LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 12/8 pp. 3-4
  • L-Artrite—Il-Marda li Timmanka l-Ġisem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Artrite—Il-Marda li Timmanka l-Ġisem
  • Stenbaħ!—2001
  • Materjal Simili
  • Tama għal Min Ibati bl-Artrite
    Stenbaħ!—2001
  • Paġna Tnejn
    Stenbaħ!—2001
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2002
  • Nipprovaw Nifhmu X’Inhi l-Artrite
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 12/8 pp. 3-4

L-​Artrite—Il-​Marda li Timmanka l-​Ġisem

“MA TISTAX TIMMAĠINA X’UĠIGĦ HU SAKEMM IĠĠARRBU. KONT NAĦSEB LI L-​UNIKU MOD LI STAJT INSIB SERĦAN KIEN LI MMUT.”—SETSUKO, IL-​ĠAPPUN.

“DIN IL-​MARDA ILHA FUQI MINDU KELLI 16-IL SENA, U NĦOSS LI SERQITLI Ż-​ŻGĦOŻIJA TIEGĦI.” —DARREN, IL-​GRAN BRITANNJA.

“TLIFT SENTEJN MINN ĦAJTI MINĦABBA LI MA KONTX NIFLAĦ INQUM MIS-​SODDA.”—KATIA, L-​ITALJA.

“META L-​UĠIGĦ BEDA FIL-​ĠOGI KOLLHA TIEGĦI, ĦAJTI KOLLHA KEMM HI KIENET MIMLIJA WĠIGĦ BISS.”—JOYCE, L-​AFRIKA T’ISFEL.

DAWN huma l-​espressjonijiet taʼ tbatija minn vittmi tal-​marda magħrufa bħala artrite. Kull sena miljuni taʼ nies li jbatu mill-​artrite jkollhom imorru għand it-​tabib biex ifittxu serħan mill-​uġigħ, min-​nuqqas t’abbiltà li jiċċaqalqu, u mill-​ġisem sfigurat li din tistaʼ tikkaġuna.

Fl-Istati Uniti biss, l-​artrite teffettwa iktar minn 42 miljun ruħ, u tikkaġuna diżabilità lil wieħed minn kull sitta li jbatu biha. Fil-​fatt, l-​artrite hija l-​kaġun ewlieni tad-​diżabilitajiet f’dan il-​pajjiż. L-​effett ekonomiku taʼ din il-​marda huwa “bejn wieħed u ieħor l-​istess bħal dak taʼ reċessjoni moderata,” jgħidu ċ-​Ċentri Nazzjonali għall-​Kontroll u l-​Prevenzjoni tal-​Mard. Dan għaliex lill-​Amerikani tiswielhom iktar minn 64 biljun dollaru (29 biljun lira Maltija) fi spejjeż mediċi u produzzjoni mitlufa. Skond l-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa, stħarriġ li kien jinvolvi pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħall-​Brażil, iċ-​Ċili, iċ-​Ċina, il-​Filippini, l-​Indja, l-​Indoneżja, il-​Malasja, il-​Messiku, il-​Pakistan, u t-​Tajlandja, wera li t-​toqol taʼ l-​artrite u taʼ mard rewmatiku ieħor f’pajjiżi bħal dawn huwa kważi “daqs dak fid-​dinja industrijalizzata.”

Hija ħrafa li l-​marda taʼ l-​artrite tolqot biss lill-​anzjani. Huwa minnu li n-​nies jiġu effettwati minnha iktar serjament meta jibdew javanzaw fl-​età. Imma wieħed mill-​iktar tipi komuni, l-​artrite rewmatika, jeffettwa l-​iktar lil dawk taʼ bejn il-​25 u l-​50 sena. Fl-​Istati Uniti, kważi 3 persuni minn kull 5 li għandhom l-​artrite għandhom inqas minn 65 sena. B’mod simili, fil-​Gran Britannja, minn 8 miljun ruħ li jbatu mill-​marda, 1.2 miljun ruħ huma taħt il-​45 sena u iktar minn 14,500 huma tfal.

Kull sena, l-​għadd taʼ dawk li jbatu bl-​artrite jiżdied bil-​ħeffa. Fil-​Kanada, fl-​għaxar snin li ġejjin, in-​numru taʼ nies bl-​artrite se jiżdied b’miljun. Filwaqt li hemm iktar artrite fl-​Ewropa milli hemm fl-​Afrika u fl-​Asja, din il-​marda qed tiżdied ukoll f’dawn iż-​żewġ kontinenti. Minħabba f’hekk iż-​żjieda fil-​marda taʼ l-​artrite qanqlet lill-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa biex tiddikjara l-​2000-2010 bħala l-​Għaxar Snin taʼ l-​Għadam u l-​Ġogi. Matul dan iż-​żmien, it-​tobba u l-​esperti tal-​kura tas-​saħħa madwar id-​dinja se jikkooperaw flimkien fi sforz biex itejbu l-​kwalità tal-​ħajja għal dawk li jbatu minn mard fil-​muskoli u fl-​għadam bħall-​artrite.

X’nafu dwar din il-​marda li tikkaġuna ħafna wġigħ? Min jinsab f’riskju li taqbdu? Kif jistgħu dawk li jbatu bl-​artrite jkampaw maʼ l-​effetti tagħha li jimmankaw il-​ġisem? Se jinsab fejqan fil-​futur? L-​artikli li jmiss se jiddiskutu dawn il-​kwistjonijiet.

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 3]

Eksrej: Used by kind permission of the Arthritis Research Campaign, United Kingdom (www.arc.org.uk)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja