LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 11/8 pp. 5-7
  • Għala xi Nies Jixbgħu mill-Ħajja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala xi Nies Jixbgħu mill-Ħajja
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġrajjiet li Jqanqlu s-​Suwiċidju
  • Fatturi Bażiċi Moħbijin
  • Problema mad-Dinja Kollha
    Stenbaħ!—2001
  • Is-Suwiċidju—L-Epidemija Moħbija
    Stenbaħ!—2000
  • Tingħata Xewqa Biex Tgħix
    Stenbaħ!—2000
  • Int Tistaʼ Ssib l-Għajnuna
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 11/8 pp. 5-7

Għala xi Nies Jixbgħu mill-​Ħajja

“Kull triq għas-​suwiċidju hija unika: privata ħafna, mhix magħrufa, u terribbli.”—Kay Redfield Jamison, psikjatra.

“HIJA sofferenza li ngħix.” Hekk kiteb Ryunosuke Akutagawa, kittieb popolari fil-​bidu tas-​seklu 20, qabel ma għamel suwiċidju. Madankollu, qabel dik l-​istqarrija hu qal: “Ovvjament ma rridx immut, imma . . .”

Bħal Akutagawa, ħafna minn dawk li jagħmlu suwiċidju ma jkunux iridu jmutu imma pjuttost ikunu jridu “jtemmu dak li jkun qed jiġri,” jgħid professur tal-​psikoloġija. It-​tip taʼ kliem li jintuża fin-​noti taʼ suwiċidju hekk jindika. Frażijiet bħal ‘Ma niflaħx nissaporti iktar’ jew ‘Għala nkompli ngħix?’ juru xewqa qawwija biex dak li jkun jaħrab mir-​realtajiet ħorox tal-​ħajja. Imma bħalma ddeskrivieh ċertu espert, li wieħed jagħmel suwiċidju hu “bħallikieku jipprova jfejjaq riħ b’bomba nukleari.”

Għalkemm ir-​raġunijiet għala n-​nies jagħmlu suwiċidju jvarjaw, ċerti ġrajjiet fil-​ħajja taʼ spiss iqanqlu s-​suwiċidju.

Ġrajjiet li Jqanqlu s-​Suwiċidju

M’hijiex ħaġa rari li żgħażagħ jaqgħu f’disprament u jagħmlu suwiċidju anki minħabba kwistjonijiet li għal ħaddieħor jidhru li m’huma serji xejn. Meta jħossuhom imweġġgħin u ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn dwar dan, iż-​żgħażagħ jistgħu jqisu l-​mewt tagħhom bħala mod kif ipattuha lil dawk li weġġgħuhom. Hiroshi Inamura, speċjalista f’li jittratta maʼ nies fil-​Ġappun li jkollhom l-​intenzjoni li jagħmlu suwiċidju, kiteb: “Permezz tal-​mewt tagħhom stess, it-​tfal jesprimu x-​xewqa kbira li jkollhom ġo fihom li jikkastigaw lill-​persuna li tkun itturmentathom.”

Stħarriġ reċenti fil-​Britannja wera li t-​tfal ikollhom kważi sebaʼ darbiet iktar probabbiltà li jipprovaw jagħmlu suwiċidju meta jiffaċċjaw ibbuljar qawwi. L-​uġigħ emozzjonali li jbatu dawn it-​tfal huwa reali. Tifel taʼ 13-il sena li tgħallaq ħalla nota li fiha semma ħames persuni li kienu tturmentawh u anki serqulu xi flus bil-​forza. “Jekk jogħġobkom salvaw lil tfal oħrajn,” kiteb hu.

Oħrajn jistgħu jipprovaw joqtlu ruħhom b’idejhom meta jiġu fl-​inkwiet fl-​iskola jew mal-​liġi, iġarrbu t-​tmiem taʼ xi relazzjoni taʼ mħabba, jirċievu riżultati taʼ l-​iskola ħżiena, jgħaddu minn stress kbir minħabba l-​eżamijiet, jew jaqtgħu qalbhom għax jinkwetaw dwar il-​futur. Adolexxenti li s-​soltu jġibu marki għoljin u li jistaʼ jkollhom it-​tendenza li jkunu perfezzjonisti, jekk imorru lura jew ma jgħaddux—sew jekk dan jiġri veru u sew jekk ikunu qed jimmaġinawh—jistgħu jaslu biex jipprovaw jagħmlu suwiċidju.

Għall-adulti, il-​problemi finanzjarji jew konnessi max-​xogħol huma affarijiet li spiss iqanqlu s-​suwiċidju. Fil-​Ġappun wara snin twal li l-​ekonomija bdiet sejra għan-​niżla, is-​suwiċidji dan l-​aħħar qabżu t-​30,000 fis-​sena. Skond il-​Mainichi Daily News, kważi tliet kwarti taʼ l-​irġiel taʼ mezz’età li qatlu lilhom infushom għamlu dan “minħabba problemi li żviluppaw mid-​dejn, il-​fallimenti tan-​negozju, il-​faqar u l-​qgħad.” Il-​problemi tal-​familja wkoll iqanqlu s-​suwiċidju. Gazzetta Finlandiża rrapportat: “Irġiel taʼ mezz’età li jkunu għadhom kif iddivorzjaw” saru jifformaw wieħed mill-​gruppi li qegħdin f’riskju kbir. Fi studju fl-​Ungerija nstab li l-​maġġuranza tat-​tfajliet li jikkunsidraw li jagħmlu suwiċidju trabbew f’familji mkissrin.

L-irtirar mix-​xogħol u l-​mard fiżiku wkoll huma fatturi ewlenin li jqanqlu s-​suwiċidju, speċjalment fost l-​anzjani. Taʼ spiss is-​suwiċidju jintgħażel bħala soluzzjoni, mhux bilfors meta marda tkun qattiela, imma meta l-​pazjent iqis it-​tbatija bħala ħaġa li ma jiflaħx għaliha.

Madankollu, mhux kulħadd jirreaġixxi għal dawn il-​ġrajjiet billi jikkommetti suwiċidju. Għall-​kuntrarju, meta jiffaċċjaw sitwazzjonijiet stressanti bħal dawn, il-​maġġuranza tan-​nies ma joqtlux ruħhom b’idejhom. Mela għala xi wħud iqisu s-​suwiċidju bħala s-​soluzzjoni, filwaqt li l-​biċċa l-​kbira ma jagħmlux hekk?

Fatturi Bażiċi Moħbijin

Kay Redfield Jamison, professoressa tal-​psikjatrija fl-​Iskola tal-​Mediċina fl-​Università Johns Hopkins tgħid li l-​parti l-​kbira tad-​deċiżjoni li wieħed jieħu biex imut tiddependi fuq kif hu jinterpreta t-​tifsir taʼ dak li jiġrilu. Hi tkompli tgħid li għall-​maġġuranza tan-​nies li għandhom moħħhom f’loku, xejn minn dak li jiġrilhom ma jkun daqshekk ikrah li jġagħalhom jagħmlu suwiċidju. Eve K. Mościcki, mill-​Istitut Nazzjonali Amerikan għas-​Saħħa Mentali, tinnota li ħafna fatturi—xi wħud minnhom bażiċi imma moħbijin—jaħdmu flimkien biex iwasslu għall-​imġiba suwiċidali. Fatturi bażiċi moħbijin bħal dawn jinkludu taqlib mentali u dak li hu konness maʼ xi vizzju, l-​istruttura ġenetika, u l-​kimika tal-​moħħ. Ejja nikkunsidraw xi wħud minnhom.

Fuq quddiemnett fost dawn il-​fatturi hemm it-​taqlib mentali u dak li hu konness maʼ xi vizzju, bħad-​dipressjoni, il-​mard bipolari konness mal-​burdata, l-​iskiżofrenja, u l-​abbuż taʼ l-​alkoħol jew id-​drogi. Ir-​riċerka li saret kemm fl-​Ewropa u kemm fl-​Istati Uniti tindika li iktar minn 90 fil-​mija tas-​suwiċidji li jirnexxu huma assoċjati maʼ taqlib bħal dan. Fil-​fatt, ir-​riċerkaturi Svediżi sabu li fost l-​irġiel li ma kellhomx taqlib bħal dan, ir-​rata taʼ suwiċidju kienet taʼ 8.3 kull 100,000 persuna, imma fost dawk li kienu dipressi din qabżet għal 650 kull 100,000 persuna! U l-​esperti jgħidu li l-​fatturi li jwasslu għas-​suwiċidju huma simili f’pajjiżi tal-​Lvant. Minkejja dan, anki jekk tgħaqqad id-​dipressjoni mal-​ġrajjiet li jqanqlu s-​suwiċidju, ma jfissirx li s-​suwiċidju ma jistax jiġi evitat.

Il-Professoressa Jamison, li darba hi nfisha pprovat tagħmel suwiċidju, tgħid: “In-​nies donnhom jirnexxilhom jifilħu jew jissaportu d-​dipressjoni sakemm jemmnu li l-​affarijiet se jmorru għall-​aħjar.” Madankollu, hi sabet li hekk kif id-​disprament li jibda jiżdied bil-​ħeffa ma jinfelaħx iżjed, bil-​mod il-​mod is-​sistema mentali tnaqqas il-​kapaċità tagħha biex trażżan il-​ħsibijiet taʼ suwiċidju. Hi tqabbel is-​sitwazzjoni mal-​mod kif il-​brejkijiet taʼ karozza jittieklu meta jkunu qalgħu ħafna.

Huwa vitali li wieħed jirrealizza li tkun teżisti din it-​tendenza għax id-​dipressjoni tistaʼ titfejjaq. Is-​sentimenti taʼ disprament jistgħu jitneħħew. Meta l-​fatturi bażiċi jiġu trattati, in-​nies jistgħu jirreaġixxu b’mod differenti għall-​qsim taʼ qalb u l-​ansjetajiet li taʼ spiss iqanqlu s-​suwiċidju.

Xi wħud jaħsbu li l-​istruttura ġenetika taʼ individwu tistaʼ tkun fattur bażiku moħbi f’ħafna suwiċidji. Veru, il-​ġeni għandhom sehem f’li jiddeterminaw it-​temperament taʼ dak li jkun, u l-​istudji juru li xi familji jkollhom iktar każi taʼ suwiċidju minn oħrajn. Madankollu, bħalma tgħid Jamison, il-​fatt li wieħed ikollu tendenza ġenetika għas-​suwiċidju ma jfissirx li ma jistaʼ jevitah b’xejn.

Il-kimika tal-​moħħ ukoll tistaʼ tkun fattur bażiku moħbi. Fil-​moħħ, biljuni taʼ newroni jikkomunikaw elettrokimikament. Fit-​trufijiet taʼ l-​għeruq li ħerġin mill-​fibri tan-​nervituri, hemm spazji żgħar imsejħin sinapsi li minnhom is-​sustanzi kimiċi, jew newrotrasmettituri, iġorru l-​informazzjoni kimikament. Il-​livell taʼ waħda minn dawn in-​newrotrasmettituri, is-​serotonin, jistaʼ jeffettwa kemm wieħed ikun suġġett b’mod bijoloġiku għas-​suwiċidju. Il-​ktieb Inside the Brain jispjega li livell baxx taʼ serotonin jistaʼ jisraq il-​ferħ tal-​ħajja, inaqqas l-​interess taʼ l-​individwu li jgħix, u jżidlu r-​riskju taʼ dipressjoni u suwiċidju.

Madankollu, il-​fatt hu li ħadd m’hu destinat li jagħmel suwiċidju. Miljuni taʼ nies jissaportu l-​qsim taʼ qalb u l-​ansjetajiet. Huwa l-​mod kif il-​moħħ u l-​qalb jirreaġixxu għall-​pressjonijiet li jwasslu lil xi wħud biex joqtlu lilhom infushom. Ma jridux jiġu trattati biss il-​ġrajjiet immedjati li jqanqlu s-​suwiċidju imma wkoll il-​fatturi bażiċi moħbijin.

Mela, x’jistaʼ jsir biex wieħed ikollu ħarsa iżjed pożittiva li se terġaʼ tagħtih ammont taʼ gost u entużjażmu fil-​ħajja?

[Kaxxa f’paġna 6]

Id-​Differenza fis-​Suwiċidju bejn l-​Irġiel u n-​Nisa

Skond studju li sar fl-​Istati Uniti, filwaqt li n-​nisa għandhom minn darbtejn sa tliet darbiet iktar ċans li jipprovaw jagħmlu suwiċidju mill-​irġiel, l-​irġiel għandhom erbaʼ darbiet iktar ċans li jirnexxu. In-​nisa għandhom ċans li jbatu bid-​dipressjoni minn taʼ l-​inqas id-​doppju milli jbatu l-​irġiel. Għandu mnejn huwa għalhekk li n-​numru taʼ attentati taʼ suwiċidju huwa akbar fost in-​nisa. Madankollu, il-​mard konness mad-​dipressjoni li jaqbadhom jistaʼ ma jkunx daqstant estrem, u b’hekk għandhom mnejn jużaw mezzi inqas estremi. L-​irġiel, mill-​banda l-​oħra, għandhom it-​tendenza li jużaw mezzi iktar qawwijin u deċiżivi biex ikunu ċerti li jirnexxu.

Madankollu, fiċ-​Ċina n-​nisa jirnexxu iktar mill-​irġiel. Fil-​fatt, ċertu studju juri li xi 56 fil-​mija tas-​suwiċidji fid-​dinja li jsiru min-​nisa jseħħu fiċ-​Ċina, speċjalment fl-​inħawi tal-​kampanja. Jingħad li waħda mir-​raġunijiet għala l-​attentati bl-​addoċċ taʼ suwiċidju li jagħmlu n-​nisa hemmhekk jirnexxu kompletament hija għaliex il-​pestiċidi qattiela huma faċli ħafna li jinkisbu.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]

Is-​Suwiċidju u s-​Solitudni

Is-​solitudni hija waħda mill-​fatturi li jwasslu lin-​nies f’dipressjoni u suwiċidju. Jouko Lönnqvist, li mexxa studju dwar is-​suwiċidji fil-​Finlandja, qal: “Għal għadd kbir [minn dawk li għamlu suwiċidju], il-​ħajja taʼ kuljum kienet mimlija bis-​solitudni. Kellhom ħafna ħin liberu imma ftit kuntatti soċjali.” Kenshiro Ohara, psikjatra fl-​Iskola tal-​Mediċina taʼ l-​Università taʼ Ħamamatsu fil-​Ġappun, ikkummenta li l-​“iżolament” kien il-​fattur bażiku għaż-​żjieda li kien hemm dan l-​aħħar fis-​suwiċidji minn irġiel taʼ mezz’età f’dan il-​pajjiż.

[Stampa f’paġna 5]

Għall-​adulti, il-​problemi finanzjarji jew konnessi max-​xogħol huma affarijiet li spiss iqanqlu s-​suwiċidju

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja