LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 6/8 pp. 16-19
  • Il-Baħrija Sabiħa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Baħrija Sabiħa
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jibdlu l-​Ġilda
  • Jifformaw il-​Fosdqa
  • Żdiedli l-​Apprezzament għall-​Baħrijiet
  • Meta l-Imħabba Tkun Għamja
    Stenbaħ!—2000
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2002
  • Paġna Tnejn
    Stenbaħ!—2001
Stenbaħ!—2001
g01 6/8 pp. 16-19

Il-​Baħrija Sabiħa

LEJLA waħda sabiħa kien hemm baħrija ttir f’restorant lussuż. Hekk kif bdiet iddur mal-​mejda taʼ waħda mara li kienet qed tiekol hemmhekk, il-​mara keċċiet il-​baħrija b’rabja bħallikieku kienet qed tiġi attakkata minn nemusa li ġġorr il-​mard! Il-​baħrija marret fuq mejda oħra u fl-​aħħar qagħdet fuq pavru taʼ ġlekk taʼ wieħed raġel. Dan ir-​raġel u martu aġixxew b’mod totalment differenti—bdew jammiraw din il-​baħrija, billi qagħdu jaħsbu fuq is-​sbuħija taʼ din il-​ħliqa delikata u fuq kemm ma tagħmilx ħsara.

“Il-​baħrijiet huma ħlejjaq li verament ma jagħmlux ħsara,” jispjega John Himmelman, wieħed mill-​fundaturi taʼ l-​Assoċjazzjoni tal-​Friefet f’Connecticut. “M’għandhomx organi tal-​ħalq li jigdmu, u xi adulti minnhom, bħal dik imsejħa luna moth li hija magħrufa ħafna, ma jieklu assolutament xejn. Ma jġorrux il-​marda tar-​rabja taʼ l-​annimali jew kwalunkwe mard ieħor, ma jniggżux . . . Fil-​fatt, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies ma jirrealizzawx li l-​friefet attwalment huma baħrijiet li jtiru matul il-​ġurnata.”

Kulħadd jammira lill-​friefet, imma ftit jieqfu jammiraw is-​sbuħija u l-​varjetà tal-​baħrijiet. ‘Is-​sbuħija?’ għandek mnejn tgħid b’mod xettiku. Xi wħud jaħsbu li l-​baħrija m’hi xejn ħlief il-​kuġina bla kulur tal-​farfett sabiħ, iżda, it-​tnejn li huma jiġu klassifikati xjentifikament bl-​istess mod—Lepidoptera, li tfisser “ġwienaħ bil-​qxur.” Il-​varjetà kbira li tidher fost dawn il-​ħlejjaq sbieħ tgħaġġbek. The Encyclopedia of Insects tistqarr li hemm minn 150,000 sa 200,000 speċi magħrufin taʼ Lepidoptera. Imma 10 fil-​mija biss minnhom huma friefet—il-​bqija huma baħrijiet!

Bħal ħafna nies oħra, jien bilkemm kont naħseb fuq il-​baħrijiet ħlief meta nkun qed nerfaʼ l-​ħwejjeġ tiegħi tax-​xitwa u npoġġi l-​boċċi tal-​kamla magħhom sabiex nipproteġi l-​ħwejjeġ minn ċerti tipi taʼ baħrijiet. Ma kontx naf li meta jkunu adulti, il-​baħrijiet assolutament ma jikluhx id-​drapp—kultant dan jagħmluh fl-​istadju tal-​larva bħala xgħat.a

X’kienet il-​ħaġa li bidlitli l-​ħarsa tiegħi rigward il-​baħrijiet? Ftit taż-​żmien ilu, jien u żewġi morna nżuru l-​ħbieb tagħna Bob u Ronda. Bob kien jaf ħafna dwar il-​baħrijiet. Hu wrieni kaxxa żgħira li kien fiha dak li għall-​ewwel ħsibtu farfett sabiħ. Hu spjega li dik kienet cecropia, jew robin moth, waħda mill-​akbar baħrijiet fl-​Amerika taʼ Fuq. It-​tul minn tarf sa tarf taʼ ġwinħajha meta jkunu miftuħin jasal sa 15-il ċentimetru u b’kollox tgħix xi sena. Kemm stagħġibt meta sirt naf li bħala adulta din tgħix minn 7 sa 14-il jum biss! Billi eżaminajt mill-​qrib din is-​cecropia sabiħa setaʼ jkolli ħarsa differenti lejn il-​baħrijiet.

Bob ipponta lejn xi tikek żgħar fil-​qiegħ tal-​kaxxa tiegħu. “Dawn it-​tikek huma bajd,” spjega Bob, “u nittama li rrabbihom sakemm isiru adulti.” Trabbi baħrija? Qabditni l-​kurżità. Iżda, li jwettaq dan il-​pjan irriżulta li ma kienx daqshekk faċli. Bob dam ġimagħtejn jipprova jfaqqas il-​bajd imma ma rnexxilux. Imbagħad, iddeċieda li jbixxhom bl-​ilma. Wara ġimgħa minn dan il-​proċess, f’ġurnata waħda faqqsu 26 bajda mid-​29 li kien hemm. Imbagħad, Bob poġġa l-​larvi fraġli, kull waħda minnhom daqs nemusa, f’reċipjent tond, lixx, u fond sabiex ma joħorġux ’il barra.

L-ewwel ikla li kielu l-​larvi li kienu għadhom kemm ħarġu kienet il-​qxur tal-​bajda tagħhom stess. Wara dan, Bob kellu jipprovdilhom l-​ikel, u din kienet biċċa xogħol daqsxejn diffiċli. Wara li għamel ftit riċerka, hu beda jipprova jitmagħhom il-​weraq taʼ l-​aġġru. Il-​larvi bdew jiċċaqalqu għal fuq il-​weraq imma ma kiluhomx. Madankollu, meta Bob tahom il-​weraq tas-​siġra taċ-​ċirasa u tal-​betula, mill-​ewwel belgħuhom.

Meta l-​larvi żgħar kibru f’xgħat, Bob poġġiehom ġo reċipjent ieħor bl-​għatu tan-​nett. Dan ir-​reċipjent setaʼ jipprovdi l-​ammont addattat t’umdità għax-​xgħat u l-​weraq. Kien iservi wkoll biex iżomm ix-​xgħat, peress li meta jkunu jistgħu jimxu jibdew jiġru ’l hemm u ’l hawn.

Biex jipprovdi l-​ikel għal 26 xagħat bil-​ġuħ kellu bżonn iktar xogħol milli kien mistenni. Kull darba li Bob kien jimla r-​reċipjent bil-​weraq, ix-​xgħat kienu jibilgħu l-​provvista kollha f’jumejn. Issa kellu bżonn l-​għajnuna t’oħtu u żewġt iħbieb żgħażagħ, tfajla u ġuvni, biex darba kull wieħed joqogħdu għassa maʼ dawn iż-​żgħar u jitimgħuhom.

Huwa vitali li x-​xgħat jieklu kwantità kbira taʼ ikel, mhux biss biex jikbru matul iż-​żmien li jkunu larvi imma biex jibqaʼ jkollhom in-​nutriment meta jkunu adulti wkoll. Trid tifhem li l-​baħrija cecropia adulta m’għandhiex organi tal-​ħalq li jaħdmu, u ma tiekol assolutament xejn! Biex issostni lilha nfisha matul il-​ħajja adulta qasira tagħha, din tiddependi biss mill-​ikel li tkun kielet matul l-​istadju tal-​larva.

Jibdlu l-​Ġilda

Hekk kif ix-​xgħat bdew jikbru, bdew ukoll jibdlu l-​ġilda tagħhom għal diversi drabi, u dan il-​bdil jissejjaħ ekdissi. L-​istadji tal-​ħajja taʼ xagħat bejn ekdissi u ieħor jissejjaħ instar.

Il-ġilda taʼ xagħat tas-​cecropia ma tikbirx, u għalhekk meta x-​xagħat tant jikber li l-​ġilda tiegħu tiġġebbed għall-​aħħar, ikun wasal iż-​żmien biex jibdilha. Bob kien ikun jaf meta kien jasal iż-​żmien għax ix-​xgħat ma kinux jibqgħu jieklu. Wara li kienu jagħmlu l-​ħarir u jeħlu miegħu, ix-​xgħat kienu jibqgħu ma jiċċaqalqux għal diversi ġranet sakemm jifformaw ġilda ġdida. Meta l-​ġilda ġdida kienet tkun lesta, ix-​xgħat sempliċement kienu joħorġu mill-​ġlud qodma tagħhom, u jħalluhom imwaħħlin mal-​ħarir. Meta rajt lix-​xgħat fl-​aħħar instar tagħhom, bqajt imbellha daqs kemm kienu kibru. Kienu twal kważi 12-il ċentimetru u bħala dijametru kienu akbar mis-​sabaʼ l-​werrej tiegħi.

Jifformaw il-​Fosdqa

Wara l-​aħħar instar, kull xagħat kien ifforma fosdqa—ħafna ħjut fil-​griż imwaħħlin maʼ zokk irqiq. Is-​cecropias jagħmlu żewġ tipi differenti taʼ fosdoq. Waħda tkun qisha borża kbira u wiesgħa bil-​qiegħ tond u bl-​għonq dejjaq fuq naħa minnhom. L-​oħra tkun iżgħar u iktar marsusa u jkollha forma iktar twila milli wiesgħa, bl-​għonq u l-​qiegħ dejjaq. It-​tnejn li huma jkollhom fosdqa oħra ġewwa mgerba sew. Il-​fosdoq tas-​cecropia ġeneralment ikun lewn kannella fl-​aħmar, kannella, aħdar mitfi, jew griż. Imqabbel mal-​fosdoq taʼ speċi oħrajn taʼ l-​Amerika taʼ Fuq, il-​fosdoq tal-​baħrijiet cecropia huwa enormi—twil sa 10 ċentimetri u wiesaʼ bejn 5 u 6 ċentimetri. U dawn l-​istrutturi taʼ l-​għaġeb kapaċi jipproteġu lil dawk li jkunu ġo fihom f’temperaturi baxxi taʼ 34 grad Celsius taħt iż-​żero.

Wara li x-​xgħat ħadu posthom fil-​fosdoq tagħhom, ma stajna nagħmlu xejn iktar ħlief nistennew bil-​paċenzja. Ħarġu mill-​fosdoq tagħhom fir-​rebbiegħa taʼ wara, madwar sena wara li Bob kellu l-​baħrija adulta. Bob poġġa z-​zkuk l-​irqaq li kellhom il-​fosdoq imwaħħal magħhom fuq biċċa fowm biex iżommhom weqfin. Malajr, is-​cecropias kollha ħarġu mill-​fosdoq tagħhom minbarra waħda, u b’hekk il-​paċenzja li ħadna u x-​xogħol iebes li sar kienu taʼ siwi.

Żdiedli l-​Apprezzament għall-​Baħrijiet

Li rajt b’għajnejja stess iċ-​ċiklu meraviljuż tal-​ħajja tas-​cecropia ġagħalni nagħti iktar kas tal-​baħrijiet huma u jduru mad-​dwal u joqogħdu mal-​ħitan. L-​esperjenza tiegħi ġagħlitni wkoll insir naf iktar dwar dawn il-​ħlejjaq affaxxinanti. Per eżempju, tgħallimt li l-​baħrijiet u l-​friefet jittajru b’mod taʼ l-​għaġeb, u xi wħud minnhom jemigraw għal distanzi twal. Meta l-​baħrija ċkejkna msejħa diamondback moth tiftaħ ġwinħajha, it-​tul tagħhom minn tarf sa tarf ikun 2.5 ċentimetri biss, imma kull tant żmien ittir bejn l-​Ewropa u l-​Britannja billi taqsam minn fuq il-​Baħar tat-​Tramuntana li jkun qawwi ħafna. U l-​ħabbara tittajjar fuq il-​fjuri bħall-​hummingbirds.

Xi ftit żmien wara li rajt iċ-​ċiklu tal-​ħajja tas-​cecropia, rajt waħda fuq siġra żgħira taħt id-​dawl. Kont naf li qatt m’għandek taqbad baħrija minn ġwinħajha peress li fuqhom għandha qxur delikat ħafna. Madankollu, jekk tpoġġi idek quddiem baħrija, din tistaʼ timxi fuq subgħajk. Meta pprovajt nagħmel hekk, kelli l-​pjaċir li din il-​ħliqa sabiħa titlaʼ fuq s-​sabaʼ tan-​nofs. Fl-​aħħar, taret fuq is-​siġar. X’ħin taret, qgħadt naħseb kemm kienet qisha farfett. Meta xi darba taħseb li tkun qed tara farfett, erġaʼ ħares sew. Tistaʼ tassew tkun baħrija sabiħa li ma tagħmilx ħsara.—Kontribwit.

[Nota taʼ taħt]

a Xi larvi tal-​baħrija jikkaġunaw ukoll ħsara mhux ħażin lill-​uċuħ tar-​rabaʼ.

[Stampi f’paġna 16, 17]

1. Robin moth (cecropia)

2. Polyphemus moth

3. Sunset moth

4. Atlas moth

[Sors]

Natural Selection© - Bill Welch

A. Kerstitch

[Stampi f’paġna 18]

L-​istadji taʼ l-​iżvilupp tal-​baħrija cecropia jinkludu:

1. Bajd

2. Xagħat

3. Baħrija adulta

[Sors]

Natural Selection© - Bill Welch

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja