LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 9/15 pp. 15-20
  • Għala Għandna Nitolbu bla Heda?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Għandna Nitolbu bla Heda?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ibni Ħbiberija Permezz tat-​Talb
  • ‘Itlob bla Heda’ —Għala?
  • Itlob bla Waqfien Minkejja n-​Nuqqasijiet
  • Itlob Regolarment
  • Ersaq Qrib Lejn Alla bit-​Talb
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Kif Tikseb Għajnuna Permezz Tat-Talb
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Kif Tistaʼ Tersaq Qrib Lejn Alla
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • “Ħallu lil Alla Jkun Jaf X’Teħtieġu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 9/15 pp. 15-20

Għala Għandna Nitolbu bla Heda?

“Itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox.” ​—1 Tessalonikin 5:​17, 18.

1, 2. Danjel kif wera li apprezza l-​privileġġ tat-​talb, u dan x’effett kellu fuq ir-​relazzjoni tiegħu m’Alla?

IL-​PROFETA Danjel kellu d-​drawwa jitlob lil Alla tliet darbiet kuljum. Kien jinżel għarkopptejh ħdejn it-​tieqa fil-​kamra taʼ fuq tiegħu, li kienet tħares lejn il-​belt taʼ Ġerusalemm, u kien joffri t-​talb tiegħu. (1 Slaten 8:​46-​49; Danjel 6:​11 [6:​10, NW]) Anki meta digriet tas-​sultan ipprojbixxa li ma jsir ebda talb ħlief lil Darju, is-​sultan Midjan, Danjel qatt ma ħasibha darbtejn biex jitlob. Sew jekk kellu ħajtu fil-​periklu u sew jekk le, dan ir-​raġel li kien iħobb jitlob tkellem maʼ Jehovah bla heda.

2 Jehovah kif kien iħares lejn Danjel? Meta l-​anġlu Gabrijel ġie biex iwieġeb waħda mit-​talbiet taʼ Danjel, hu ddeskriva lill-​profeta bħala xi ħadd “għażiż” jew “maħbub wisq.” (Danjel 9:​20-​23, KŻ) Fil-​profezija taʼ Eżekjel, Jehovah irrefera għal Danjel bħala raġel ġust. (Eżekjel 14:​14, 20) Matul is-​snin, it-​talb taʼ Danjel ovvjament wassal għal relazzjoni mill-​qrib m’Alla tiegħu, fatt li anki Darju rrikonoxxieh.—Danjel 6:​17 (6:​16, NW).

3. Bħalma wriet l-​esperjenza taʼ wieħed missjunarju, it-​talb kif jistaʼ jgħinna nżommu l-​integrità?

3 Talb regulari jistaʼ jgħinna niffaċċjaw provi ħorox. Per eżempju, ikkunsidra l-​każ taʼ Harold King, missjunarju fiċ-​Ċina li ngħata sentenza taʼ ħames snin iżolat f’ċella waħdu. Rigward l-​esperjenza tiegħu, Ħuna King qal: “Veru li kont maqtugħ minn maʼ sħabi fit-​twemmin, iżda ħadd ma setaʼ jiżolani minn Alla. . . . Għalhekk, quddiem kulmin kien jgħaddi minn ħdejn iċ-​ċella tiegħi, kont ninżel għarkopptejha tliet darbiet kuljum u nitlob b’leħen għoli, hekk kif żammejt f’moħħi lil Danjel, li titkellem dwaru l-​Bibbja. . . . F’okkażjonijiet bħal dawn kien bħallikieku l-​ispirtu t’Alla qed jiggwida lil moħħi lejn l-​affarijiet l-​iktar importanti u ħassejtni kalm. X’saħħa spiritwali u faraġ ġabli t-​talb!”

4. Liema mistoqsijiet li jikkonċernaw it-​talb se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

4 Il-​Bibbja tistqarr: “Itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox.” (1 Tessalonikin 5:​17, 18) B’dan il-​parir f’moħħna, ejja nikkunsidraw il-​mistoqsijiet li ġejjin: Għala għandna noqogħdu attenti x’talb noffru? Liema raġunijiet għandna biex navviċinaw lil Jehovah kontinwament? U x’għandna nagħmlu jekk inħossuna li ma jistħoqqilniex nitolbu lil Alla minħabba n-​nuqqasijiet tagħna?

Ibni Ħbiberija Permezz tat-​Talb

5. It-​talb liema ħbiberija unika jgħinna ngawdu?

5 Tixtieq li Jehovah iqisek bħala l-​ħabib tiegħu? Hu tkellem dwar il-​patrijarka Abraham b’dan il-​mod. (Isaija 41:8; Ġakbu 2:​23) Jehovah iridna niżviluppaw dan it-​tip taʼ relazzjoni miegħu. Hu jistidinna nersqu qrib tiegħu. (Ġakbu 4:8) M’għandhiex din l-​istedina ġġagħalna nirriflettu fuq il-​provvediment uniku tat-​talb? Hu diffiċli li tikseb appuntament biex tkellem lil xi uffiċjal tal-​gvern importanti, aħseb u ara li ssir il-​ħabib tiegħu! Madankollu, il-​Ħallieq taʼ l-​univers jinkuraġġina biex nersqu lejh liberament fit-​talb, kulmeta rridu jew kulmeta għandna bżonn. (Salm 37:5) It-​talb bla heda tagħna jgħinna jkollna ħbiberija mill-​qrib maʼ Jehovah.

6. L-​eżempju taʼ Ġesù x’jgħallimna dwar il-​bżonn li ‘nitolbu kontinwament’?

6 Iżda, kemm hu faċli li nittraskuraw it-​talb! Tant nistgħu nkunu aljenati biex illaħħqu mal-​pressjonijiet taʼ kuljum li ma nagħmlu ebda sforz sabiex nitkellmu m’Alla. Ġesù inkuraġġixxa lid-​dixxipli tiegħu biex ‘jitolbu [“kontinwament,” NW],’u hu nnifsu hekk għamel. (Mattew 26:41) Għalkemm dejjem kellu ħafna x’jagħmel minn fil-​għodu sa fil-​għaxija, hu warrab il-​ħin biex jitkellem maʼ Missieru tas-​sema. Kultant, Ġesù qam “fil-​għodu kmieni, qabel ma żernaq,” sabiex imur jitlob. (Mark 1:​35) F’okkażjonijiet oħra, hu telaq f’post għall-​kwiet fl-​aħħar tal-​ġurnata sabiex jitkellem maʼ Jehovah. (Mattew 14:23) Ġesù dejjem warrab il-​ħin biex jitlob, u anki aħna għandna nagħmlu dan.​—1 Pietru 2:21.

7. Liema ċirkustanzi għandhom iqanqluna biex nitkellmu maʼ Missierna tas-​sema kuljum?

7 Matul il-​ġurnata kemm-il darba jiġu mumenti xierqa għal talb persunali hekk kif niffaċċjaw problemi, niltaqgħu maʼ tentazzjonijiet, u nieħdu deċiżjonijiet. (Efesin 6:​18) Meta nfittxu l-​gwida t’Alla f’kull aspett tal-​ħajja, il-​ħbiberija tagħna miegħu żgur se tikber. M’huwiex minnu li jekk żewġt iħbieb jiffaċċjaw il-​problemi flimkien, l-​għaqda taʼ ħbiberija taʼ bejniethom tissaħħaħ iktar? (Proverbji 17:17) L-​istess jiġri meta nistrieħu fuq Jehovah u nesperjenzaw l-​għajnuna tiegħu.​—2 Kronaki 14:10 (14:​11, NW).

8. Mill-​eżempji taʼ Neħemija, Ġesù, u Anna, x’nitgħallmu dwar it-​tul tat-​talb persunali tagħna?

8 Kemm nistgħu nkunu grati li Alla ma jpoġġi ebda limitu fuq kemm indumu jew kemm-il darba nitkellmu miegħu fit-​talb! Neħemija qal talba f’qalbu malajr malajr qabel ma tkellem mas-​sultan tal-​Persja. (Neħemija 2:​4, 5) Ġesù wkoll offra talba qasira meta talab lil Jehovah biex jagħtih il-​qawwa ħalli jqajjem lil Lazzru. (Ġwanni 11:​41, 42) Mill-​banda l-​oħra, Anna “damet titlob ħafna quddiem il-​Mulej” meta fetħet qalbha miegħu. (1 Samwel 1:​12, 15, 16) It-​talb persunali tagħna jistaʼ jkun qasir jew twil skond il-​ħtieġa u ċ-​ċirkustanzi.

9. It-​talb tagħna għala għandu jinkludi tifħir u ringrazzjament għal dak kollu li Jehovah jagħmel għalina?

9 Ħafna talb fil-​Bibbja jesprimi apprezzament mill-​qalb għall-​pożizzjoni suprema taʼ Jehovah u għall-​għemejjel meraviljużi tiegħu. (Eżodu 15:​1-​19; 1 Kronaki 16:​7-​36; Salm 145) F’viżjoni, l-​appostlu Ġwanni ra l-​24 anzjan​—in-​numru komplet taʼ Kristjani midlukin fil-​pożizzjoni tagħhom fis-​smewwiet—ifaħħru lil Jehovah, billi jgħidu: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-​glorja u l-​ġieħ u s-​setgħa, għax int ħlaqt il-​ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-​rieda tiegħek.” (Apokalissi 4:​10, 11) Aħna wkoll għandna għalxiex infaħħru lill-​Ħallieq regolarment. Kemm iħossuhom ferħanin il-​ġenituri meta wliedhom jirringrazzjawhom mill-​qalb għal xi ħaġa li jkunu għamlu għalihom! Il-​fatt li nirriflettu b’apprezzament fuq il-​qalb tajba taʼ Jehovah u nesprimu ringrazzjament mill-​qalb għaliha huwa mod tajjeb taʼ kif intejbu l-​kwalità tat-​talb tagħna.

‘Itlob bla Heda’ —Għala?

10. It-​talb kif isaħħaħ il-​fidi tagħna?

10 Talb regulari huwa essenzjali għall-​fidi tagħna. Wara li enfasizza l-​bżonn li “jitolbu bla ma jaqtgħu,” Ġesù staqsa: “Imma taħsbu intom li Bin il-​bniedem se jsib il-​fidi fuq l-​art meta jiġi?” (Luqa 18:​1-8) Talb ħerqan u mill-​qalb jibni l-​fidi. Meta l-​patrijarka Abraham kien qed jixjieħ u kien għadu ma kellux tfal, hu tkellem m’Alla dwar il-​kwistjoni. Bi tweġiba, Jehovah l-​ewwel talbu biex iħares ’il fuq lejn is-​smewwiet u jgħodd l-​istilel, jekk dan kien possibbli. Imbagħad Alla assigura lil Abraham: “Hekk għad ikun nislek.” Ir-​riżultat? Abraham “emmen fil-​Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.” (Ġenesi 15:​5, 6) Jekk niftħu qalbna maʼ Jehovah fit-​talb, naċċettaw l-​assiguranzi li jagħtina fil-​Bibbja, u nobduh, hu se jsaħħaħ il-​fidi tagħna.

11. It-​talb kif jistaʼ jgħinna nkampaw mal-​problemi?

11 It-​talb jistaʼ jgħinna wkoll biex nittrattaw il-​problemi. Hija l-​ħajja taʼ kuljum tagħna taʼ piż u huma ċ-​ċirkustanzi li niffaċċjaw ħorox? Il-​Bibbja tgħidilna: “Qiegħed it-​tagħbija tiegħek fuq il-​Mulej, u hu jgħinek: hu qatt ma jħalli l-​ġust jitfixkel.” (Salmi 55:​22, KŻ) Meta niffaċċjaw deċiżjonijiet diffiċli, aħna nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù. Hu qattaʼ lejl sħiħ f’talb privat qabel ma ħatar lit-​12-il appostlu tiegħu. (Luqa 6:​12-​16) U fil-​lejla taʼ qabel ma miet, Ġesù tant talab bil-​ħerqa li “l-​għaraq sarlu bħal qtar tad-​demm iċarċar sa l-​art.” (Luqa 22:44) Ir-​riżultat? Hu “kien mismugħ favorevolment minħabba l-​biżaʼ tiegħu minn Alla.” (Lhud 5:​7, NW) It-​talb imħeġġeġ u bla heda tagħna se jgħinna nkampaw maʼ sitwazzjonijiet stressanti u provi diffiċli.

12. L-​aspett tat-​talb kif juri l-​interess persunali li Jehovah għandu fina?

12 Raġuni oħra biex nersqu eqreb lejn Jehovah permezz tat-​talb hi li, min-​naħa tiegħu, hu se jersaq iktar qrib tagħna. (Ġakbu 4:8) Meta niftħu qalbna maʼ Jehovah fit-​talb, ma nħossux aħna li hu interessat fil-​bżonnijiet tagħna u li jieħu ħsiebna b’mod teneru? Aħna nesperjenzaw l-​imħabba t’Alla b’mod persunali ħafna. Jehovah lil ħadd ma ta r-​responsabbiltà li jismaʼ kull talba li l-​qaddejja tiegħu jindirizzaw lilu bħala Missierhom tas-​sema. (Salm 66:​19, 20; Luqa 11:2) U hu jistidinna biex ‘nixħtu fuqu l-​ħsibijiet kollha tagħna għax hu jaħseb fina.’​—1 Pietru 5:​6, 7.

13, 14. Liema raġunijiet għandna biex nitolbu bla heda?

13 It-​talb jistaʼ jimliena b’żelu akbar għall-​ministeru pubbliku u jsaħħaħna meta l-​apatija jew l-​oppożizzjoni forsi jġagħluna nħossuna li rridu nieqfu nxandru. (Atti 4:​23-​31) It-​talb jistaʼ wkoll iħarisna mit-​“tnassis tax-​Xitan.” (Efesin 6:​11, 17, 18) Meta nissieltu biex inkampaw mal-​provi taʼ kuljum, nistgħu kontinwament nitolbu lil Alla biex isaħħaħna. It-​talba mudell taʼ Ġesù tinkludi l-​petizzjoni li Jehovah ‘jeħlisna mid-​deni [“mill-​wieħed ħażin,” NW],’ Satana x-​Xitan.​—Mattew 6:​13.

14 Jekk inkomplu nitolbu għall-​għajnuna biex inkunu nistgħu nikkontrollaw il-​ġibdiet midinba tagħna, aħna se nesperjenzaw lgħajnuna taʼ Jehovah. Għandna din l-​assiguranza: “Alla hu [“leali,” NW] u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-​tiġrib jagħtikom il-​qawwa u l-​għajnuna biex tkunu tifilħu għalih.” (1 Korintin 10:13) L-​appostlu Pawlu nnifsu esperjenza t-​tħassib taʼ Jehovah li saħħu f’ħafna ċirkustanzi differenti. Hu qal: “Għal kollox niflaħ bis-​saħħa taʼ dak li jqawwini.”​—Filippin 4:​13; 2 Korintin 11:​23-​29.

Itlob bla Waqfien Minkejja n-​Nuqqasijiet

15. X’jistaʼ jiġri meta l-​kondotta tagħna tonqos li tilħaq il-​livelli t’Alla?

15 Sabiex it-​talb tagħna jiġi mismugħ favorevolment, m’għandniex niċħdu l-​pariri tal-​Kelma t’Alla. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Kull ma nitolbu naqilgħuh mingħandu, għax qegħdin inżommu l-​kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu.” (1 Ġwanni 3:​22) Però, x’jistaʼ jiġri meta l-​kondotta tagħna tonqos li tilħaq il-​livelli t’Alla? Adam u Eva marru jistaħbew wara li dinbu fil-​ġnien taʼ l-​Għeden. Aħna wkoll forsi nħossuna inklinati li nistaħbew “minn wiċċ il-​Mulej” u nieqfu nitolbu. (Ġenesi 3:8) “Jien innotajt li kważi dejjem l-​ewwel pass ħażin li jieħdu dawk li jitilqu lil Jehovah u l-​organizzazzjoni tiegħu huwa li jieqfu jitolbu,” josserva Klaus, indokratur li jivvjaġġa t’esperjenza. (Lhud 2:1) Hekk ġralu José Ángel. Hu jgħid: “Għal kważi tmien snin bil-​kemm kont nitlob lil Jehovah. Ħassejt li ma jistħoqqlix inkellmu, għalkemm kont xorta nikkunsidrah bħala Missieri tas-​sema.”

16, 17. Agħti eżempji taʼ kif talb regulari jistaʼ jgħinna negħlbu dgħjufijiet spiritwali.

16 Xi wħud minna forsi nħossu li ma jistħoqqilniex nitolbu minħabba xi dgħjufija spiritwali jew minħabba li nkunu waqajna f’xi ħażen. Imma dan hu preċiż meta jeħtieġ li nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​provvediment tat-​talb. Ġona ħarab mill-​inkarigu tiegħu. Imma ‘fid-​dwejjaq tiegħu lill-​Mulej sejjaħ, u hu wieġbu; mill-​ġuf taʼ Art l-​Imwiet karab għall-​għajnuna, u leħnu semgħu.’ (Ġona 2:3 [2:​2, NW]) Ġona talab, Jehovah wieġeb it-​talba tiegħu, u Ġona tfejjaq spiritwalment.

17 José Ángel ukoll talab bil-​ħerqa għall-​għajnuna. Hu jirrakkonta: “Ftaħt qalbi u tlabt bil-​ħniena lil Alla jaħfirli. U hu vera għenni. Ma naħsibx li kont nerġaʼ lura lejn il-​verità mingħajr l-​għajnuna tat-​talb. Issa nitlob regolarment kuljum, u nħares ’il quddiem għal dan il-​ħin.” Għandna dejjem inħossuna liberi li nitkellmu bil-​miftuħ m’Alla dwar l-​iżbalji tagħna u bl-​umiltà nitolbuh jaħfrilna. Meta s-​Sultan David stqarr in-​nuqqasijiet tiegħu, Jehovah ħafirlu. (Salm 32:​3-5) Jehovah irid jgħinna, u mhux jikkundannana. (1 Ġwanni 3:​19, 20) U t-​talb taʼ l-​irġiel ixjeħ tal-​kongregazzjoni jistaʼ jgħinna spiritwalment, għax dan it-​talb għandu “qawwa kbira.”​—Ġakbu 5:​13-​16.

18. Liema fiduċja jistaʼ jkollhom il-​qaddejja t’Alla minkejja kemm ikunu tbiegħdu minnu?

18 Liema missier se jiċħad lil ibnu li umilment idur lejh għall-​għajnuna u l-​parir wara li jkun żbalja? Il-​parabbola taʼ l-​iben il-​ħali turi li minkejja kemm inkunu tbegħedna minnu, Missierna tas-​sema jifraħ ħafna meta nerġgħu lura għandu. (Luqa 15:​21, 22, 32) Jehovah iħeġġeġ lil dawk kollha li jitbiegħdu minnu biex isejħulu, “għax hu jaħfer ħafna.” (Isaija 55:​6, 7) Għalkemm David ikkommetta diversi dnubiet serji, hu sejjaħ lil Jehovah, billi qal: “Agħti widen, o Alla, għat-​talba tiegħi, titwarrabx mit-​talb umli tiegħi.” Hu qal ukoll: “Fil-​għaxija, fil-​għodu u f’nofsinhar nokrob u nitniehed; u hu [Jehovah] jismaʼ l-​leħen tiegħi.” (Salm 55:​2, 18 [55:​1, 17, NW]) Kemm hu taʼ faraġ dan!

19. Għala m’għandniex nikkonkludu li t-​talb li jidher li mhux qed jiġi mismugħ huwa evidenza li Alla ma japprovahx?

19 X’jiġri jekk it-​talb tagħna ma jinstemax mill-​ewwel? F’dan il-​każ għandna nkunu żguri li t-​talba tagħna tkun fi qbil mar-​rieda taʼ Jehovah u li tkun offruta f’isem Ġesù. (Ġwanni 16:23; 1 Ġwanni 5:​14) Id-​dixxiplu Ġakbu rrefera għal xi Kristjani li t-​talb tagħhom baqaʼ ma nstemax minħabba li kienu qed ‘jitolbu [“għal skop,” NW] ħażin.’ (Ġakbu 4:3) Mill-​banda l-​oħra, m’għandniex ngħaġġlu biex nikkonkludu li t-​talb li jidher li ma nstemax huwa dejjem evidenza li Alla mhux qed japprovah. Forsi kultant Jehovah iħalli lill-​qaddejja leali tiegħu jibqgħu jitolbu dwar xi ħaġa jew oħra għal tul taʼ żmien qabel ma t-​tweġiba tiegħu tkun tidher ċara. Ġesù qal: “[“Ibqgħu,” NW] itolbu, u jingħatalkom.” (Mattew 7:7) B’hekk, irridu ‘nitolbu bla waqfien.’​—Rumani 12:12.

Itlob Regolarment

20, 21. (a) Għala għandna bżonn nitolbu bla heda f’dan iż-​żmien taʼ “l-​aħħar tad-​dinja”? (b) X’se nirċievu meta kuljum navviċinaw it-​tron taʼ Jehovah mimli qalb tajba mhix mistħoqqa?

20 Il-​pressjonijiet u l-​problemi qed jiżdiedu f’dan iż-​żmien taʼ “l-​aħħar tad-​dinja,” li hu mmarkat minn “żmien iebes.” (2 Timotju 3:1) U l-​provi jistgħu malajr iġagħluna naljenaw rasna. Madankollu, it-​talb bla heda tagħna se jgħinna nżommu ħajjitna ffokata fuq affarijiet spiritwali minkejja l-​problemi, it-​tentazzjonijiet, u l-​iskuraġġiment persistenti. It-​talb tagħna taʼ kuljum lil Jehovah jistaʼ jipprovdilna l-​appoġġ vitali li għandna bżonn.

21 Jehovah, li hu “Semmiegħ it-​talb,” qatt m’għandu tant x’jagħmel li ma jistax jismagħna. (Salm 65:​2, NW) Jalla aħna qatt ma jkollna tant x’nagħmlu li ma nistgħux inkellmuh. Il-​ħbiberija tagħna m’Alla hija l-​iktar ħaġa prezzjuża li għandna. Jalla dejjem napprezzawha. “Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-​tron [“tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa,” NW], biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-​[“qalb tajba mhix mistħoqqa,” NW] li neħtieġu.”​—Lhud 4:​16.

Int Kif Twieġeb?

• X’nitgħallmu mill-​profeta Danjel dwar il-​valur tat-​talb?

• Kif nistgħu nsaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Jehovah?

• Għala għandna nitolbu bla heda?

• Anki jekk inħossu li ma jistħoqqilniex, għala m’għandniex nieqfu milli nitolbu lil Jehovah?

[Stampa f’paġna 16]

Neħemija qal talba qasira f’qalbu qabel ma tkellem mas-​sultan

[Stampa f’paġna 17]

Anna “damet titlob ħafna quddiem il-​Mulej”

[Stampi f’paġna 18]

Ġesù dam lejl sħiħ jitlob qabel ma ħatar lit-​12-il appostlu tiegħu

[Stampi f’paġna 20]

Matul il-​ġurnata jkollna ħafna opportunitajiet biex nitolbu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja