Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
X’Jiġri jekk Niltaqaʼ maʼ Xi Ħadd li Naf mill-Iskola?
“Meta kont immur lura l-iskola nhar taʼ Tnejn, kont inħossni mwerwer. Jekk inkun inzertajt lil xi ħadd minn ħbiebi li jkun rani nippriedka, kont nispiċċa nivvinta dawn l-istejjer elaborati. Bħal per eżempju, kont ngħid lil ħbiebi li kont ħriġt niġbor il-flus għal xi partit politiku.”— James, Ingilterra.
“L-iskola kont niġi mwaqqgħa għaċ-ċajt minn dawk li jkunu rawni. Kont inħossni taħt pressjoni kbira.”— Débora, Brażil.
DAWN iż-żgħażagħ għala beżgħu daqshekk li ħbiebhom setgħu jarawhom? Kienu b’xi mod involuti f’xi attività illegali? Għall-kuntrarju, kienu qed jieħdu sehem fl-iktar xogħol onorabbli u importanti li qed isir fuq l-art illum. Kienu qegħdin jagħmlu x-xogħol li Ġesù kkmanda, meta qal: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, . . . għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.”—Mattew 28:19, 20.
Skond stħarriġ mill-Gallup taʼ l-Amerika, iktar minn 90 fil-mija taż-żgħażagħ jemmnu f’Alla. Daqs nofshom imorru l-knisja kull ġimgħa. U filwaqt li ħafna żgħażagħ jieħdu sehem f’attivitajiet sponsorjati mill-knisja, bħal kant f’xi kor, ftit huma dawk li jitkellmu maʼ sħabhom taʼ l-iskola dwar Alla. Madankollu, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin mad-dinja kollha għall-attività tagħhom taʼ ppridkar minn dar għal dar. Eluf taʼ Xhieda żgħażagħ jieħdu sehem f’dan ix-xogħol.
Jekk int Xhud żagħżugħ, m’hemmx dubju li int ukoll diġà qed tieħu sehem f’dan ix-xogħol taʼ ppridkar. Imma dan ma jfissirx neċessarjament li int issibu faċli biex tagħmlu. Bħaż-żgħażagħ imsemmijin fil-bidu, il-ħsieb biss li fuq il-bibien tistaʼ tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li taf mill-iskola jistaʼ jkun inkwetanti. Waħda żagħżugħa Ingliża jisimha Jennie tammetti: “Waħda mill-agħar affarijiet li setgħet tiġrili kienet li xi ħadd minn sħabi taʼ l-iskola jarani liebsa pulit, b’dublett, qed inġorr basket—u nidher iktar pulita minn kif nilbes għall-iskola.”
Il-biżaʼ li tiltaqaʼ maʼ xi sieħeb taʼ l-iskola jistaʼ jkun tant kbir li xi żgħażagħ Kristjani rrikorrew għal pjan taʼ ingann. Żagħżugħ jismu Leon jgħid: “Naf Xhud żagħżugħ li waqt li jkun fuq il-ministeru, jilbes ġakketta bil-kappa biex ikun jistaʼ jniżżilha fuq wiċċu jekk jiltaqaʼ maʼ xi ħbieb taʼ l-iskola tiegħu.” Madankollu, xi żgħażagħ oħra sempliċement jevitaw li jaħdmu fi nħawi partikulari. “Niftakarni nitlob biex ma naħdmux fi triq minnhom,” jiftakar wieħed żagħżugħ jismu Simon, “għax kont naf li f’dik it-triq kienu joqogħdu xi nies li kont naf mill-iskola tiegħi.”
Hija ħaġa normali li tħossok xi ftit skomdu meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li taf waqt li tkun qed tippriedka. Madankollu, jekk tħalli dak il-biżaʼ jaħkmek, dan jistaʼ biss iġiblek ħsara. “Tant kelli ħarsa żbaljata lejn l-ippridkar,” tammetti waħda żagħżugħa Ġermaniża jisimha Alicia, “li kellha effett negattiv fuq l-ispiritwalità tiegħi.”
Iżda, qabel xejn, għala għandek tippriedka—speċjalment jekk dan huwa diffiċli għalik biex tagħmlu? Bħala tweġiba, ejja nikkunsidraw għala Alla qiegħed dan l-obbligu fuqna. Imbagħad, bi sforz u determinazzjoni, se nuru li huwa possibbli li tegħleb il-biżaʼ li għandek.
L-Obbligu li Nippridkaw
L-ewwelnett, jistaʼ jkun taʼ għajnuna li tikkunsidra l-fatt li m’hemm xejn ġdid jew stramb dwar li taqsam il-fidi tiegħek maʼ ħaddieħor. Minn żmien l-imgħoddi, irġiel u nisa li kienu jibżgħu minn Alla għamluh dan. Per eżempju, Noè huwa magħruf l-iktar bħala l-bennej taʼ arka enormi. (Ġenesi 6:14-16) Imma skond it-2 Pietru 2:5 kien ukoll “ħabbâr tal-ġustizzja.” Noè ħassu obbligat li javża lil oħrajn dwar il-qerda li kienet ġejja.—Mattew 24:37-39, NW.
Iktar tard, għalkemm il-Lhud ma kinux ngħataw kmandi speċifiċi biex jippridkaw lil dawk li ma kinux Lhud, ħafna xorta qasmu l-fidi tagħhom maʼ oħrajn. B’hekk, waħda stranġiera li kien jisimha Rut saret taf dwar Jehovah. Grata għall-kunjata Lhudija tagħha, Nagħomi, Rut qaltilha: “Niesek, niesi; Alla tiegħek, Alla tiegħi.” (Rut 1:16) Iktar tard, is-Sultan Salamun wera li ħafna minn dawk li ma kinux Lhud kienu se jisimgħu dwar l-‘isem il-kbir’ taʼ Jehovah u jmorru jqimu fit-tempju Tiegħu.—1 Slaten 8:41, 42.
Issa, jekk dawn il-qaddejja t’Alla tal-qedem tkellmu maʼ oħrajn—għalkemm ma kienu taħt l-ebda obbligu li jagħmlu hekk—kemm iktar għandhom il-Kristjani taʼ llum iħossuhom obbligati li jippridkaw! Wara kollox, aħna ġejna kmandati biex nippridkaw “dan l-Evanġelju tas-Saltna.” (Mattew 24:14) Aħna l-istess bħall-appostlu Pawlu, dan l-obbligu ġie mqiegħed fuqna biex nippridkaw l-evanġelju. (1 Korintin 9:16) Is-salvazzjoni tagħna stess tiddependi minn dan. Rumani 10:9, 10 jgħid: “Jekk inti tistqarr b’fommok, ‘Ġesù hu l-Mulej’, . . . inti ssalva. Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustizzja u [“jagħmel dikjarazzjoni pubblika għas-salvazzjoni,” NW].”
Fejn tistaʼ ‘tagħmilha [din] d-dikjarazzjoni pubblika’? Għalkemm li tippriedka b’mod formali għandu postu, l-ippridkar minn dar għal dar huwa wieħed mill-iktar modi effettivi biex tilħaq lil oħrajn. (Atti 5:42, Karm Żammit; 20:20, KŻ) Meħlus int milli tieħu sehem fl-ippridkar minħabba li int żagħżugħ? Ftit li xejn. Il-Bibbja tagħti dan il-kmand f’Salm 148:12, 13: “Iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll, ix-xjuħ flimkien mat-tfal. Ħa jfaħħru isem il-Mulej.”
L-Isfida li Tippriedka lil Sħabek
Irridu nammettu li jistaʼ jkun imbarazzanti u li ma tħossokx komdu jekk tkun barra fil-ministeru u tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li jmur fl-istess skola li tmur int. Wara kollox, hija xi ħaġa normali li tkun tixtieq tiġi aċċettat minn oħrajn. Ħadd ma jrid li jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt, insulentat, jew abbużat verbalment. U bħalma tgħid waħda żagħżugħa li jisimha Tanya, “it-tfal taʼ l-iskola jafu jkunu krudili!” Għalhekk, hija ħaġa normali li tibda taħseb dwar kif sħabek taʼ l-iskola jistgħu jibdew jirreaġixxu jekk jarawk liebes pulit u bil-Bibbja f’idek. Sfortunatament, hemm possibbiltà kbira li jwaqqgħuk għaċ-ċajt. “Kien hemm tifel fil-klassi tiegħi li kien joqgħod fl-istess binja fejn kont noqgħod jien,” jiftakar Felipe, żagħżugħ Brażiljan. “Hu kien jgħid, ‘Hemm int ġej bil-Bibbja! X’għandek f’dak il-basket?’”
Li tkun vittma taʼ tinbix bħal dan m’huwiex xi ħaġa sabiħa. Il-Bibbja tgħidilna li Iżakk, it-tifel t’Abraham, ġie insulentat b’tinbix krudili minn ħuh mill-missier, Ismagħel. (Ġenesi 21:9, KŻ) L-appostlu Pawlu ma qiesx dan it-tinbix bħala xi ħaġa insinifikanti. F’Galatin 4:29, l-appostlu sejjaħ dan it-tinbix bħala ‘persekuzzjoni.’
Bl-istess mod, Ġesù wissa li xi nies kellhom ikunu ostili lejn id-dixxipli tiegħu. Hu qal: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom. Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha; iżda billi m’intomx tad-dinja, għax jien ħriġtkom mid-dinja, id-dinja tobgħodkom.”—Ġwann 15:18, 19.
Għalhekk, bħala Kristjan, għandek tkun lest li tiffaċċja xi persekuzzjonijiet. (2 Timotju 3:12) Anki jekk qatt ma tkellimt maʼ sħabek dwar il-Bibbja, xi wħud xorta jistgħu jippersegwitawk sempliċement għax qiegħed iżżomm mal-prinċipji għolja taʼ kondotta u ma tinvolvix ruħek magħhom f’kondotta ħażina. (1 Pietru 4:4) Madankollu, Ġesù joffri dan il-kliem taʼ faraġ: “Henjin intom, meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta taʼ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.” (Mattew 5:11) Kif jistaʼ t-tinbix jew iż-żebliħ jagħmlek hieni? Għax taf li tkun qed tferraħ il-qalb t’Alla Jehovah! (Proverbji 27:11) U billi togħġob lil Alla, int tkun qed tpoġġi lilek innifsek f’linja biex tirċievi r-rigal taʼ ħajja taʼ dejjem!—Luqa 10:25-28.
Fortunatament, mhux dawk kollha—jew il-biċċa l-kbira—minn sħabek taʼ l-iskola se jkunu ostili jekk tiltaqaʼ magħhom fuq il-ministeru. Waħda żagħżugħa Ingliża jisimha Angela tfakkarna: “Meta fuq il-bibien tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li taf mill-iskola, ħafna drabi jkun iktar beżgħan minnek!” Infatti, xi ftit minnhom jistgħu jkunu kurjużi għal dak li għandek xi tgħid. Fi kwalunkwe każ, ħafna żgħażagħ Kristjani qed igawdu suċċess kbir meta jippridkaw lil sħabhom taʼ l-iskola. Fl-artiklu li jmiss f’din is-serje se niddiskutu xi modi taʼ kif tistaʼ tagħmel dan int ukoll.
[Stampa f’paġna 13]
Ħafna żgħażagħ jibżgħu li fuq il-ministeru jistgħu jiltaqgħu maʼ xi ħadd li jafu mill-iskola
[Stampa f’paġna 15]
Qatt tħalli t-tinbix iġagħlek tistħi minħabba l-fidi tiegħek