Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Kif Jistaʼ Jgħinni t-Talb?
“Kien it-talb li għenni nerġaʼ lura fit-triq it-tajba.” —Brad.a
HEMM ħafna żgħażagħ li jitolbu—forsi ħafna iktar milli timmaġina. Stħarriġ tal-Gallup dwar iż-Żgħażagħ fost dawk taʼ bejn it-13 u s-17-il sena fl-Istati Uniti wera li 56 fil-mija minnhom jgħidu talba qabel l-ikel. Stħarriġ fost adulti żgħażagħ indika li 62 fil-mija minnhom jitolbu kuljum.
Xorta waħda, għal ħafna żgħażagħ it-talb huwa biss drawwa bla sens jew sempliċement rutina. Ftit huma ż-żgħażagħ li għandhom “l-għarfien [eżatt] taʼ Alla.” (Kolossin 1:9, 10) Bħala riżultat, Alla m’huwiex importanti ħafna f’ħajjithom. Fi stħarriġ wieħed l-adolexxenti ġew mistoqsijin jekk qattx kienu talbu lil Alla għall-għajnuna biex jieħdu xi deċiżjoni importanti. Waħda tifla wieġbet: “Jien dejjem nitlob lil Alla biex jiggwidani ħalli nagħżel it-triq it-tajba fil-ħajja.” Madankollu, hi ammettiet: “Bħalissa ma nistax niftakar f’deċiżjoni partikulari.” Mela mhux taʼ b’xejn li ħafna żgħażagħ m’għandhomx fiduċja biżżejjed li t-talb għandu xi qawwa jew li se jgħinhom f’xi ħaġa!
Minkejja dan, bħal Brad, li kkwotajnieh fil-bidu, eluf taʼ żgħażagħ esperjenzaw personalment il-qawwa tat-talb. Int tistaʼ tagħmel hekk ukoll! Artiklu fil-ħarġa taʼ qabel wera għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla se jismaʼ t-talb tagħna.b Issa tqum il-mistoqsija, Kif jistaʼ jgħinek it-talb? L-ewwel, ejja neżaminaw kif Alla jwieġeb it-talb tagħna.
Kif Alla Jwieġeb it-Talb
Fi żminijiet Bibliċi xi nies taʼ fidi rċivew tweġibiet diretti—u anki mirakolużi—għat-talb tagħhom. Per eżempju, meta s-Sultan Ħeżekija sar jaf li kellu marda qattiela, hu talab bil-ħniena lil Alla biex jeħilsu minnha. Alla wieġbu: “Jien smajt it-talba tiegħek, rajt id-dmugħ tiegħek. Arani, issa se nfejjqek.” (2 Slaten 20:1-6) Bl-istess mod, Alla aġixxa għan-nom taʼ rġiel u nisa oħra li kellhom il-biżaʼ tiegħu.—1 Samwel 1:1-20; Danjel 10:2-12; Atti 4:24-31; 10:1-7.
Madankollu, anki fi żminijiet Bibliċi ma kinitx ħaġa normali li Alla jwieġeb it-talb b’dan il-mod. Kważi dejjem, Alla wieġeb it-talb tal-qaddejja tiegħu, mhux permezz taʼ miraklu, imma billi għenhom ‘jagħrfu sewwa r-rieda tiegħu bl-għerf kollu u d-dehen spiritwali.’ (Kolossin 1:9, 10) Iva, Alla ta l-għajnuna tiegħu billi saħħaħ lin-nies tiegħu spiritwalment u moralment—billi tahom l-għerf u l-għarfien biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Meta l-Kristjani kienu f’sitwazzjoni diffiċli, Alla mhux bilfors li neħħielhom il-prova. Minflok, hu pprovdielhom qawwa iktar min-normal sabiex ikunu jistgħu jissaportuha!—2 Korintin 4:7; 2 Timotju 4:17.
Bl-istess mod illum, x’aktarx li t-tweġiba għat-talba tiegħek m’hijiex se tkun xi ħaġa straordinarja. Imma bħalma għamel fil-passat, Alla jistaʼ jagħtik l-ispirtu qaddis tiegħu u jsaħħek biex tkun tistaʼ tiflaħ kwalunkwe sitwazzjoni li tiffaċċja. (Galatin 5:22, 23) Biex nagħtu eżempju taʼ dan, ejja nħarsu lejn erbaʼ modi li bihom it-talb jistaʼ jgħinek.
Jgħinek Tieħu Deċiżjonijiet
Karen kienet qed toħroġ maʼ ġuvni li kien jidher li kellu miri spiritwali tajbin ħafna. “Kien dejjem jgħidli li ried isir anzjan fil-kongregazzjoni,” tgħid hi. Dan kien jinstemaʼ sabiħ. Imma “kien jitkellem ħafna wkoll dwar in-negozju li kien se jibda u l-affarijiet kollha li kien se jkun jistaʼ jixtrili. Bdew jiġuni d-dubji dwar kemm kien sinċier.” Karen talbet dwar dan. “Tlabt bil-ħniena lil Jehovah biex jiftaħli għajnejja u jurini dak li kelli bżonn inkun naf dwaru.”
Xi kultant, il-fatt stess li titlob huwa taʼ benefiċċju, għax jistaʼ jgħinek tieqaf u toqgħod taħseb fil-fond bil-mod kif Jehovah jħares lejn l-affarijiet li qed jinkwetawk. Imma Karen kellha bżonn ukoll pariri prattiċi. Kienet hi se tirċievi xi tweġiba mirakoluża? Tajjeb, ikkunsidra rakkont mill-Bibbja dwar is-Sultan David. Meta sar jaf li Aħitofel, il-ħabib tiegħu tant fdat, kien qed jagħti l-pariri lil ibnu Absalom li kien traditur, David talab: “Ġib fix-xejn, Mulej, il-fehma taʼ Aħitofel!” (2 Samwel 15:31) Imma David aġixxa wkoll fi qbil mat-talba tiegħu. Hu fada l-biċċa xogħol f’idejn il-ħabib tiegħu Ħusaj biex ‘iħassar il-fehma taʼ Aħitofel.’ (2 Samwel 15:34) B’mod simili, Karen aġixxiet fi qbil mat-talba tagħha billi tkellmet maʼ anzjan Kristjan matur li kien jaf lill-ġuvni. Hu kkonfermalha d-dubji li kellha dwaru: Il-ġuvni ma tantx kien għamel progress spiritwali.
Karen tgħid: “Din is-sitwazzjoni ġagħlitni nifhem eżatt kemm għandu qawwa t-talb.” Jiddispjaċina ngħidu li l-ġuvni li kienet toħroġ miegħu ġera wara l-għana u waqaf jaqdi lil Alla. Karen tgħid: “Kieku żżewwiġtu, forsi issa kont inkun qed niġi għal-laqgħat Kristjani waħdi.” It-talb għen lil Karen tieħu deċiżjoni tajba.
Jgħinek Trażżan l-Emozzjonijiet
Il-Bibbja tgħid fi Proverbji 29:11: “L-iblah jagħdab b’saħħtu kollha, imma l-għaref irażżan għadbu.” Il-problema hija li ħafna nies illum jgħixu taħt pressjoni emozzjonali qawwija u ħafna drabi jitilfu l-kontroll—xi kultant b’riżultati koroh ferm. Iż-żagħżugħ Brian jiftakar: “Kelli xi problemi maʼ sieħbi fuq ix-xogħol u darba waħda ħareġ mus għalija.” Kieku int x’kont tagħmel? Brian talab. Hu jgħid: “Jehovah għenni nibqaʼ kalm, u qgħadt nitkellem maʼ sieħbi u kkonvinċejtu biex ma jużax il-mus. Hu rema l-mus maʼ l-art u telaq ’l hemm.” Billi rażżan l-emozzjonijiet tiegħu, Brian evita li jiżbroffa bir-rabja, u x’aktarx li dan salvalu ħajtu.
Jistaʼ jkun li m’intix se tkun spiss f’sitwazzjoni fejn ikollok mus ippontat lejk. Imma se jkun hemm ħafna sitwazzjonijiet f’ħajtek fejn ikollok bżonn trażżan l-emozzjonijiet tiegħek. It-talb jistaʼ jgħinek tibqaʼ kalm.
Jgħinek Meta Tinkwieta
Barbara tiftakar “żmien ikrah taʼ prova li kienet għaddejja minnu” xi snin ilu. Hi tgħid: “Xejn donnu ma kien qed jirnexxi—la fuq ix-xogħol, la fil-familja u lanqas mal-ħbieb. Ma kontx naf x’se naqbad nagħmel.” Barbara mill-ewwel talbet għall-għajnuna. Imma kien hemm problema. “Ma kontx naf għalxiex nitolbu lil Jehovah,” tgħid hi. “Fl-aħħar tlabtu għall-paċi tal-moħħ. Kull fil-għaxija kont nitolbu jgħinni biex ma ninkwetax fuq kull ħaġa.”
Dan it-talb kif għenha? Hi tgħid: “Xi ftit tal-ġranet wara, indunajt li għalkemm il-problemi tiegħi ma kinux telqu, ma kontx għadni daqshekk moħħi fihom jew nhewden fuqhom.” Il-Bibbja twiegħed: “Uru lil Alla xi jkollkom bżonn. . . . U s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.”—Filippin 4:6, 7.
Jgħinek Ikollok Relazzjoni Eqreb m’Alla
Qis naqra l-esperjenza taʼ żagħżugħ jismu Paul. “Kont għadni kemm mort noqgħod maʼ xi qraba,” jgħid hu. “Lejl wieħed ħassejtni mdejjaq ferm. Ma tantx kien ili li ħriġt mill-iskola, u kont qed nimmissja lil ħbiebi kollha. Dak il-lejl infqajt nibki meta qgħadt niftakar kemm konna nieħdu pjaċir flimkien.” X’setaʼ jagħmel Paul? Għall-ewwel darba, hu talab bil-ħerqa. Hu jgħid: “Ftaħt qalbi maʼ Jehovah u tlabtu jagħtini s-saħħa u l-paċi tal-moħħ.”
X’kien ir-riżultat? Paul jiftakar: “L-għada fil-għodu, meta qomt ħassejt moħħi mistrieħ iktar milli qatt ħassejtu f’ħajti kollha. Minn daqstant dwejjaq li kelli, sibt ‘is-sliem t’Alla li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem.’” Issa li qalbu kienet kalma, Paul setaʼ jqis l-affarijiet minn ħarsa inqas emozzjonali. U malajr intebaħ li ‘ż-żmien sabiħ taʼ qabel’ ma tantx kien sabiħ wara kollox. (Koħèlet 7:10) Fil-fatt, “il-ħbieb” li tant kien immissja ma kinux ħallew influwenza tajba fuqu.
Fuq kollox, Paul esperjenza personalment il-fatt li Jehovah ħa ħsiebu. Hu ħass il-verità tal-kliem taʼ Ġakbu 4:8: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” Għal Paul dan kien punt taʼ bidla importanti f’ħajtu. Hu tqanqal biex ipoġġi lil Jehovah l-ewwel u qabel kollox f’ħajtu u jiddedika ħajtu lilu.
Tkellem m’Alla!
Dawn l-esperjenzi pożittivi jipprovdu assiguranza li t-talb jistaʼ jgħinek. M’għandniex xi ngħidu, dan japplika biss jekk int trid bis-serjetà ssir taf lil Alla, billi tiżviluppa ħbiberija miegħu. Sfortunatament, ħafna żgħażagħ idumu ma jagħmlu dan. Carissa trabbiet f’familja Kristjana. Imma hi tammetti: “Naħseb li kien biss f’dawn l-aħħar snin illi fhimt eżattament kemm ir-relazzjoni unika tagħna maʼ Jehovah għandha tifsira taʼ l-għaġeb.” Brad, li ssemma fil-bidu, trabba bħala Kristjan imma għal xi snin ma baqax parti mill-qima vera. Hu jgħid: “Kien biss meta indunajt xi tlift li dort fuq Jehovah. Naf kemm il-ħajja tistaʼ tkun mejta u vojta mingħajr din ir-relazzjoni.”
Madankollu, toqgħodx tistenna li jiġrilek xi ħaġa kbira qabel ma tibni relazzjoni mill-qrib m’Alla. Ibda tkellem miegħu minn issa—regolarment! (Luqa 11:9-13) ‘Iftaħ qalbek quddiemu.’ (Salm 62:9 [62:8, NW]) Malajr se tiskopri li t-talb tassew jistaʼ jgħinek!
[Noti taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b Ara l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Se Jismaʼ Alla t-Talb Tiegħi?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Lulju, 2001.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 15]
It-Talb Jistaʼ Jgħinek
● Tieħu deċiżjonijiet aħjar
● Tibqaʼ kalm f’mumenti taʼ tensjoni
● Issib is-serħan meta tkun se tinkwieta
● Tibni relazzjoni eqreb m’Alla