LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 6/8 pp. 4-9
  • Il-Mediċina Moderna—Sa Fejn Tistaʼ Tasal?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Mediċina Moderna—Sa Fejn Tistaʼ Tasal?
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jitqiegħed il-​Pedament
  • Mix-​Xogħol taʼ Barbier għal Xogħol Kirurġiku
  • Il-​Ġlieda Kontra l-​Mard
  • Il-​Mediċina tas-​Seklu Għoxrin
  • Mira li Ma Tistax Tintlaħaq?
  • It-​Terapija bil-​Ġeni Tipprovdi s-​Soluzzjoni?
  • Il-Battalja Kontra l-Mard u l-Mewt—Qiegħda Tiġi Mirbuħa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Terapiji Alternattivi—Għala Ħafna Jużawhom
    Stenbaħ!—2000
  • Saħħa Aħjar—Hemm Xi Direzzjoni Ġdida?
    Stenbaħ!—2000
  • Tkompli Tiżdied il-Ħtieġa għal Mediċina u Kirurġija Mingħajr Demm
    Stenbaħ!—2000
Stenbaħ!—2001
g01 6/8 pp. 4-9

Il-​Mediċina Moderna—Sa Fejn Tistaʼ Tasal?

F’PAJJIŻI fejn jikbru s-​siġar tat-​tuffieħ, it-​tfal malajr jitgħallmu li jekk ikunu jridu jaqtgħu tuffieħa li ma jkunux jistgħu jilħquha f’siġra għolja, jistgħu jġibuha billi jitilgħu fuq spallejn wieħed minn sħabhom. Fil-​qasam tal-​mediċina, ġrat xi ħaġa simili. Ir-​riċerkaturi tal-​mediċina laħqu livell ogħla fix-​xogħlijiet tagħhom billi tgħallmu u mxew fuq dak li għamlu tobba u professjonisti tal-​mediċina famużi tal-​passat.

Fost dawk li żmien twil ilu kienu jfejqu kien hemm irġiel magħrufin ħafna, bħal per eżempju Ippokrate u Pasteur, flimkien maʼ rġiel bħal Vesalju, u William Morton—ismijiet li ħafna minna ma nafux bihom. Dawn b’liema mod taw sehemhom fl-​avvanzi tal-​mediċina moderna?

Fi żmien il-​qedem, l-​arti tal-​fejqan ħafna drabi ma kinitx issir bħala xi ħaġa xjentifika, imma kienet involuta primarjament fis-​superstizzjoni u ritwali reliġjużi. Il-​ktieb The Epic of Medicine, li l-​editur tiegħu huwa Dr. Felix Marti-Ibañez, jgħid li biex jiġġieldu l-​mard in-​nies tal-​Mesopotamja kienu jużaw taħlita taʼ mediċina u reliġjon, peress li kienu jemmnu li l-​mard kien kastig mill-​allat tagħhom. Il-​mediċina Eġizzjana, li ġiet ftit wara, bl-​istess mod oriġinat mir-​reliġjon. Għalhekk, sa mill-​bidunett, dak li kien ifejjaq kien jitqies b’ammirazzjoni reliġjuża.

Fil-ktieb tiegħu The Clay Pedestal, it-​Tabib Thomas A. Preston josserva: “Ħafna mit-​twemmin tan-​nies tal-​qedem ħalla effett profond fuq il-​prattika tal-​mediċina li għadu jeżisti sa llum. Twemmin wieħed kien li l-​mard ma setax jiġi kontrollat mill-​pazjent, u kien biss permezz tal-​qawwa maġika tat-​tabib li setaʼ jkun hemm tama taʼ fejqan.”

Jitqiegħed il-​Pedament

Maż-​żmien, iżda, il-​prattika tal-​mediċina bdiet tieħu xejra iktar u iktar xjentifika. L-​ewwel bniedem tal-​qedem li kien ifejjaq b’mod xjentifiku kien Ippokrate. Hu twieled madwar is-​sena 460 Q.E.K. fuq il-​gżira Griega taʼ Kos, u ħafna jqisuh bħala missier il-​mediċina tal-​Punent. Ippokrate poġġa l-​bażi għal metodu raġunat fil-​mediċina. Hu rrifjuta l-​idea li l-​mard kien kastig mill-​allat, u ġab l-​argument li l-​mard kien jiġi b’kawżi naturali. Per eżempju, l-​epilessija kienet ilha tissejjaħ marda sagra minħabba t-​twemmin li l-​allat biss setgħu jfejquha. Imma Ippokrate kiteb: “Inkwantu għall-​marda msejħa Sagra: jidhirli li bl-​ebda mod ma hija iktar divina jew iktar sagra minn mard ieħor, imma għandha kawżi naturali.” Ippokrate kien ukoll l-​ewwel bniedem li jfejjaq magħruf li osserva s-​sintomi taʼ mard differenti u niżżilhom bil-​miktub għal referenza iktar ’il quddiem.

Sekli wara, Galen, tabib Grieg li twieled fis-​sena 129 E.K., bl-​istess mod għamel riċerka xjentifika ġdida. Galen ipproduċa ktieb dwar l-​anatomija, ibbażat fuq studji dwar partijiet minn bnedmin u annimali, u dam jintuża mit-​tobba għal sekli sħaħ! Andreas Vesalius, li twieled fi Brussell fl-​1514, kiteb il-​ktieb On the Structure of the Human Body (Dwar l-​Istruttura tal-​Ġisem Uman). Dan iltaqaʼ maʼ oppożizzjoni, peress li kien jikkontradixxi ħafna minn dak li kkonkluda Galen. Imma dan il-​ktieb qiegħed il-​pedament għall-​anatomija moderna. Skond il-​ktieb Die Grossen (In-Nies Kbar), Vesalju b’hekk sar “wieħed mill-​iktar riċerkaturi mediċi importanti mill-​popli kollha u minn kull żmien.”

It-teoriji taʼ Galen dwar il-​qalb u ċ-​ċirkulazzjoni tad-​demm bl-​istess mod ma baqgħux jgħoddu maż-​żmien.a It-​tabib Ingliż William Harvey qattaʼ snin sħaħ jifred u jistudja l-​partijiet taʼ l-​annimali u t-​tjur. Hu osserva kif kienu jaħdmu l-​valvijiet tal-​qalb, kejjel il-​volum tad-​demm f’kull waħda mis-​sezzjonijiet tal-​qalb, u kkalkula l-​ammont taʼ demm fil-​ġisem. Harvey ppubblika l-​iskoperti tiegħu fl-​1628 fi ktieb jismu On the Motion of the Heart and Blood in Animals (Dwar il-​Moviment tal-​Qalb u d-​Demm fl-​Annimali). Kien hemm min ikkritikah, opponieh, attakkah, u insultah. Imma xogħlu ġab bidla importanti ferm fil-​mediċina—kien skopra s-​sistema taċ-​ċirkulazzjoni fil-​ġisem!

Mix-​Xogħol taʼ Barbier għal Xogħol Kirurġiku

Kienu qed isiru passi taʼ ġgant ukoll fil-​qasam tal-​kirurġija. Matul il-​Medju Evu, il-​kirurġija taʼ spiss kienet issir mill-​barbiera. Mhux taʼ b’xejn li xi wħud jgħidu li missier il-​kirurġija moderna kien raġel Franċiż tas-​seklu 16 Ambroise Paré—kirurgu pijunier li qeda lil erbaʼ slaten taʼ Franza. Paré ivvinta wkoll għadd taʼ strumenti kirurġiċi.

Waħda mill-​akbar problemi li l-​kirurgu tas-​seklu 19 kien għadu jiffaċċja kienet li ma setax imewwet l-​uġigħ tal-​kirurġija. Imma fl-​1846 dentist jismu William Morton fetaħ it-​triq għall-​użu popolari taʼ l-​anestetiċi fil-​kirurġija.b

Fl-1895, waqt li kien qed jesperimenta bl-​elettriku, it-​tabib Ġermaniż Wilhelm Röntgen ra raġġi għaddejjin mil-​laħam imma mhux mill-​għadam. Ma kienx jaf minfejn oriġinaw dawn ir-​raġġi, u għalhekk semmiehom X rays u dan l-​isem għadu jintuża sa llum fil-​lingwa Ingliża. (Il-Ġermaniżi jafuhom bħala Röntgenstrahlen.) Skond il-​ktieb Die Großen Deutschen (Ġermaniżi Kbar), Röntgen qal lil martu: “In-​nies se jgħidu: ‘Röntgen iġġennen.’” Xi wħud hekk qalu. Imma l-​iskoperta tiegħu ġabet rivoluzzjoni fil-​kirurġija. Il-​kirurgi issa setgħu jaraw fil-​ġisem mingħajr ma jiftħuh.

Il-​Ġlieda Kontra l-​Mard

Matul iż-​żminijiet, mard li jittieħed bħall-​ġidri, kien kontinwament iġib epidemiji, biżaʼ, u mewt. Ar-Rāzī, Persjan tad-​disaʼ seklu li xi wħud kienu jqisuh bħala l-​akbar tabib fid-​dinja Islamika taʼ dak iż-​żmien, kiteb l-​ewwel deskrizzjoni medika eżatta tal-​ġidri. Imma kien sekli wara li t-​tabib Britanniku Edward Jenner sab mezz kif jikkurah. Jenner innota li meta individwu kien ilaqqat marda oħra mhix perikoluża msejħa cowpox, ma kinitx taqbdu l-​ġidri. Skond din l-​osservazzjoni, Jenner uża materjal minn biċċiet taʼ ġilda infettati bil-​cowpox biex jiżviluppa vaċċin kontra l-​ġidri. Dan sar fl-​1796. Bħal nies oħra li ħarġu b’affarijiet ġodda, Jenner kien kritikat u ltaqaʼ m’oppożizzjoni. Imma l-​iskoperta tiegħu tal-​proċess tat-​tilqim maż-​żmien wasslet biex il-​marda tinqered għalkollox u pprovdiet lill-​qasam tal-​mediċina għodda ġdida qawwija.

Il-Franċiż Louis Pasteur uża t-​tilqim biex jiġġieled kontra r-​rabja taʼ l-​annimali (rabies) u l-​antraċe. Hu wera wkoll li l-​mikrobi kellhom irwol fundamentali f’li jikkaġunaw il-​mard. Fl-​1882, Robert Koch identifika l-​mikrobu li jikkaġuna t-​tuberkulosi, li wieħed kittieb taʼ l-​istorja ddeskrivieha bħala “l-​akbar marda qattiela tas-​seklu dsatax.” Madwar sena wara, Koch identifika l-​mikrobu li jikkaġuna l-​kolera. Ir-​rivista Life tgħid: “Ix-​xogħol taʼ Pasteur u Koch introduċa x-​xjenza tal-​mikrobijoloġija u wassal għal avvanzi fl-​immunoloġija, is-​sanità u l-​iġjene li tawlu iktar il-​ħajja tal-​bnedmin minn kwalunkwe avvanz xjentifiku ieħor f’dawn l-​aħħar 1,000 sena.”

Il-​Mediċina tas-​Seklu Għoxrin

Fil-​bidu tas-​seklu 20, il-​qasam tal-​mediċina kien qed jitgħallem u jimxi fuq dak li għamlu dawn it-​tobba u tobba bravi oħrajn. Minn dakinhar ’l hawn, l-​avvanzi tal-​mediċina saru b’rata mgħaġġla ferm—l-​insulina għad-​dijabete, il-​kemoterapija għall-​kanċer, il-​kura bl-​ormoni għall-​mard fil-​glandoli, l-​antibijotiċi għat-​tuberkulosi, il-​klorokin għal ċerti tipi taʼ malarja, u d-​dijalisi għal mard fil-​fwied, kif ukoll il-​kirurġija bil-​qalb miftuħa, u t-​trapjanti taʼ l-​organi, biex insemmu ftit minnhom.

Imma issa li ninsabu fil-​bidu tas-​seklu 21, il-​mediċina kemm waslet qrib li tilħaq il-​mira li tiżgura “livell aċċettabbli taʼ saħħa għan-​nies kollha tad-​dinja”?

Mira li Ma Tistax Tintlaħaq?

It-​tfal jafu li billi jitilgħu fuq spallejn xi ħadd minn sħabhom ma jfissirx li se jilħqu kull tuffieħa. Xi ftit mill-​iktar tuffieħ immerraq ikun fl-​iktar parti għolja tas-​siġra, u żgur li ma jkunux jistgħu jilħquh. Bl-​istess mod, il-​qasam tal-​mediċina kompla jilħaq iktar fl-​għoli u jwettaq iktar affarijiet. Imma l-​iktar mira prezzjuża—saħħa tajba għal kulħadd—għadha fl-​iktar parti għolja tas-​siġra fejn ma tistax tintlaħaq.

B’hekk, filwaqt li fl-​1998 il-​Kummissjoni Ewropea rrapportat li “l-​Ewropej qatt ma gawdew ħajjiet daqstant twal u f’saħħithom,” ir-​rapport żied: “Persuna waħda minn kull ħamsa se tmut kmieni qabel l-​età taʼ 65 sena. Il-​kanċer se jaħti għal xi 40% taʼ dawn l-​imwiet, il-​mard kardjovaskulari jaħti għal 30% oħra . . . Trid tiġi provduta protezzjoni akbar kontra affarijiet ġodda li jheddu s-​saħħa.”

Ir-rivista Ġermaniża dwar is-​saħħa Gesundheit f’Novembru taʼ l-​1998 irrapportat li l-​mard infettiv, bħall-​kolera u t-​tuberkulosi, qed isir iktar taʼ theddida. Għala? L-​antibijotiċi “m’humiex qed jibqgħu daqshekk effettivi. Iktar u iktar batterji jifilħu għal minn taʼ l-​inqas mediċina komuni waħda; tabilħaqq, ħafna jifilħu għal diversi wħud minnhom.” Mhux talli qed jerġaʼ jfeġġ mard tal-​passat, imma feġġ ukoll mard ġdid bħall-​AIDS. Il-​pubblikazzjoni farmaċewtika Ġermaniża Statistics ’97 tfakkarna: “Għal żewġ terzi tal-​mard kollu li nafu bih—madwar 20,000—għadu ma nstab l-​ebda mod kif tingħata kura għall-​kaġun tiegħu.”

It-​Terapija bil-​Ġeni Tipprovdi s-​Soluzzjoni?

Irridu ngħidu li huwa minnu li għadhom qed jiżviluppaw metodi ġodda taʼ kura. Per eżempju, ħafna jħossu li l-​inġinerija ġenetika tistaʼ toffri s-​soluzzjoni għal saħħa aħjar. Wara r-​riċerka li saret fl-​Istati Uniti fis-​snin 90 minn tobba bħal Dr. W. French Anderson, it-​terapija bil-​ġeni ġiet deskritta bħala qasam ġdid fir-​riċerka medika li huwa l-​iktar eċċitanti u popolari. Il-​ktieb Heilen mit Genen (Fejqan bil-​Ġeni) jgħid li bit-​terapija tal-​ġeni jistaʼ jkun li x-​xjenza medika dalwaqt se ġġarrab żvilupp li qatt ma kien hawn bħalu. Dan japplika b’mod speċjali għall-​kura taʼ mard li sa issa ma kienx jitfejjaq.

Ix-xjenzati jistennew li maż-​żmien se jkunu kapaċi jfejqu mard ġenetiku ereditarju billi jinjettaw lill-​pazjenti b’ġeni li jfejqu. Anki ċelluli li jagħmlu l-​ħsara, bħaċ-​ċelluli tal-​kanċer, forsi jibdew jiġu mġagħlin jeqirdu lilhom infushom. Diġà jistgħu jsiru testijiet ġenetiċi biex ikunu jafu għal liema tip taʼ mard ġenetiku għandu l-​iktar riskju ċertu individwu. Xi wħud jgħidu li l-​iżvilupp li jmiss se jkun il-​farmakoġenomika—meta l-​mediċini jitranġaw skond l-​għamla ġenetika taʼ dak li jkun. Riċerkatur famuż minnhom jissuġġerixxi li t-​tobba xi darba se jkunu jistgħu jagħmlu dijanjosi tal-​mard tal-​pazjenti tagħhom u jagħtuhom partijiet eżatti mid-​DNA molekulari biex ifejquhom.

Madankollu, mhux kulħadd huwa konvint li t-​terapija tal-​ġeni toffri l-​kura maġika tal-​futur. Tabilħaqq, skond xi stħarriġ, għandu mnejn li n-​nies lanqas biss ikunu jridu li l-​għamla ġenetika tagħhom tiġi analizzata. Ħafna jibżgħu wkoll li t-​terapija tal-​ġeni tistaʼ tkun tbagħbis perikoluż fin-​natura.

Iż-żmien se jagħtina parir jekk l-​inġinerija ġenetika jew metodi taʼ mediċina b’teknoloġija sofistikata humiex se jwettqu l-​wegħdi kbar tagħhom jew le. Madankollu, l-​affarijiet juru li ma tantx nistgħu nkunu ottimisti żżejjed. Il-​ktieb The Clay Pedestal, jiddeskrivi ċ-​ċiklu li huwa familjari wisq: “Toħroġ terapija ġdida, u titħabbar b’entużjażmu f’laqgħat mediċi u fil-​ġurnali professjonali. Dawk li joħolquha jsiru ċelebritajiet fil-​professjoni, u l-​medja tilqaʼ bil-​ferħ dan l-​avvanz. Wara perijodu taʼ għagħa kbira u stqarrijiet dokumentati li jappoġġaw din il-​kura taʼ l-​għaġeb, jibda l-​proċess bil-​mod il-​mod taʼ diżillużjoni, u dan jistaʼ jdum minn ftit xhur għal ftit snin. Imbagħad jiskopru rimedju ġdid, u kważi mil-​lejl għan-​nhar jieħu post il-​wieħed taʼ qablu, li dan imbagħad mill-​ewwel jiġi mwarrab bħala li ma jiswa xejn.” Tabilħaqq, ħafna mir-​rimedji li t-​tobba m’għadhomx jużawhom għax jgħidu li m’humiex effettivi kienu jużawhom m’ilux wisq bħala l-​proċedura normali taʼ kura.

Għalkemm it-​tobba llum m’għadhomx jitqiesu b’sens reliġjuż bħal dawk li kienu jfejqu fil-​qedem, xi nies għandhom it-​tendenza li jqisu li t-​tobba għandhom poteri bħal taʼ l-​allat, u li jimmaġinaw li x-​xjenza żgur se jirnexxilha tikseb il-​fejqan għall-​mard kollu taʼ l-​umanità. Madankollu, b’dispjaċir ir-​realtà hija ’l bogħod wisq minn din il-​mira ideali. Fil-​ktieb tiegħu How and Why We Age, (Kif u Għala Nixjieħu) Dr. Leonard Hayflick josserva: “Fl-​1900, 75 fil-​mija tan-​nies fl-​Istati Uniti mietu qabel laħqu l-​età taʼ ħamsa u sittin. Illum, din l-​istatistika hija kważi bil-​maqlub: madwar 70 fil-​mija tan-​nies imutu wara l-​età taʼ ħamsa u sittin.” X’ikkaġuna din iż-​żjieda kbira fit-​tul tal-​ħajja? Hayflick jispjega li dan “kien fil-​biċċa l-​kbira minħabba t-​tnaqqis fl-​imwiet tat-​trabi tat-​twelid.” Issa nissopponu li x-​xjenza medika jirnexxilha tneħħi l-​kaġuni ewlenin tal-​mewt fl-​anzjani—il-​mard tal-​qalb, il-​kanċer, u l-​puplesija. Se jwassal dan għall-​immortalità? Lanqas xejn. Dr. Hayflick jinnota li anki meta jiġri dan, “il-​biċċa l-​kbira tan-​nies jgħixu sakemm ikollhom madwar mitt sena.” Hu jżid: “Dawk li jkollhom mitt sena xorta ma jkunux immortali. Imma biex imutu? Sempliċement isiru iktar u iktar dgħajfin sakemm il-​mewt tiħodhom.”

B’hekk, minkejja l-​akbar sforzi tax-​xjenza medika, din m’għandhiex il-​kapaċità li tneħħi l-​mewt. Dan għala? U hija l-​mira taʼ saħħa tajba għal kulħadd ħolma impossibbli?

[Noti taʼ taħt]

a Skond The World Book Encyclopedia, Galen ħaseb li l-​fwied kien jibdel l-​ikel diġerit f’demm, li mbagħad kien jiġri lejn il-​bqija tal-​ġisem u kien jiġi assorbit.

b Ara l-​artiklu “Mill-​Agunija għall-​Anestesija,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Diċembru, 2000.

[Kumment f’paġna 4]

“Ħafna mit-​twemmin tan-​nies tal-​qedem ħalla effett profond fuq il-​prattika tal-​mediċina li għadu jeżisti sa llum.”—The Clay Pedestal

[Stampi f’paġna 4, 5]

Ippokrate, Galen, u Vesalju qegħdu l-​pedament għall-​mediċina moderna

[Sorsi]

Il-​Gżira taʼ Kos, Il-​Greċja

Courtesy National Library of Medicine

Stampa taʼ riljiev fuq l-​injam minn Jan Steven von Kalkar taʼ A. Vesalius, meħuda minn Meyer’s Encyclopedic Lexicon

[Stampi f’paġna 6]

Ambroise Paré kien kirurgu pijunier li qeda lil erbaʼ slaten taʼ Franza

It-​tabib Persjan Ar-Rāzī (xellug), u t-​tabib Britanniku Edward Jenner (lemin)

[Sorsi]

Paré u Ar-Rāzī: Courtesy National Library of Medicine

Mill-​ktieb Great Men and Famous Women

[Stampa f’paġna 7]

Il-​Franċiż Louis Pasteur wera li l-​mikrobi jikkaġunaw il-​mard

[Sors]

© Institut Pasteur

[Stampi f’paġna 8]

Anki li kieku l-​kaġuni ewlenin tal-​mewt setgħu jitneħħew, ix-​xjuħija xorta tibqaʼ twassal sal-​mewt

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja