Hija s-Soluzzjoni Parti mill-Problema?
“Li tbaxxi lill-priġunieri u ddgħajfilhom il-moral huwa l-agħar mod kif tippreparahom għad-dinja taʼ barra.”—Editorjal f’The Atlanta Constitution.
F’ĦAFNA każijiet il-ħabsijiet sempliċement iservu bħala restrizzjoni—u dan għal ftit taʼ żmien biss. Meta ħabsi jinħeles, ikun dan tassew ħallas għar-reat tiegħu?a Xi ngħidu għall-vittmi jew il-maħbubin tagħhom? “Jien omm taʼ tifel li ġie maqtul,” qalet bil-ħniena Rita meta l-qattiel, li nstab ħati li qatel lil binha taʼ 16-il sena, inħeles wara li qattaʼ tliet snin biss fil-ħabs. “Jekk jogħġobkom ieqfu ftit u aħsbu. Tistgħu qatt timmaġinaw x’jiġifieri dan?” Bħalma jintwera mill-każ taʼ Rita, it-traġedja taʼ spiss tibqaʼ għaddejja ħafna żmien wara li l-qrati jkunu għamlu xogħolhom u l-każ ma jkunx għadu jissemma iktar fil-faċċati tal-gazzetti.
Din il-kwistjoni ma tikkonċernax biss lil min kellu ħajtu effettwata mill-kriminalità imma tirrigwarda wkoll lil ħaddieħor ukoll. Wara kollox, il-kwistjoni jekk il-ħabsin li jinħelsu joħorġux riabilitati jew sempliċement isiru iktar ħorox wara ż-żmien li jqattgħu fil-ħabs teffettwa direttament il-paċi tal-moħħ tiegħek jekk mhux ukoll is-sigurtà nfisha tiegħek.
Skejjel għall-Kriminali
Is-sistema tal-ħabsijiet mhux dejjem trażżnu l-aġir kriminali. Jill Smolowe, fir-rivista Time, tgħid li meta jintefqu ħafna flus biex tinbena ċella oħra, minflok ma jibdlu l-attitudni li l-priġunier għandu lejh innifsu, dan taʼ spiss sempliċement iwassal għal iktar kriminalità, li tkun agħar minn qabel. Dak li qal Peter,b li qattaʼ 14-il sena l-ħabs, jaqbel maʼ din l-istqarrija. Hu jgħid: “Il-biċċa l-kbira tal-priġunieri sħabi bdew b’reati żgħar, imbagħad imxew ’il quddiem għal reati fuq propjetà, u fl-aħħar iggradwaw għal offiżi serji kontra nies oħra.” Jgħid ukoll: “Għalihom, il-ħabsijiet huma bħal skejjel tas-snajjaʼ. Minn hemm ġew joħorġu agħar milli daħlu.”
Filwaqt li l-ħabsijiet iżommu lill-kriminali ’l bogħod mis-soċjetà għal xi żmien, mid-dehra dawn ftit li xejn jagħmlu—jekk jagħmlu xi ħaġa—biex iżommuhom milli jikkommettu reati oħra għal perijodu twil taʼ żmien. Xi subien u ġuvintur mill-qalba tal-bliet taʼ spiss iħarsu lejn il-priġunerija bħala turija li issa laħqu rġiel. Taʼ spiss, dawn jispiċċaw isiru kriminali ħorox. “Il-ħabs mhux veru jirriabilitak,” jgħid Larry, li qattaʼ l-biċċa l-kbira taʼ ħajtu dieħel u ħiereġ il-ħabs. “Dawn in-nies joħorġu u jerġgħu jagħmlu l-istess ħaġa mill-ġdid.”
Nies bħal dawn jinqabdu ġo ċirku bla tarf—joħorġu mill-ħabs, jagħmlu reat ieħor u jerġgħu jintefgħu ġewwa. Skond studju li sar fl-Istati Uniti, dan il-fatt jispjega għala 50 fil-mija tar-reati gravi kollha jsiru minn madwar 5 fil-mija tal-kriminali. Ir-rivista Time tinnota li meta l-priġunieri ma jkollhomx mod siewi kif jgħaddu l-ħin, dawn taʼ spiss iqattgħu s-sigħat jimtlew bl-għadab, biex ma nsemmux ukoll ir-ruxxmata taʼ manuvri kriminali li jitgħallmu, biex jużawhom għal meta jerġgħu joħorġu mill-ħabs.
Din m’hijiex xi ħaġa li tiġri biss fl-Istati Uniti. John Vatis, tabib f’ħabs militari fil-Greċja, jgħid: “Il-ħabsijiet tagħna saru tajbin ħafna f’li jipproduċu nies li jheddu, vjolenti, u mill-agħar. Meta jinħelsu, il-biċċa l-kbira tal-ħabsin ikunu jridu ‘jpattuhielha’ lis-soċjetà.”
L-Ispiża li Taqaʼ fuq is-Soċjetà
Il-kriżi li hemm fil-ħabsijiet teffettwa saħansitra lil butek. Per eżempju, huwa stmat li fl-Istati Uniti, dawk li jħallsu t-taxxi jridu joħorġu madwar $21,000 (Lm9,500) għal kull ħabsi fis-sena. Ħabsin li għandhom iktar minn 60 sena jistgħu jiswew it-triplu taʼ dan. F’ħafna pajjiżi, in-nies qed jitilfu l-fiduċja fis-sistema penali għal diversi raġunijiet oħra. Jeżisti tħassib dwar kriminali li jinħelsu mill-ħabs qabel il-waqt, kif ukoll kriminali li jirnexxilhom jeħilsuha ħafif għalkollox minn sentenzi tal-ħabs minħabba xi dettall legali żgħir li xi avukat makakk ikun skopra. Taʼ spiss, il-vittmi ma jħossuhomx protetti biżżejjed minn dawn il-kriminali li jkunu għadhom kif inħelsu, u ftit li xejn ikollhom influwenza fuq il-proċess legali.
Ikompli Jikber it-Tħassib tal-Pubbliku
Il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema tal-ħabsijiet ma tantx tistaʼ titjieb meta n-nies jaraw kif il-priġunieri qed jiġu esposti għal kundizzjonijiet krudili għall-aħħar, bħalma nistgħu naraw fil-kaxxa li tidher hawn. Il-priġunieri li jgħaddu minn trattament inġust waqt li jkunu qed jiskontaw is-sentenza tagħhom x’aktarx li ma jkunux jistgħu jirriabilitaw ruħhom b’suċċess. Minbarra hekk, għadd taʼ gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem huma mħassba dwar in-numru sproporzjonat taʼ membri taʼ gruppi taʼ minoranza li jinsabu fil-ħabsijiet. Huma jiddubitaw jekk din il-ħaġa hix kumbinazzjoni jew hix riżultat taʼ diskriminazzjoni razzjali.
Rapport taʼ l-Associated Press taʼ l-1998 ġibed l-attenzjoni għall-qagħda mwegħra li jinsabu fiha ex-priġunieri tal-Ħabs taʼ Holmesburg, f’Pennsylvania, l-Istati Uniti. Dawn kienu qegħdin jitolbu kumpens għax allegaw li waqt li kienu fil-ħabs kienu saru xi esperimenti kimiċi fuqhom bħall-annimali. U xi ngħidu għall-fatt li fl-Istati Uniti reġgħet daħlet is-sistema tal-priġunieri marbutin flimkien b’katina? Amnesty International tirrapporta: “Ix-xogħol minn grupp marbut b’katina jdum minn 10 sa 12-il siegħa, taʼ spiss taħt xemx tisreġ, b’waqfiet qosra ħafna biex jixorbu l-ilma, u siegħa biex jieklu. . . . L-uniku aċċess għall-faċilità taʼ tojlit għall-priġunieri marbutin flimkien b’katina huwa barmil li jistaʼ jinġarr u jitqiegħed wara xi tip taʼ għata temporanja. Il-priġunieri jibqgħu marbutin flimkien bil-katina waqt li jużawh. Meta l-barmil ma jkunx jistaʼ jintuża, il-priġunieri jkollhom jinżlu kokka fl-art quddiem kulħadd.” M’għandniex xi ngħidu, mhux il-ħabsijiet kollha jaħdmu b’dan il-mod. Madankollu, trattament krudili bħal dan ineħħi l-valuri u l-kwalitajiet umani kemm tal-priġunieri u kemm taʼ min jagħtih.
Il-Komunità Qegħda Tibbenefika?
Huwa naturali li l-maġġuranza tan-nies iħossuhom iktar protetti meta kriminali perikolużi jintefgħu l-ħabs. Komunitajiet oħra jieħdu pjaċir bil-ħabsijiet għal raġunijiet differenti. Meta kien se jagħlaq ħabs fir-raħal żgħir taʼ Cooma fl-Awstralja, in-nies ipprotestaw. Għala? Għax il-ħabs kien jipprovdi impjiegi għall-komunità li kienet batuta ekonomikament.
Dan l-aħħar xi gvernijiet biegħu l-ħabsijiet tagħhom lil intrapriżi privati bħala miżura biex inaqqsu l-ispejjeż. Sfortunatament, in-negozju jmur tajjeb iktar ma jkun hemm priġunieri u iktar ma jkollhom sentenzi twal. Għaldaqstant, il-ġustizzja tistaʼ tibda titħallat mal-kummerċjaliżmu.
Wara li ntqal dan kollu, tibqaʼ l-mistoqsija fundamentali: Il-ħabsijiet jirriabilitawhom lill-kriminali? Filwaqt li t-tweġiba hija iktar le milli iva, għandek mnejn tibqaʼ skantat meta ssir taf li xi priġunieri ġew megħjunin biex jinbidlu. Ejja naraw kif.
[Noti taʼ taħt]
a Għalkemm qed nirreferu għall-ħabsin fil-maskil, il-prinċipji diskussi ġeneralment jirreferu kemm għal priġunieri rġiel u kemm għal priġunieri nisa.
b Xi wħud mill-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 6, 7]
Daqqa t’Għajn Lejn is-Sitwazzjoni fil-Ħabsijiet
ĦABSIJIET IFFOLLATI: Fil-Britannja teżisti problema kbira taʼ ħabsijiet iffollati żżejjed, u mhux taʼ b’xejn! Mill-Ewropa kollha tal-Punent, il-Britannja hija fit-tieni post bl-ogħla rata taʼ ħabsin għal kull ras, b’125 ħabsi għal kull 100,000 ruħ mill-popolazzjoni. Fil-Brażil, l-akbar ħabs f’São Paulo huwa mibni biex jesaʼ 500 ħabsi. Minflok, fih jinżammu 6,000 ruħ. Fir-Russja, ċelel li suppost iżommu 28 ħabsi qed ikun fihom bejn 90 u 110. Il-problema tant hija gravi li l-priġunieri jistgħu jorqdu biss x’ħin imisshom. F’pajjiż Asjatiku, 13 jew 14-il ħabsi jitpoġġew marsusin flimkien ġo ċella taʼ 3 metri kwadri. Sadattant, fl-Awstralja tal-Punent, l-uffiċjali pprovaw isolvu l-problema tan-nuqqas taʼ spazju billi jużaw il-containers tal-merkanzija bħala ċelel għall-ħabsin.
VJOLENZA: Il-gazzetta Ġermaniża Der Spiegel tirrapporta li fil-ħabsijiet Ġermaniżi, ħabsin kiefra joqtlu u jittorturaw minħabba “l-gwerra taʼ kompetizzjoni bejn il-klikek biex imexxu negozji illegali taʼ alkoħol u narkotiċi, sess, u mgħax żejjed fuq self.” It-tensjoni etnika taʼ spiss tqanqal il-vjolenza fil-ħabsijiet. “Hemm ħabsin minn 72 pajjiż,” tinnota Der Spiegel. “In-nuqqas taʼ qbil u l-konflitti li jwasslu għall-vjolenza huma inevitabbli.” F’wieħed mill-ħabsijiet fl-Amerika t’Isfel, l-uffiċjali qalu li bħala medja, kull xahar inqatlu 12-il priġunier. Il-ħabsin qalu li n-numru kien id-doppju, irrapportat il-Financial Times taʼ Londra.
ABBUŻ SESSWALI: Fl-artiklu “The Rape Crisis Behind Bars” (Il-Kriżi taʼ l-Istupru fil-Ħabsijiet), The New York Times tgħid li fl-Istati Uniti, bħala stima prudenti, “kull sena iktar minn 290,000 raġel jiġu attakkati sesswalment fil-ħabsijiet.” Ir-rapport ikompli: “L-esperjenza tal-biżaʼ tal-vjolenza sesswali ġeneralment tinvolvi iktar minn okkażjoni taʼ darba, u taʼ spiss l-attakk jibda jseħħ kuljum.” Organizzazzjoni waħda tikkalkula li fil-ħabsijiet taʼ l-Istati Uniti, kull ġurnata jseħħu mas-60,000 att sesswali mhux mixtieq.
SAĦĦA U NDAFA: Jeżistu biżżejjed provi li fost il-popolazzjoni tal-ħabsijiet jinfirex ħafna mard trasmess sesswalment. Fl-aħbarijiet madwar id-dinja tissemma ħafna t-tuberkulosi fost il-ħabsin fir-Russja u f’xi pajjiżi Afrikani, kif ukoll in-nuqqas t’attenzjoni fl-oqsma tal-kura medika, l-indafa, u n-nutriment f’ħafna ħabsijiet madwar id-dinja.
[Stampa]
Ħabs iffollat iżżejjed f’São Paulo, fil-Brażil
[Sors]
AP Photo/Dario Lopez-Mills
[Stampa f’paġna 4, 5]
Il-ħabs b’sigurtà massima La Santé f’Pariġi, Franza
[Sors]
AP Photo/Francois Mori
[Stampa f’paġna 6]
Ħabsin nisa f’Managua, fin-Nikaragwa
[Sors]
AP Photo/Javier Galeano