l-ewkaliptus ma tipproduċiha. Għalhekk, dan l-isem fil-fatt jintuża ħażin. Is-siġar huma identifikati b’mod iktar korrett bħala l-familja Eucalyptus, u hemm iktar minn 600 membru f’din il-familja taʼ siġar li l-oriġini tagħhom hi mill-Awstralja.
L-ewkalipti jmorru tajjeb ħafna fis-sħana tropikali tat-Territorju Awstraljan tat-Tramuntana, kif ukoll fil-pjanuri xotti taʼ l-inħawi iżolati. Imma huma jiffjorixxu wkoll fl-irjieħ Antartiċi tat-Tasmanja tan-nofsinhar u n-nida li tifforma fil-katina taʼ muntanji li hemm mal-kosta. Tant huma mifruxin li ċertu esploratur u żoologu tas-seklu 19 ilmenta li kulfejn iħares, ħlief siġar taʼ l-ewkaliptus li ma jispiċċaw qatt ma kienx jara.
Minn mindu l-Ewropej bdew ġejjin joqogħdu l-Awstralja fis-seklu 19, l-ewkaliptus ġarrbet ħsarat kbar. Huwa stmat li mat-300,000 kilometru kwadru minn dawn is-siġar inqalgħu mill-għeruq minħabba li kienu jitqiesu bħala li qed ifixklu l-progress. Madankollu, mhux kulħadd wera dan in-nuqqas taʼ rispett għal din ir-riżorsa prezzjuża. Matul is-seklu 19, il-familja taʼ l-ewkalipti bdiet issir famuża mad-dinja kollha.
Imperatur, u Espert
Fis-snin 80 tas-seklu 19, l-Imperatur Menelik II taʼ l-Abbissinja, li issa tissejjaħ l-Etjopja, kellu bżonn siġar li jipprovdu d-dell u provvista taʼ njam għall-ħruq. Dawn riedhom għall-belt kapitali ġdida tiegħu, Addis Ababa, li kienet belt niexfa. Fl-Afrika ma kien hemm l-ebda siġra lokali li kienet addattata għal dawn l-inħawi neqsin mis-siġar. Għalhekk, l-esperti taʼ l-imperatur marru jfittxu band’oħra biex isibu siġra li kienet tiflaħ sew għal xemx tikwi minn taʼ l-inqas daqs tagħhom. “Addis Ababa” tfisser “Fjura Ġdida,” u l-isem jistaʼ jkun li ngħata b’unur l-ewkaliptus, siġra importata li saret utli u li beda jkollha rwol vitali fl-ekonomija taʼ l-Etjopja.
Raġel ieħor li ta sehmu f’li l-ewkaliptus tittieħed f’postijiet oħra hu l-espert Dr. Edmundo Navarro de Andrade. Billi kien determinat li jibni mill-ġdid il-foresti tal-Brażil li kienu qed jonqsu b’rata mgħaġġla, fl-1910 hu beda jimporta l-ewkalipti mill-Awstralja. Kien bis-saħħa tiegħu li tħawlu 38 miljun siġra minnhom. Illum hemm iktar minn elfejn miljun ewkaliptus kultivati fil-Brażil.
B’hekk, minbarra l-foresti tax-xita li minn dejjem kienu fil-Brażil, dan il-pajjiż għandu l-akbar popolazzjoni t’ewkalipti wara l-Awstralja. L-ekonomija tal-Brażil tant kisbet benefiċċji kbar minn dan, li talli daħħal dan l-oġġett prezzjuż f’pajjiżu Dr. Navarro ġie premjat midalja speċjali għal servizz distint.
Siġra tal-Ħajja
Ċerti tipi t’ewkalipti, bħal dawk li bl-Ingliż jissejħu mallees, jieħdu dak li jistgħu mill-art maqsuma bin-nixfa billi jaħżnu kwantitajiet kbar taʼ ilma fl-għeruq tagħhom. L-Aboriġini Awstraljani u l-esploraturi tal-bidu baqgħu ħajjin fl-inħawi iżolati li huma nexfin billi ħadu vantaġġ minn dawn l-ispeċi taʼ fliexken taʼ l-ilma li qegħdin taħt l-art. Kienu jħaffru biex isibu tulijiet sħaħ mill-għeruq tal-wiċċ u mbagħad jaqsmuhom f’biċċiet qosra. Meta xi ħadd jonfoħ f’tarf wieħed taʼ waħda minn dawn il-biċċiet, ikun jistaʼ joħroġ minnhom ċertu sugu kannella ċar. Għalkemm m’għandux xi togħma tajba ħafna, huwa kalkulat li minn għerq twil disaʼ metri jistaʼ joħroġ xi litru u nofs minn dan il-likwidu li jsalva l-ħajja.
Membri oħra tal-familja taʼ l-ewkalipti jiffjorixxu ħdejn art bl-għadajjar, billi jixorbu kemm jifilħu ilma mill-ħamrija mifqugħa bih. It-Taljani ħadu vantaġġ minn din il-karatteristika. Dan għamluh billi użaw dan it-tip t’ewkalipti biex jgħinhom ibattlu l-art bl-għadajjar f’Pontine mill-ilma, art li darba kienet impestata bin-nemus. Din iż-żona issa saret art li hija tajba ħafna għall-agrikultura.
Iktar minn 50 pajjiż madwar l-Afrika, l-Ameriki, l-Asja, u l-Ewropa adottaw l-ewkalipti minħabba li huma taʼ valur kemm b’mod kummerċjali u kemm fis-sbuħija. Dawk li jagħmlu l-għamara jistmawh ferm l-injam tagħhom ħamrani skur u dak taʼ kulur dehbi skur. Sors wieħed t’awtorità jgħid: “L-ewkalipti jipproduċu xi ftit mill-iktar injam tqil, iebes, u li jiflaħ li nafu bih. Il-kwalità taʼ l-injam, flimkien mar-rata mgħaġġla li [dawn is-siġar] jikbru biha . . . , jagħmlu lil [din il-klassi taʼ siġar] l-iktar sors prezzjuż taʼ njam iebes fid-dinja.”
Il-varjetajiet taʼ din is-siġra li jifilħu ħafna ilma jintużaw biex jinbnew vapuri, mollijiet fil-baħar, arbli tat-telefon, xtiebi, u blokok li jintużaw għall-bankini. Iktar minn hekk, iż-żahar sabiħ tagħha fuq il-varjetajiet magħrufin bħala yellow box (Eucalyptus melliodora) u ironbark (bħal Eucalyptus sideroxylon, Eucalyptus paniculata, u Eucalyptus resinifera) jipproduċi nektar ħelu, li n-naħal jaħdmu f’għasel li għandu togħma tajba ħafna. F’dawn l-aħħar snin, mill-Awstralja ġew esportati 4.5 miljun tunnellata taʼ njam taʼ l-ewkaliptus, u dan irriżulta fi qligħ taʼ xi Lm114-il miljun fis-sena.
Kino, Żejt, u Tannin
Mill-qoxra taz-zokk u mill-injam taʼ l-ewkaliptus toħroġ sustanza qisha gomma taʼ kulur aħmar bħad-demm imsejħa kino. Xi tipi taʼ kino jintużaw biex jipproteġu l-injam mis-susa tal-baħar. Il-kino jintuża wkoll fil-produzzjoni taʼ mediċina li tgħin biex twaqqaf id-demm milli jibqaʼ ħiereġ. Il-qoxra taz-zokk taʼ speċi oħrajn tipproduċi sustanza msejħa tannin. Din tintuża fil-proċess tal-produzzjoni tal-ġlud u biex jinżebgħu d-drappijiet.
Il-weraq huma meravilja tal-ħolqien u fihom ħażna taʼ żejt prezzjuż. Huma mdendlin bħal swabaʼ mitluqin f’id merħija, u t-truf tagħhom jippontaw lejn l-art. Dan id-disinn jgħin lill-weraq jagħmilha taʼ lembut kbir. L-ilma prezzjuż jinqabad fuq wiċċ il-weraq, u mbagħad iqattar mit-truf li qishom tal-ġilda u jinżel lejn is-sistema t’għeruq li tkun qed tistenna hemm taħt.
Iż-żejt taʼ l-ewkaliptus, li għandu riħa qawwija u li ġġibek fuq tiegħek, jinġibed mill-werqa permezz taʼ proċess taʼ fwar li mbagħad jintgħamel f’likwidu. Dan jintuża għal varjetà t’affarijiet. Per eżempju, jintuża fil-fwejjaħ, fis-sapun, fil-mediċini, fil-ħelu, u fil-prodotti tat-tindif. Fil-post naturali tiegħu, iż-żejt joħroġ bħala fwar mill-werqa u jimla l-arja bi qtar ċkejken. Imbagħad id-dawl tax-xemx jgħaddi mill-qtar u l-foresta tieħu dik id-dehra blu tagħha. Il-Blue Mountains, li jiddistingwu t-tarf tal-punent tal-belt taʼ Sydney, ngħataw dan l-isem mhux tas-soltu minħabba dan il-fenomenu.
Id-Dar t’Annimali Fitti fl-Ikel
L-iktar abitant famuż tal-foresta taʼ l-ewkalipti huwa l-ballun gustuż taʼ suf magħruf bħala l-koala. Dan l-annimal erbivoru li huwa fitt fl-ikel jippreferi jiekol mit-truf taʼ xi 12-il varjetà taʼ weraq taʼ l-ewkaliptus. Dieta limitata bħal din hija qattiela għall-biċċa l-kbira taʼ l-annimali, imma mhux għall-koala. Għala le?
Dan huwa hekk minħabba li s-sistema diġestiva tal-koala hi disinjata b’mod speċjali, u tinkludi appendiċi (il-musrana l-għamja) li tkun twila minn metru sa żewġ metri. Meta tqabbel dik tal-bniedem magħha, tal-bniedem tkun twila biss minn 8 sa 15-il ċentimetru. L-appendiċi unika tal-koala tippermetti lil dan l-annimal żgħir biex minn dan il-menù jieħu l-proteini, il-karboidrati, u x-xaħmijiet kollha li għandu bżonn.
Annimal li l-oriġini tiegħu hi mill-Awstralja, imma li hu inqas magħruf, huwa l-akbar wieħed mill-opossum li jtiru (Petauroides volans). Dan għandu l-istess dieta stretta taʼ weraq taʼ l-ewkaliptus bħalma għandu l-koala. Dan il-marsupjal sufi huwa bejn wieħed u ieħor daqs qattus tad-dar. Għandu denbu mberfel u twil madwar 40 ċentimetru. Għandu wkoll biċċiet tal-ġilda li jestendu minn saqajh taʼ quddiem għal dawk taʼ wara. Billi juża dawn il-ġwienaħ tal-ġilda, l-opossum jagħti s-salt minn fuq fergħa, jinqataʼ fl-arja għal xi 100 metru, kif ikun fl-arja jdur 90 grad, u mbagħad jaqbad mal-fergħa li jkun imiss qawwi u sħiħ.
Nirien tal-Foresti u Tkabbir mill-Ġdid
In-nirien tal-foresti huma taʼ periklu għall-foresti taʼ l-ewkalipti. Madankollu, is-siġar huma magħmulin b’tali mod li jibqgħu ħajjin. Dan kif?
Sewwa, eżatt taħt il-qoxra, kemm taz-zokk u kemm tal-friegħi tas-siġra, ikun hemm weraq żgħir li jkun għadu ma fetaħx u li jkun rieqed. Meta s-siġra titlef il-qoxra taz-zkuk u l-weraq tagħha minħabba xi nar, dan il-weraq żgħir jibda jisponta. Dan jiksi z-zokk tas-siġra li jkun swied b’saff ġdid taʼ weraq aħdar. Minħabba f’hekk, is-siġra oriġinali tkun tistaʼ tibqaʼ tgħix. Iktar minn hekk, iż-żrieragħ tas-siġra li jkunu reqdin fl-art taʼ spiss jaħtfu l-opportunità biex jinbtu, u b’hekk jikbru xtieli ġodda.
Siġra li Għandna Napprezzawha
Qatt ħadt mediċina meħuda mill-ewkaliptus biex ittaffi l-uġigħ fi griżmejk jew doqt ħelwa magħmula bl-għasel taʼ l-ewkaliptus? Qatt irkibt dgħajsa magħmula bl-injam taʼ din is-siġra? Qatt dħalt f’dar magħmula bl-injam taʼ l-ewkaliptus jew qabbadtu biex tisħon bih? Hemm ċans kbir li b’xi mod jew ieħor int ibbenefikajt minn din is-siġra taʼ l-għaġeb. Mela meta darb’oħra tara koala sufi—jew tara xi ritratt sabiħ tiegħu—jalla tiftakar fil-meravilja tal-ħolqien tas-siġra li l-koala jsejħilha daru.
Kemm huwa minnu li l-ewkaliptus, siġra versatili u li hija tant b’saħħitha, tistaʼ tintuża għal tant affarijiet.
[Stampa f’paġna 16, 17]
L-ewkalipti huma fost l-iktar siġar twal fid-dinja
[Stampa f’paġna 17]
In-naħal jużaw in-nektar taʼ l-ewkaliptus biex jipproduċu għasel tajjeb ħafna
[Stampa f’paġna 18]
L-ewkalipti “jipproduċu xi ftit mill-iktar injam tqil, iebes, u li jiflaħ li nafu bih”
[Stampi f’paġna 18]
Il-koala (xellug) u l-opossum kbir li jtir (lemin) jieklu weraq taʼ l-ewkaliptus
[Sors]
© Alan Root/Okapia/PR
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 16]
Geoff Law/The Wilderness Society
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 17]
Bil-korteżija tal-Mount Annan Botanic Gardens