LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 4/8 pp. 18-20
  • Kif Nistaʼ Nippriedka lil Sħabi taʼ l-Iskola?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistaʼ Nippriedka lil Sħabi taʼ l-Iskola?
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Żviluppa Ħerqa biex Tippriedka
  • Agħraf Lilek Innifsek
  • X’Jiġri jekk Niltaqaʼ maʼ Xi Ħadd li Naf mill-Iskola?
    Stenbaħ!—2002
  • Kif Nistaʼ Nagħmilha Parti Minni l-​Verità?
    Stenbaħ!—1998
  • Żgħażagħ—Jehovah Mhux Se Jinsa Dak Li Intom Għamiltu!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Għala Nibżaʼ Nitkellem Dwar ir-Reliġjon fl-Iskola?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 4/8 pp. 18-20

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Kif Nistaʼ Nippriedka lil Sħabi taʼ l-​Iskola?

“Kont qiegħed nippriedka, meta bla mistenni ltqajt maʼ persuna li kont naf. Qabadni biżaʼ kbir! Dak li kien qed jaħdem miegħi kellu jaqbeż u jitkellem minfloki.”​—Alberto.

“Kont naf li wieħed minn sħabi tal-​klassi kien joqgħod f’din it-​triq, allura ġagħalt lil ħija jitkellem f’kull bieb. Wara ftit, ħija ħassu għajjien u talabni biex inħabbat il-​bieb li kien imiss. Ħabbatt, u ma joħroġx sieħbi tal-​klassi! Twerwirt!”​— James.

ĦAFNA żgħażagħ iħossu li mhix ħaġa “normali” li tiddiskuti r-​reliġjon. Madankollu, fost il-​Kristjani veri, iż-​żgħażagħ japprezzaw il-​privileġġ li għandhom mogħti minn Alla li jaqsmu l-​fidi tagħhom maʼ oħrajn. Eluf miż-​żgħażagħ tax-​Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu dan billi jippridkaw minn dar għal dar. Imma xi wħud minnhom jagħmlu dan bil-​biżaʼ li jistgħu jiltaqgħu maʼ xi ħadd li jafu mill-​iskola. “Xorta nibda nħossni nervuża jekk niltaqaʼ maʼ xi wħud li kienu l-​iskola miegħi,” tgħid Jennifer, avolja ilha li spiċċat mill-​iskola sekondarja għal xi snin.

Jekk int żagħżugħ Kristjan, xi kultant tistaʼ tħossok bl-​istess mod. M’għandniex xi ngħidu, ilkoll kemm aħna nibżgħu li ma niġux aċċettati; għalhekk hija xi ħaġa normali li tħossok daqsxejn ansjuż meta tiġi biex tkellem lil xi ħadd minn sħabek taʼ l-​iskola dwar ir-​reliġjon.a Imma m’hemm l-​ebda raġuni għala għandek titwerwer. Tiftakru r-​raġel li l-​Bibbja ssejjaħlu “Ġużeppi minn Arimatija”? Hu emmen l-​affarijiet li tgħallem mingħand Ġesù. Madankollu, il-​Bibbja tiddeskrivi lil Ġużeppi bħala “dixxiplu taʼ Ġesù bil-​moħbi għax kien jibżaʼ mil-​Lhud.” (Ġwann 19:38) Issa, kif kont tħossok dwar ħabib li ried iżomm il-​ħbiberija tagħkom sigrieta? (Luqa 12:​8, 9) Għalhekk, m’għandniex niskantaw li Alla qed jistenna li l-​Kristjani kollha jagħmlu “dikjarazzjoni pubblika” tal-​fidi tagħhom. (Rumani 10:​10, NW) Dan jinkludi li titkellem maż-​żgħażagħ taʼ l-​iskola tiegħek.

Ġużeppi t’Arimatija għeleb il-​biżaʼ li kellu, għallinqas sal-​punt li talab biex jidfen il-​ġisem taʼ Ġesù. Kif tistaʼ tegħleb il-​biżaʼ li għandek?

Żviluppa Ħerqa biex Tippriedka

L-​appostlu Pawlu ma kienx iżomm lura milli jitkellem dwar il-​fidi tiegħu maʼ oħrajn. F’Rumani 1:​15, hu jiddeskrivi lilu nnifsu bħala li hu ħerqan biex ixandar il-​messaġġ tal-​Bibbja. X’kien li għamlu daqshekk ħerqan? Bħalma jgħid fil-​vers 16: “Jiena ma nistħix mill-​Evanġelju; għax l-​Evanġelju hu qawwa taʼ Alla għas-​salvazzjoni taʼ dawk kollha li jemmnu.” Xi ngħidu dwarek? Int tassew għaraft x’inhi l-​verità għalik ? (Rumani 12:2) Konvint tassew li l-​messaġġ tal-​Bibbja huwa l-​“qawwa taʼ Alla għas-​salvazzjoni”?

Il-fatt li tattendi l-​laqgħat Kristjani mal-​ġenituri tiegħek m’huwiex biżżejjed. “Hija xi ħaġa faċli li tmur biss għal-​laqgħat,” tgħid waħda żagħżugħa jisimha Deborah, “għax il-​ġenituri tiegħek jgħidulek biex tagħmel hekk. Imma meta xi ħadd kien jistaqsini xi mistoqsijiet dwar il-​Bibbja, ma kontx kapaċi nwieġbu.” Bl-​istess mod, waħda żagħżugħa jisimha Mi Young tammetti: “Għandna nkunu konvinti li din hi l-​verità.”

X’jistaʼ jqanqlek biex taqsam maʼ ħaddieħor l-​għarfien li għandek dwar il-​Bibbja? Li tagħmel studju persunali tal-​Bibbja. Żagħżugħ jismu Sean jgħid: “Meta tibda tagħmel l-​istudju persunali tiegħek tal-​Bibbja, tibda tagħmel il-​verità tiegħek. Tkun qed tistudja għalik innifsek.” Huwa veru li mhux kulħadd iħobb jistudja. “Ma nħobbx naqra,” tammetti Shevon. “Għalhekk, għall-​ewwel kien diffiċli għalija biex naqra It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! jew li naqra l-​Bibbja kuljum. Iżda iktar ma beda jgħaddi ż-​żmien, bdejt inżid fil-​qari.”

X’jirriżulta minn studju daqshekk diliġenti? L-​appostlu Pawlu jgħid: “Il-​fidi, mela, tiġi mis-​smigħ.” (Rumani 10:17) Hekk kif il-​fidi u l-​konvinzjoni tiegħek jikbru, l-​attitudni tiegħek żgur se tinbidel. Żagħżugħa mill-​Brażil jisimha Elisângela kkonkludiet: “Huwa unur li tkun Kristjan, mhux xi ħaġa taʼ mistħija.” Tabilħaqq, hekk kif il-​fidi tiegħek tikber, se ssib lilek innifsek imqanqal biex tkellem lil ħaddieħor​—inkluż lil sħabek tal-​klassi. Pawlu qal: “Aħna . . . emminna, u għalhekk tkellimna.” (2 Korintin 4:13) Barra minn dan, kif tistaʼ tkun “safi mid-​demm” taʼ l-​oħrajn jekk int iżżomm lura milli tagħti xiehda dwar l-​għarfien li jagħti l-​ħajja lil dawk iż-​żgħażagħ li tara kuljum?​—Atti 20:​26, 27, Saydon.

Iżda xi żgħażagħ Kristjani ma jħossuhomx preparati biżżejjed biex jitkellmu maʼ oħrajn dwar il-​Bibbja. “Jekk ma tkunx taf x’se taqbad tgħid,” jgħid wieħed żagħżugħ jismu Joshua, “li tipprova tippriedka ma tantx hi xi ħaġa taʼ gost.” Għal darb’oħra, li tieħu għarfien profond tal-​Bibbja se jgħinek biex titkellem dwarha aħjar. (2 Timotju 2:15) F’kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah, iż-​żgħażagħ jistgħu jistaqsu lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni biex jagħtuhom għajnuna persunali ħalli jiżviluppaw l-​arti tat-​tagħlim. Wieħed żagħżugħ Ġermaniż jismu Matthias jgħid: “Meta beda jkolli konversazzjonijiet man-​nies​—mhux biss meta offrejtilhom il-​letteratura Biblika​—bdejt nieħu gost nippriedka.”

Fl-aħħarnett, tistaʼ titlob lil Alla biex jgħinek titkellem bil-​kuraġġ. (Atti 4:29) F’dan ir-​rigward, l-​appostlu Pawlu esperjenzaha personalment l-​għajnuna t’Alla. Fl-​1 Tessalonikin 2:​2, hu jgħid: “Imma għamilna l-​qalb f’Alla tagħna, u fost ħafna taħbit xandarnielkom l-​Evanġelju taʼ Alla.” Skond xogħol wieħed taʼ referenza, din l-​istqarrija tistaʼ tfisser, “Alla neħħa l-​biżaʼ minn qalbna.” Għalhekk, għala ma titlobx u tistaqsi lil Alla biex ineħħilek il-​biżaʼ minn qalbek?

Agħraf Lilek Innifsek

Fi qbil maʼ din it-​talba, int tistaʼ tagħmel pass kuraġġuż. Waħda żagħżugħa Ingliża jisimha Chic tagħti dan il-​parir: “Għid lil sħabek taʼ l-​iskola li int Kristjan.” Int ma tridx tkun ‘dixxiplu bil-​moħbi.’ Żagħżugħa jisimha Rebecca tammetti li qabel kienet titwerwer jekk fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar kienet tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li taf. Imma hi tgħid li sabitha tajba meta “tgħidilhom li int Kristjan u li tmur minn dar għal dar, għax xi drabi jistgħu jistaqsuk, ‘Se tiġi xi darba tħabbat il-​bieb tiegħi?’”

Imma għala għandek tistenna li jiġri dan? Fittex opportunitajiet biex taqsam il-​fidi tiegħek fl-​iskola. Ftakar fil-​mistoqsijiet li staqsa l-​appostlu Pawlu: “Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?” (Rumani 10:14) Int qiegħed fl-​aħjar pożizzjoni biex tgħin lil sħabek tal-​klassi jisimgħu. Żagħżugħa jisimha Iraida tinnota: “L-​iskola hija territorju fejn aħna l-​istudenti biss nistgħu nilħqu.” Għalhekk, ħafna żgħażagħ jieħdu l-​vantaġġ minn din is-​sitwazzjoni billi jippridkaw informalment.

Iżda, xi kultant ikollok inkarigi tal-​klassi li jagħtuk l-​opportunità biex taqsam il-​veritajiet tal-​Bibbja. Tifla Ingliża jisimha Jaimie tgħid: “Waqt il-​lezzjoni tax-​xjenza konna qed niddiskutu dwar l-​evoluzzjoni, u jien tkellimt dwar it-​twemmin tiegħi. Wieħed mis-​subien waqqagħni għaċ-​ċajt u qalli li x-​Xhieda taʼ Jehovah huma inferjuri u li ma jistħoqqilhomx li jkunu parti mis-​sistema taʼ l-​iskola. Iżda, malli spiċċa jgħid dan, it-​tfal l-​oħra tal-​klassi qabżu għalija.” Milli jidher, ir-​reputazzjoni tagħha taʼ Kristjana eżemplari ħalliet riżultati tajbin. Jaimie żżid: “Bħala riżultat, kelli l-​opportunità li nħalli kopja tal-​ktieb Is There a Creator Who Cares About You? maʼ waħda minn sħabi tal-​klassi.”b

Tfajla oħra taʼ 14-il sena mir-​Rumanija li jisimha Roxana tirrakkonta dwar esperjenza simili: “L-​għalliema tiegħi qaltilna li fil-​klassi kien se jkollna diskussjoni dwar l-​alkoħol, it-​tabakk, u d-​drogi. Għalhekk, ħadt miegħi l-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 t’April, 2000, li titkellem dwar is-​suġġett ‘Kif Int Tistaʼ Tieqaf Tpejjep.’ Waħda minn sħabha tal-​klassi rat ir-​rivista, ħaditha, u ma riditx tagħtihieli lura. Wara li qratha, qalet li kienet determinata li tieqaf tpejjep.”

Mhux dejjem se tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li juri interess daqshekk malajr. Imma Koħèlet 11:6 jħeġġiġna: “Iżraʼ fil-​għodu ż-​żerriegħa tiegħek, u tagħtix mistrieħ lil idek fil-​għaxija, għax ma tafx liema tinbet.” Anki jekk ma jintweriex interess, li taqsam it-​twemmin tiegħek maʼ ħaddieħor fl-​iskola jistaʼ jpoġġilek pedament għal diskussjoni pjaċevoli meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd minn sħabek taʼ l-​iskola waqt li tkun fil-​ministeru minn dar għal dar. Żagħżugħa Ingliża jisimha Jessica tgħid: “Wara kollox, li tagħti xiehda lil dawk li taf mill-​iskola, m’hijiex daqshekk diffiċli minħabba li tkun diġà tafhom.” Tistaʼ tibqaʼ mistagħġeb meta tara x’kurżità għandhom sħabek dwar it-​twemmin tiegħek.

Veru, mhux kulħadd se jilqgħek b’mod tajjeb. Imma Ġesù ta dan il-​parir prattiku: “Jekk imbagħad xi ħadd ma jilqagħkomx u ma jismax minn kliemkom, oħorġu ’l barra minn dik id-​dar . . . u farfru t-​trab taʼ saqajkom.” (Mattew 10:14) Fi kliem ieħor, m’għandekx għalfejn tiħodha bħala ħaġa persunali jekk ma jilqgħukx tajjeb. Sempliċement, itlaq bil-​kwiet u fittex lil xi ħadd li jkun iktar lest li jisimgħek. Xi darba jew oħra se ssib lil dawk li huma sinċieri u ħerqanin biex ikunu jafu dwar il-​verità u li jkunu lesti biex jisimgħuk. Ma tħossokx sodisfatt jekk xi ħadd minn dawn ikun sieħbek taʼ l-​iskola? Jekk jiġri dan, se tkun ferħan li għelibt il-​biżaʼ li kellek li taqsam il-​fidi tiegħek maʼ sħabek tal-​klassi.

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . X’Jiġri jekk Niltaqaʼ maʼ Xi Ħadd li Naf mill-​Iskola?,” li jidher fil-​ħarġa tagħna tat-​8 taʼ Marzu, 2002.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Kumment f’paġna 20]

“Meta tibda tagħmel l-​istudju persunali tiegħek tal-​Bibbja, tibda tagħmel il-​verità tiegħek.”​— Sean.

[Stampa f’paġna 18]

Tibżax tgħid li int Kristjan

[Stampa f’paġna 18]

Inkarigi tal-​klassi taʼ spiss jagħtuk l-​opportunità biex taqsam il-​veritajiet tal-​Bibbja maʼ oħrajn

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja