L-Ommijiet Għandhom Ħafna X’Jagħmlu
4:50 a.m. Iċ-ċkejken Alex imur maġenb is-sodda fejn kienet rieqda ommu, Helen, jibki u nofsu rieqed. Żewġt itfal oħra—Penny (5 snin) u Joanna (12-il sena)—u r-raġel, Nick, huma reqdin. Helen ittellaʼ lil Alex fis-sodda ħdejha u tibda treddgħu. Ma tkunx tistaʼ terġaʼ torqod.
5:45 a.m. Helen tmur inkiss inkiss fil-kċina, tagħmel il-kafè, u toqgħod taqra.
6:15–7:20 a.m. Iqum Nick. Helen tqajjem lil Penny u lil Joanna, tħejji l-kolazzjon, u tagħmel xi faċendi tad-dar. Fis-7:15, Nick iwassal lil Joanna l-iskola u jibqaʼ sejjer għax-xogħol. Tasal omm Helen biex tiħdilha ħsieb Alex.
7:30 a.m. Helen twassal lil Penny l-iskola. Hi u sejra x-xogħol, toqgħod taħseb dwar xi jfisser verament l-irwol taʼ l-omm. “Qatt ma kelli xogħol daqshekk iebes,” tgħid hi.
8:10 a.m. X’ħin tasal, Helen issib skrivanija se ssiefer bix-xogħol. L-inkwiet tagħha hu li jekk terġaʼ toħroġ tqila tistaʼ titlef l-impjieg. Il-paga tagħha hija bżonnjuża għall-familja.
10:43 a.m. Helen tagħmel telefonata dwar it-tfal. X’ħin tpoġġi t-telefon f’postu, Nancy, seħbitha tax-xogħol, tikkonslaha billi tgħidilha: “Veru qed tagħmel l-aħjar li tistaʼ għalihom.” Helen jaqbżilha d-dmugħ minn għajnejha.
12:05 p.m. Helen tiekol panina malajr u tirrifletti fuq iż-żmien qabel ma twieldet l-ewwel tifla tagħha. Dakinhar hi kellha ħafna proġetti mfasslin għal waqt il-ħin “liberu” tagħha. ‘X’jiswa li qgħadt nippjana!’ hi tikkonkludi.
3:10 p.m. Wara diversi telefonati mid-dar dwar il-mutetti li jagħmel Alex, Helen issemmi r-relazzjoni mill-qrib u speċjali li tgawdi maż-żgħar tagħha: “Qatt ma ħassejt din it-tip taʼ mħabba.” Dawn is-sentimenti profondi għenuha tegħleb id-diffikultajiet mhux mistennija li nqalgħu fil-bidu.
5:10 p.m. Wara li tmur għal Joanna l-iskola, Helen tagħmel xi qadjiet. Iċċempel lil Nick biex tfakkru li kien imissu hu jgħaddi għal Penny.
6:00–7:30 p.m. Lura d-dar, Helen tieħu ħsieb Alex wara ġurnata man-nanna, tagħmel il-faċendi tad-dar, u tħejji l-ikel. Meta tiġi mistoqsija dwar il-bżonnijiet urġenti taʼ tarbija, Helen tieħu nifs ’il ġewwa u tgħid: “Tarbija tokrob għal ommha kollha kemm hi: tixxennaq għal dirgħajha, għal ġisimha, u għall-ħalib, u tiħdilha l-ħin mill-irqad.”
8:30–10:00 p.m. Helen tgħin lil Joanna fil-ħowmwerk u treddaʼ lil Alex. Waqt li Nick joqgħod jaqra maʼ Penny għal nofs siegħa, Helen tagħmel iktar faċendi tad-dar.
11:15 p.m. Penny u Joanna diġà marru jorqdu imma Alex għadu mqajjem f’dirgħajn ommu. Fl-aħħar jorqod. “Nistaʼ npoġġih fis-sodda tiegħu issa,” Helen tgħid lil Nick, li diġà nofsu rieqed.