LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 11/8 pp. 8-12
  • Int Tistaʼ Ssib l-Għajnuna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Tistaʼ Ssib l-Għajnuna
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Wiċċ Imbwiċċ mal-​Problemi Bażiċi Moħbijin
  • Tkellem maʼ Xi Ħadd
  • Sabu l-​Għajnuna Meħtieġa
  • Ħajtek Hija Importanti għal Ħaddieħor
  • Għala xi Nies Jixbgħu mill-Ħajja
    Stenbaħ!—2001
  • Nixtieq immut—Tistaʼ l-Bibbja tgħinni meta jkolli ħsibijiet biex nagħmel suwiċidju?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Problema mad-Dinja Kollha
    Stenbaħ!—2001
  • Għala M’Għandekx Taqbad u Ttemm Ħajtek?
    Stenbaħ!—2008
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 11/8 pp. 8-12

Int Tistaʼ Ssib l-​Għajnuna

‘DISGĦA u erbgħin pillola taʼ l-​irqad f’kikkra. Niblagħhom jew le?’ staqsa bejnu u bejn ruħu raġel taʼ 28 sena fl-​Isvizzera. Martu u wliedu kienu telquh, u kienet qabditu dipressjoni qawwija ferm. Iżda wara li belaʼ t-​taħlita qal lilu nnifsu: ‘Le. Ma rridx immut!’ Fortunatament, hu baqaʼ ħaj biex jirrakkonta l-​istorja. Il-​ġibda li wieħed ikollu biex jagħmel suwiċidju mhux dejjem twassal għall-​mewt.

Alex Crosby miċ-​Ċentri Amerikani għall-​Kontroll u l-​Prevenzjoni tal-​Mard qal dwar l-​attentati taʼ suwiċidju mill-​adolexxenti: “Jekk jirnexxilek trażżnu anki għal ftit sigħat biss, tistaʼ twaqqfu. Meta tieħu passi biex tgħin, hemm għadd kbir li tistaʼ tiskansahom milli jwettqu suwiċidju. Tistaʼ ssalvalhom ħajjithom.”

Filwaqt li kien qed jaħdem fiċ-​Ċentru taʼ Emerġenza u Salvataġġ fil-​Kulleġġ Mediku tal-​Ġappun, il-​Professur Hisashi Kurosawa għen lil mijiet taʼ nies li kellhom l-​intenzjoni li jagħmlu suwiċidju biex jerġaʼ jkollhom ir-​rieda li jgħixu. Iva jekk jittieħdu xi passi, il-​ħajjiet jistgħu jiġu salvati. X’għajnuna hemm bżonn?

Wiċċ Imbwiċċ mal-​Problemi Bażiċi Moħbijin

Kif innotajna fl-​artiklu taʼ qabel, ir-​riċerkaturi jgħidu li 90 fil-​mija taʼ dawk li għamlu suwiċidju kellhom taqlib psikjatriku jew problemi konnessi m’abbuż taʼ xi sustanzi. Għaldaqstant, Eve K. Mościcki, mill-​Istitut Nazzjonali Amerikan għas-​Saħħa Mentali, tgħid: “L-​akbar tama li hemm biex jiġi evitat is-​suwiċidju fil-​gruppi taʼ kull età hija li jiġu evitati t-​taqlib mentali u dak konness maʼ xi vizzju.”

B’dispjaċir, ħafna li jbatu minn taqlib bħal dan ma jkollhomx it-​tendenza li jfittxu l-​għajnuna. Għala le? “Għax hemm preġudizzju qawwi fis-​soċjetà,” jikkummenta Yoshitomo Takahashi mill-​Istitut Metropolitan tal-​Psikjatrija f’Tokjo. Hu jżid jgħid li bħala riżultat, anki nies li jafu bejn wieħed u ieħor li m’humiex f’sikkithom iżommu lura milli jfittxu l-​kura mill-​ewwel.

Iżda, xi wħud ma jħallux il-​mistħija twaqqafhom. Hiroshi Ogawa, bniedem magħruf li jaħdem fix-​xandir televiżiv u li ilu jippreżenta l-​programm tiegħu stess fil-​Ġappun għal 17-il sena, ammetta pubblikament li jbati mid-​dipressjoni u saħansitra kien kważi wasal biex jagħmel suwiċidju. “Id-​dipressjoni tixbah lil riħ komuni fil-​moħħ,” qal Ogawa. Hu spjega li kulħadd jistaʼ jimrad b’dan il-​mod, imma l-​fejqan huwa possibbli.

Tkellem maʼ Xi Ħadd

“Meta xi ħadd iżomm il-​problema għalih, ġeneralment jaraha ħafna akbar milli tkun u bla soluzzjoni,” jgħid Béla Buda, l-​uffiċjal tas-​saħħa Ungeriż li ġie kwotat qabel. Din l-​osservazzjoni tenfasizza l-​għerf tal-​proverbju antik fil-​Bibbja: “Min irid jinfired mill-​oħrajn jara x’jaqlaʼ, u [“kontra kull għerf prattiku se jeħodha,” NW].”—Proverbji 18:1.

Ismaʼ minn dan il-​kliem għaref. Tibqax taqdef għal rasek f’baħar taʼ inkwiet persunali. Fittex lil xi ħadd li tistaʼ tafdah u li tistaʼ tiftaħ qalbek miegħu. ‘Imma,’ għandek mnejn tgħid, ‘jien m’għandi lil ħadd maʼ min niftaħ qalbi.’ Skond il-​professjonist tas-​saħħa mentali Dr. Naoki Sato, ħafna jħossuhom hekk. Sato semma li l-​pazjenti jistgħu jevitaw li jiftħu qalbhom m’oħrajn għax ma jkunux iridu jikxfu d-​dgħjufijiet tagħhom.

Individwu fejn jistaʼ jsib lil xi ħadd li jisimgħu? F’ħafna postijiet dak li jkun jistaʼ juża l-​għajnuna taʼ ċentru għall-​prevenzjoni tas-​suwiċidju jew xi servizz bit-​telefon li jkun miftuħ biex wieħed jaqsam il-​kriżijiet li jkun għaddej minnhom u jibqaʼ anonimu. Jew jistaʼ wkoll isib tabib mediku b’reputazzjoni tajba li jieħu ħsieb il-​problemi emozzjonali. Imma xi esperti jirrikonoxxu wkoll sors ieħor t’għajnuna—ir-​reliġjon. Din kif tistaʼ tgħin?

Sabu l-​Għajnuna Meħtieġa

Marin, raġel marid mill-​Bulgarija, kien żviluppa xewqa kbira li joqtol ruħu b’idejh. Darba minnhom b’kumbinazzjoni sab ir-​rivista reliġjuża It-​Torri taʼ l-​Għassa, pubblikazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Hu wieġeb għall-​istedina li kien hemm fir-​rivista biex ix-​Xhieda taʼ Jehovah imorru jżuruh personalment. Marin jispjega x’kien ir-​riżultat: “Minnhom tgħallimt li l-​ħajja hija rigal mingħand Missierna tas-​sema u li m’għandniex dritt nagħmlu ħsara lilna nfusna jew intemmu ħajjitna b’idejna. B’hekk, biddilt għalkollox ix-​xewqa li kelli qabel biex nagħmel suwiċidju u erġajt bdejt inħobb il-​ħajja!” Marin irċieva wkoll l-​appoġġ b’imħabba mill-​kongregazzjoni Kristjana. Għalkemm għadu marid, hu jgħid: “Il-​ġranet tiegħi issa huma mimlijin ferħ u serħan, u mimlijin ukoll b’ħafna affarijiet sbieħ x’nagħmel—saħansitra iżjed milli għandi ħin għalihom! Dan kollu nafu lil Jehovah u lix-​Xhieda tiegħu.”

Ir-​raġel żagħżugħ mill-​Isvizzera li semmejna fil-​bidu wkoll irċieva l-​għajnuna mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Illum hu jikkummenta fuq “il-​qalb tajba taʼ familja Kristjana” li laqgħetu f’darha. Hu jżid: “Iktar tard, il-​membri tal-​kongregazzjoni [tax-Xhieda taʼ Jehovah] kienu jistidnuni għall-​ikel darba kull wieħed jum wara l-​ieħor. Li għenni ma kienx biss il-​fatt li ntweriet l-​ospitalità miegħi imma wkoll li stajt nitkellem maʼ xi ħadd.”

Dan ir-​raġel ħassu inkuraġġit ferm minn dak li studja fil-​Bibbja, speċjalment meta tgħallem dwar l-​imħabba li jħoss dak Alla veru, Jehovah, għall-​umanità. (Ġwann 3:16) Tabilħaqq, Alla Jehovah jisimgħek meta ‘tiftaħ qalbek’ miegħu. (Salm 62:9 [62:8, NW]) “Għajnejh jiġru fuq l-​art kollha,” mhux biex isib id-​difetti tan-​nies, imma biex “isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-​sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9) Jehovah jiżgurana: “La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jien ngħinek; nwieżnek bil-​leminija rebbieħa tiegħi!”—Isaija 41:10.

Rigward il-​wegħda t’Alla taʼ dinja ġdida, ir-​raġel mill-​Isvizzera qal: “Din għenet b’mod konsiderevoli biex tħaffef il-​piż tal-​frustrazzjoni tiegħi.” Din it-​tama, li hija deskritta bħala “ankra tar-​ruħ,” tinvolvi l-​wegħda taʼ ħajja taʼ dejjem fil-​Ġenna fuq l-​art.—Lhud 6:19; Salm 37:10, 11, 29.

Ħajtek Hija Importanti għal Ħaddieħor

Veru, tistaʼ tiffaċċja sitwazzjonijiet li jġagħluk tħossok li tinsab waħdek għalkollox u li ħadd ma jimpurtah jekk tmut. Iżda ftakar: Hemm differenza kbira bejn li tħossok waħdek u li tkun waħdek. Fi żminijiet Bibliċi l-​profeta Elija waqaʼ f’dipressjoni kbira ferm f’ċertu punt f’ħajtu. Hu qal lil Jehovah: “’L-profeti tiegħek qatluhom bix-​xabla. Jien waħdi bqajt.” Iva, Elija ħassu totalment waħdu—u kellu raġun. Ħafna minn sħabu l-​profeti nqatlu. Hu nnifsu kien ġie mhedded li jinqatel, u kien qed jaħrab biex isalva ħajtu. Imma veru kien waħdu? Le. Jehovah għarrfu li kien hemm xi 7,000 ruħ leali li bħalu kienu qed jipprovaw jaqdu fedelment lil Alla l-​veru f’dawk iż-​żminijiet mudlama. (1 Slaten 19:1-18) Iżda xi ngħidu għalik? Jistaʼ jkun li m’intix waħdek daqskemm tħossok?

Hemm min jimpurtah minnek. Tistaʼ taħseb fil-​ġenituri tiegħek, is-​sieħeb jew sieħba tiegħek, uliedek, u l-​ħbieb tiegħek. Imma hemm iktar. Fil-​kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah, tistaʼ ssib Kristjani maturi li jinteressahom minnek, li se joqogħdu jisimgħuk, u li se jitolbu miegħek u għalik. (Ġakbu 5:14, 15) U anki li kieku kull bniedem imperfett kellu jabbandunak, hemm Wieħed li qatt m’hu se jitilqek. Is-​Sultan David tal-​qedem qal: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-​Mulej jilqagħni għandu.” (Salm 27:10) Iva, Jehovah ‘jaħseb fik.’ (1 Pietru 5:7) Qatt tinsa li int prezzjuż f’għajnejn Jehovah.

Il-ħajja hija rigal mingħand Alla. Veru, xi kultant il-​ħajja tinħass iktar bħala piż milli bħala rigal. Iżda, tistaʼ timmaġina kif kont tħossok li kieku tagħti rigal prezzjuż lil xi ħadd li mbagħad jarmih qabel biss jużah sew? Aħna l-​bnedmin imperfetti għadna bilkemm bdejna nużawh ir-​rigal tal-​ħajja. Fil-​fatt, il-​Bibbja tindika li l-​ħajja li qed ngħixu issa lanqas biss hija “l-​ħajja vera” f’għajnejn Alla. (1 Timotju 6:19) Iva, fil-​futur dalwaqt ħajjitna se tkun bil-​wisq iktar kompleta, sinifikanti, u ferħana. Kif?

Il-Bibbja tgħid: “[Alla] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.” (Apokalissi 21:3, 4) Ipprova immaġina kif se tkun ħajtek meta jitwettaq dan il-​kliem. Ħudha bil-​mod. Ipprova ibni stampa mentali sħiħa u interessanti. Din l-​istampa mhix fantasija bla sens. Hekk kif timmedita fuq kif Jehovah aġixxa man-​nies tiegħu fil-​passat, il-​fiduċja tiegħek fih se tikber u dik l-​istampa se tkompli ssir iktar u iktar reali għalik.—Salm 136:1-26.

Jistaʼ jkun li ddum ftit qabel ma terġaʼ tikseb għalkollox ix-​xewqa tiegħek li tgħix. Kompli itlob lil “Alla taʼ kull faraġ. Hu jfarraġna fl-​hemm kollu tagħna.” (2 Korintin 1:​3, 4; Rumani 12:12; 1 Tessalonikin 5:​17) Jehovah se jagħtik is-​saħħa li għandek bżonn. Se jgħallmek li l-​ħajja taʼ min jgħixha.—Isaija 40:29.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]

Kif Tistaʼ Tgħin lil Xi Ħadd li Jidher li Se Jagħmel Suwiċidju?

X’għandek tagħmel jekk xi ħadd jiftaħ qalbu miegħek dwar li jrid jagħmel suwiċidju? “Kun semmiegħ tajjeb,” jagħtu parir iċ-​Ċentri Amerikani għall-​Kontroll u l-​Prevenzjoni tal-​Mard (U.S. Centers for Disease Control and Prevention [CDC]). Ħallih jesprimi kif iħossu. Iżda, f’ħafna każi, bniedem li jkollu l-​intenzjoni li jagħmel suwiċidju jingħalaq fih innifsu u ma jkunx irid jitkellem. Urih li int tirrealizza li l-​uġigħ u d-​disprament li qed iħoss huma reali. Jekk bil-​ħlewwa kollha ssemmilu xi bidliet partikulari li nnotajt fl-​imġiba tiegħu, tistaʼ tgħinu jitkellem u jiftaħ qalbu miegħek.

Int u tismaʼ, uri empatija. “Huwa importanti li tenfasizza li ħajjet il-​persuna hija importanti għalik u għal oħrajn,” jgħidu s-​CDC. Kun ċert li jifhem li jekk imut, il-​mewta tiegħu tifni kemm lilek u kemm lil oħrajn. Għin lill-​individwu jifhem li l-​Ħallieq tiegħu jimpurtah minnu.—1 Pietru 5:7.

L-​esperti jirrikkmandaw ukoll li titneħħa kull ħaġa li l-​individwu għandu mnejn juża biex jagħmel suwiċidju—b’mod partikulari l-​armi tan-​nar. Jekk is-​sitwazzjoni tidher li hija gravi, forsi tistaʼ tinkuraġġixxi lil dak li jkun biex jitlob għajnuna medika. F’każi estremi ma tantx ikollok għażla oħra ħlief li titlob int stess biex jintbagħat xi tip taʼ servizz mediku taʼ emerġenza.

[Kaxxa f’paġna 11]

‘Se Jaħfirli Alla Talli Qed Inħossni Hekk?’

Ħafna wħud ġew megħjunin jegħlbu l-​ħsibijiet taʼ suwiċidju billi ssieħbu max-​Xhieda taʼ Jehovah. Madankollu, ħadd illum ma jistaʼ jeħlisha mill-​affarijiet stressanti tal-​ħajja jew mid-​dipressjoni. Il-​Kristjani li jgħaddilhom il-​ħsieb li joqtlu ruħhom b’idejhom taʼ spiss ikollhom jiġġieldu maʼ sentimenti profondi taʼ ħtija minħabba li jkunu għaddewlhom ħsibijiet bħal dawn. Is-​sens taʼ ħtija kulma jistaʼ jagħmel hu li jkompli jżid mat-​toqol tagħhom. Allura kif għandhom jirreaġixxu għal sentimenti bħal dawn?

Taʼ min jinnota li xi rġiel u nisa leali fi żminijiet Bibliċi esprimew sentimenti negattivi kbar ħafna dwar il-​ħajja. Rebekka, mart il-​patrijarka Iżakk, darba tant kienet imdejqa bi problema tal-​familja li qalet: “Iddejjaqt minn ħajti.” (Ġenesi 27:46) Ġob, li sofra t-​telfa taʼ wliedu, taʼ saħħtu, taʼ ġidu, u taʼ l-​istat tiegħu fis-​soċjetà, qal: “Ħajti nistmellha.” (Ġob 10:1) Mosè darba minnhom għajjat lil Alla: “Oqtolni.” (Numri 11:15) Elija, profeta t’Alla, darba qal: “Issa biżżejjed, Mulej; ħudli ’l ħajti.” (1 Slaten 19:4) U l-​profeta Ġona kemm-il darba qal: “Għalija aħjar immut milli nibqaʼ ħaj!”—Ġona 4:8.

Jehovah ikkundannahom lil dawn l-​individwi talli ħassewhom hekk? Le. Hu saħansitra żamm l-​espressjonijiet tagħhom imniżżlin fil-​Bibbja. Iżda, huwa vitali li ninnotaw li ħadd minn dawn l-​uħud leali ma ħalla s-​sentimenti jwassluh biex jagħmel suwiċidju. Għal Jehovah kienu prezzjużi; hu riedhom jgħixu. Il-​fatt hu li Alla saħansitra jimpurtah mill-​ħajjiet tal-​ħżiena. Hu jħeġġiġhom ibiddlu triqathom ‘biex jgħixu.’ (Eżekjel 33:11) Kemm iktar irid li dawk li jimpurtahom milli jiksbu l-​approvazzjoni tiegħu jibqgħu ħajjin!

Alla pprovda s-​sagrifiċċju taʼ Ibnu bħala fidwa, il-​kongregazzjoni Kristjana, il-​Bibbja, u l-​privileġġ tat-​talb. Din il-​linja taʼ komunikazzjoni m’Alla—it-​talb—qatt ma tkun okkupata. Alla jistaʼ jismaʼ lil dawk kollha li jersqu lejh b’qalb umli u sinċiera, u hekk jagħmel. “Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-​tron tal-​grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-​grazzja li neħtieġu.”—Lhud 4:16.

[Kaxxa f’pagna 12]

Tlift lil Xi Ħadd li Tħobb Minħabba Suwiċidju?

Meta xi ħadd jagħmel suwiċidju, il-​membri tal-​familja u l-​ħbieb intimi jġarrbu taqlib mentali kbir. Ħafna jitfgħu l-​ħtija fuqhom infushom għal din it-​traġedja. Jibdew jgħidu affarijiet bħal: ‘Mhux li qattajt ftit iktar ħin miegħu dakinhar,’ ‘Mank gdimt ilsieni dik id-​darba,’ ‘Li kieku għamilt iktar sforz biex ngħinu.’ B’dan il-​kliem ikunu qed jimplikaw hekk: ‘Li kieku għamilt hekk jew hekk, kieku l-​persuna li tant inħobb kienet tkun għadha hawn.’ Iżda huwa raġunevoli li tieħu l-​ħtija għal suwiċidju taʼ ħaddieħor?

Ftakar, huwa faċli ħafna li tagħraf is-​sinjali taʼ sentimenti taʼ suwiċidju wara li jkun ġara. Hija kwistjoni differenti meta s-​suwiċidju jkun għadu ma seħħx. Il-​Bibbja tgħid: “Qalb il-​bniedem tagħraf l-​imrar tagħha, u ħadd barra minnha ma jissieħeb fil-​ferħ tagħha.” (Proverbji 14:10) Xi drabi jkun impossibbli li tifhem x’qed jaħseb jew iħoss xi ħadd ieħor. Ħafna nies li jkollhom l-​intenzjoni li jagħmlu suwiċidju sempliċement ma jkunux jistgħu jikkomunikaw biżżejjed is-​sentimenti ġewwinija tagħhom maʼ ħaddieħor, anki maʼ membri intimi tal-​familja.

Il-​ktieb Giving Sorrow Words jgħid hekk dwar is-​sinjali li turi persuna li jkollha intenzjoni li tagħmel suwiċidju: “Ir-​realtà hi li ġeneralment ma jkunx faċli li tagħraf dawn is-​sinjali.” L-​istess ktieb iżid li anki jekk tagħraf li hemm indikazzjonijiet ċari, dan fih innifsu ma jagħtix garanzija li stajt evitajt is-​suwiċidju. Minflok ma toqgħod titturmenta lilek innifsek, tistaʼ ssib faraġ fil-​kliem taʼ l-​għaref Sultan Salamun: “Il-​ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-​mejtin ma jafu xejn.” (Koħèlet 9:5) Il-​persuna li tħobb mhix qed tbati fin-​nar taʼ l-​infern. U d-​diqa mentali u dik emozzjonali li wassluh biex jagħmel suwiċidju spiċċaw. Mhux qed ibati; qiegħed biss jistrieħ.

Issa forsi l-​aħjar li tikkonċentra huwa fuq il-​benesseri taʼ dawk ħajjin, fosthom inti stess. Salamun kompla: “Kull ma ssib x’tagħmel, agħmlu b’ħiltek kollha” waqt li għadek ħaj. (Koħèlet 9:10) Ibqaʼ ċert li l-​prospetti tal-​ħajja fil-​futur għal dawk li għamlu suwiċidju jinsabu f’idejn Jehovah, “Missier il-​ħniena u Alla taʼ kull faraġ.”—2 Korintin 1:3.a

[Nota taʼ taħt]

a Se ssib ħarsa bilanċjata dwar il-​prospetti futuri taʼ dawk li għamlu suwiċidju fl-​artiklu “The Bible’s Viewpoint: Suicides—A Resurrection?” (Il-Ħarsa tal-​Bibbja: Is-​Suwiċidji—Hemm Irxoxt?) fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​8 taʼ Settembru, 1990.

[Stampi f’paġna 8]

Tkellem maʼ xi ħadd

[Stampa f’paġna 10]

Ħajtek hija importanti għal ħaddieħor

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja