Il-Battalja Kontra l-Mard u l-Mewt—Qiegħda Tiġi Mirbuħa?
QATT IKTAR mard, qatt iktar mewt! Għall-biċċa l-kbira tan-nies dan jistaʼ jinstemaʼ bħala fantasija. Wara kollox, kif kiteb it-tabib mediku u professur tal-batteroloġija Wade W. Oliver: “Mill-iktar storja bikrija miktuba, il-mard fassal b’mod inkalkulabbli d-destin tal-umanità . . . Epidemiji kbar ġew fuq il-bniedem b’ħeffa tal-biżaʼ . . . In-nuqqas taʼ saħħa minn dejjem ostina ruħu fil-passi tiegħu.”
Hemm xi raġuni biex temmen li bidla drastika hija iminenti? Hija x-xjenza medika qrib taʼ li telimina l-mard kollu u forsi saħansitra l-mewt infisha?
Bla dubju, it-tobba u riċerkaturi għamlu xogħol tal-għaġeb fil-ġlieda kontra l-mard. Liema bniedem infurmat jistaʼ jonqos li jkun grat għall-kura b’suċċess tal-kolera, li ġiet milħuqa sa fl-aħħar fi tmiem is-seklu 19, jew għall-iżvilupp taʼ titqib kontra l-biżaʼ tal-ġidri? Dak it-titqib ġie żviluppat fl-1796 minn Edward Jenner minn marda inqas perikoluża fuq il-baqar li tkun bħal ulċera kontaġġuża. Fl-1806, il-president tal-Istati Uniti Thomas Jefferson esprima dak li ħafna oħrajn kienu jħossu meta kiteb lil Jenner: “Tiegħek hi r-riflessjoni komda li l-umanità qatt ma tistaʼ tinsa li int kont teżisti; ġnus futuri se jkunu jafu mill-istorja biss li dik il-misħuta ġidri eżistiet.”
Barra minn hekk, is-suċċessi f’riċerka medika f’konnessjoni maʼ mard bħalma hu d-difterite u poliomjelite jridu wkoll jiġu msemmijin b’mod favorevoli u bi gratitudni. U ftit huma dawk illum li m’għandhomx ħlief tifħir għall-progress iktar riċenti fil-kura tal-mard tal-qalb u l-kanċer. Però, in-nies għadhom qed imutu mill-mard tal-qalb u l-kanċer. Il-mira taʼ li jiġu eliminati l-mard u n-nuqqas taʼ saħħa kollha wriet li ma tistax tintlaħaq.
Il-Mard “Ġdid”
B’mod taʼ paradoss, l-era tal-lum li rat id-dħul taʼ CAT scans u operazzjonijiet rikostruttivi rat ukoll it-twelid taʼ ħsad taʼ mard “ġdid,” bħalma hi l-Legionnaires’ disease, toxic shock syndrome, u l-marda magħrufa tajjeb tal-qattiela AIDS.
Veru, ħafna jiddubitaw kemm hu ġdid dan il-mard. Artiklu fil-U.S. News & World Report jikkummenta li, f’xi każi, il-mard li ilu hawn fostna għal ħafna żmien sempliċement sarlu dianjosi iktar bir-reqqa u ġie mogħti ismijiet ġodda. Il-Legionnaire’s disease, per eżempju, ġiet identifikata għall-ewwel darba fl-1976, imma forsi qabel kien sarilha dianjosi żballjata bħala pulmonite virali. Bl-istess mod, toxic shock syndrome jistaʼ qabel ġie mħallat mal-iscarlet fever.
Minkejja dan, għadd taʼ mardiet jidhru bla ebda dubju li huma ġodda. L-AIDS hija bla dubju l-iktar waħda magħrufa minn dawn kollha. Din il-marda li timmanka u toqtol ġiet identifikata u mogħtija isem għall-ewwel darba fl-1981. Marda oħra “ġdida” u inqas magħrufa hija l-Brazilian purpuric fever. Ġiet identifikata fil-Brażil fl-1984 u għandha rata taʼ mortalità li stmata li hi taʼ 50 fil-mija.
L-ebda Kura Ma Tidher
Mela, minkejja l-aqwa sforzi tal-bniedem, kura sħiħa u permanenti għan-nuqqas taʼ saħħa tal-bniedem ma tidher imkien. Huwa veru li minn ras għal ras il-bniedem qed igħix 25 sena iktar mis-sena 1900 lil hawn. Imma din il-bidla hija dovuta minħabba t-teknikalitajiet mediċi li naqqsu r-riskju taʼ mewt għat-trabi tat-twelid u t-tfal żgħar. Il-għomor tal-bniedem bażikament jibqaʼ qrib it-“tliet egħxieren u għaxar snin” tal-Bibbja.—Salm 90:10, King James Version.
B’hekk il-mewt f’Diċembru tal-1987 taʼ Anna Williams waslet sal-aħbarijiet għax hi kienet għalqet 114-il sena. Billi kkummenta dwar il-mewt taʼ Miss Williams, wieħed kittieb kiteb: “Ix-xjenzati jaħsbu li l-età bejn il-116 u l-120 sena hija probabbilment l-ogħla limitu taʼ kemm jistaʼ jgħix il-bniedem. Imma għala għandu jkun hekk? Il-ġisem tal-bniedem għala għandu jisfaxxa fix-xejn wara 70, 80, jew saħansitra 115-il sena?”
Fis-snin sittin, ix-xjenzati mediċi skoprew li ċ-ċelloli tal-bniedem jidhru li għandhom il-kapaċità li jinqasmu biss għal madwar 50 darba. Ladarba jintlaħaq dan il-limitu, jidher li ma jistaʼ jsir xejn biex iżomm liċ-ċelloli ħajjin. Dan jidher li jikkontradixxi lit-teorija xjentifika taʼ qabel li ċ-ċelloli tal-bniedem jistgħu jibqgħu ħajjin għal żmien indefinit jekk ikollhom il-kundizzjonijiet xierqa.
Flimkien maʼ dan hemm ir-realizzazzjoni li ħafna mis-sofferenzi tal-bniedem ivvintahom il-bniedem stess. Kif ikkonkluda wieħed riċerkatur: “Il-mard ma ġiex mirbuħ permezz taʼ soluzzjonijiet biomediċi biss. L-istorja tal-mard hija miġbura b’mod intimu flimkien maʼ fatturi soċjali u morali.”
L-organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa osservat: “Imlejna lilna nfusna bil-ġrieħi, bit-tama li x-xjenza, t-tobba u l-isptarijiet jistgħu jsibu l-kura, minflok ma skansajna l-istess kaġuni għall-mard mill-bidu. Naturalment ma nistgħux ngħaddu mingħajr faċilitajiet taʼ kura medika li attwalment isalvaw il-ħajja, imma ejjew nagħmluha ċara li dawn ma jtejbulniex ‘saħħitna’—iwaqqfuna milli mmutu. . . . Il-kilba taʼ li jeqred lilu nnifsu li għandu dak li jpejjep u dak li jisker, l-effetti fuq il-moħħ u l-ġisem li jħalli n-nuqqas taʼ mpjieg—dawn huma xi wħud mill-‘mardiet ġodda.’ Għala nħallu l-‘epidemija tal-inċidenti fit-toroq,’ li tiknes ħajjiet u tiżżvojta r-riżorsi finanzjarji tagħna?”
Il-mard, in-nuqqas taʼ saħħa, is-sofferenza, u l-mewt għadhom b’hekk kollha magħna. Minkejja dan, għandna raġuni għalfejn inħarsu ’l quddiem kunfidenti lejn żmien meta mhux se jkun hemm iktar mard u iktar mewt. Imma l-aqwa ħaġa, hemm kull raġuni biex nemmnu li ż-żmien hu qrib.
[Kaxxa f’paġna 4]
IL-“MARDIET TAL-EĠITTU”
Li l-bniedem ilu jiġġieled għal xejn kontra l-mard minn żminijiet bikrin huwa nnotat saħansitra fil-Bibbja. Mosè, per eżempju, għamel referenza nteressanti għall-“mardiet ħżiena kollu tal-Eġittu.”—Dewteronomju 7:15.
Dawn milli jidher inkludew elefantjasiji, diżenteriji ġidri, bubonic plague, u oftalmia. Il-poplu taʼ Mosè nħeles minn mardiet bħal dawn l-iktar minħabba l-prattiċi avvanzati tal-iġjene li ġew imposti fuqhom mill-patt tal-Liġi.
Eżami bir-reqqa taʼ mumji Eġizzjani, madankollu, wassal għal li jiġu identifikati partita “mardiet tal-Eġittu” oħra. Dawn inkludew l-artrite, spondilite, mard tas-snien u x-xedaq, appendiċite, u gotta. Kitba bikrija sekulari, magħrufa bħala l-Ebers Papyrus, saħansitra ssemmi mard bħal tumuri, uġigħ taʼ stonku u l-fwied, diabete, ġdim, konġuntivite, u nuqqas taʼ smigħ.
Tobba tal-Eġittu tal-qedem għamlu ħilithom kollha biex jikkumbattu dan il-mard, xi wħud minnhom saru speċjalizzati mhux ħażin fil-qasam mediku tagħhom. L-istoriku Grieg Herodotus kiteb: “Il-pajjiż [l-Eġittu] huwa mimli tobba; wieħed jikkura l-mard tal-għajnejn biss; ieħor dawk tar-ras, is-snien, iż-żaqq, jew l-organi interni.” Madankollu, ħafna mill-“mediċina” Eġizzjana kienet verament tlablib reliġjuż u kienet ’il bogħod milli tkun xjentifika.
Tobba taʼ żmien modern gawdew suċċess bil-wisq akbar fil-battalja tagħhom kontra l-mard. Xorta waħda, ir-riċerkattriċi medika Jessie Dobson waslet għal din il-konklużjoni provokanti: “X’jista, mela, wieħed jitgħallem minn studju tal-mardiet taż-żminijiet imgħoddija? Il-konklużjoni ġenerali minn stħarriġ tal-evidenza tidher li hi li l-mardiet u l-flaġġelli tal-passat rimot ma jidhirx li huma differenti minn dak tal-preżent . . . Milli jidher il-kapaċità u l-isforzi kollha tar-riċerka paċenzjuża għamlu ftit li xejn biex ineħħu l-mard.”—Disease in Ancient Man.