Sibt xi Ħaġa Aħjar mid-Deheb
KIF IRRAKKONTAT MINN CHARLES MYLTON
Jum wieħed missieri qal: “Nibagħtu lil Charlie l-Amerka fejn il-flus jikbru fuq is-siġar qishom frott. Jistaʼ jfaddal xi ftit u jibgħathomlna!”
IN-NIES, fil-fatt, kienu jaħsbu li t-toroq fl-Amerka kienu miksijin bid-deheb. F’dak iż-żmien, il-ħajja għalihom kienet estremament diffiċli fl-Ewropa tal-Lvant. Il-ġenituri tiegħi kellhom razzett żgħir u kienu jrabbu ftit baqar u xi tiġieġ. Fid-dar, la dawl ma kellna u lanqas ilma. Imma, f’dak iż-żmien, ħadd minn dawk taʼ ħdejna ma kellu.
Jien twelidt f’Hoszowczyk fl-1 taʼ Jannar, 1893, kważi 106 snin ilu. Ir-raħal tagħna kien fil-Galicia, provinċja li dak iż-żmien kienet parti mill-imperu Awstro-Ungeriż. Illum Hoszowczyk jinstab fil-Lvant tal-Polonja mhux ’il bogħod mis-Slovakkja u l-Ukraina. Ix-xtiewi hemmhekk kienu kefrin u s-silġ għoli ferm. Meta kelli madwar sebaʼ snin, kont nimxi nofs kilometru sa ħdejn il-fergħa ċkejkna tax-xmara u b’mannara nħaffer toqba fis-silġ biex inġib l-ilma. Kont nieħdu d-dar u ommi kienet tużah għat-tisjir u għat-tindif. Ommi kienet taħsel il-ħwejjeġ fil-fergħa ċkejkna tax-xmara, billi togħrokhom fuq il-biċċiet il-kbar tas-silġ.
F’Hoszowczyk ma kienx hemm skejjel, imma jien xorta tgħallimt nitkellem bil-Pollakk, bir-Russu, bis-Slovakk, u bl-Ukranjan. Aħna trabbejna bħala Ortodossi Griegi, u jien qdejt bħala abbati. Imma saħansitra taʼ età żgħira, il-qassisin kienu jiskurmentawni għax kienu jgħidulna li ma nistgħux nieklu laħam nhar taʼ Ġimgħa, imma fl-istess ħin, huma kienu jikluh.
Xi wħud mill-ħbieb tagħna kienu rritornaw minn impjiegi fl-Istati Uniti bi flus biex jirranġaw djarhom u biex jixtru apparat agrikolu. Dan hu dak li qanqal lil missieri biex jitkellem dwar li jibgħatni l-Amerka maʼ xi ġirien li kienu qed jippjanaw li jerġgħu jmorru hemmhekk. Dak kien fl-1907 meta kelli 14-il sena.
Mitluf fl-Amerka
Malajr sibt ruħi fuq vapur, u f’ġimagħtejn konna qsamna l-Atlantiku. Dak iż-żmien, ried ikollok 20 dollaru [Lm8], għax inkella kienu jibagħtuk lura lejn pajjiżek. Jien kelli biċċa tal-fidda t’20 dollaru, u b’hekk sirt wieħed mill-miljuni li għaddew mill-Gżira taʼ Ellis, fi New York, li kienet il-bieb għall-Amerka. M’għandniex xi ngħidu, il-flus ma kinux jikbru fuq is-siġar, u t-toroq ma kinux miksijin bid-deheb. Fil-fatt, ħafna minnhom lanqas biss kienu miksijin!
Qbadna ferrovija għal Johnstown, f’Pennsylvania. L-irġiel li kienu miegħi kienu diġà marru hemm xi darba u kienu jafu b’boardinghouse fejn stajt noqgħod. L-idea kienet li nsib lil oħti, li kienet akbar minni u li kienet tgħix f’Jerome, f’Pennsylvania. Wara sirt naf li dan il-post kien biss xi 25 kilometru ’l bogħod. Imma jien kont ngħid Yarome, minflok Jerome, minħabba li l-“J” tiġi ppronunzjata bħal “Y” f’ilsien pajjiżi. Ħadd ma kien semaʼ b’Yarome, u allura trid tarani issa, f’art barranija, bilkemm naf nitkellem bl-Ingliż, u bi ftit li xejn flus fil-but.
Fil-għodu kont inqattagħha nfittex x’impjieg. Fl-uffiċċju taʼ l-impjiegi, minn numru mdaqqas t’uħud li kien ikun hemm barra fil-kju, xi wieħed jew tnejn biss kienu jsibu x-xogħol. B’hekk, kuljum kont nirritorna lejn il-boardinghouse biex nistudja l-Ingliż bil-għajnuna taʼ xi kotba li jgħinuk tistudja waħdek. Xi drabi kont insib xi xogħol temporanju, imma x-xhur bdew għaddejjin, u l-flus kienu kważi spiċċawli.
Magħqud maʼ Wħud minn Ħuti
Jum wieħed għaddejt minn ħdejn lukanda li kellha ħanut tax-xorb qrib l-istazzjon tal-ferrovija. L-ikel kien verament jinxtamm tajjeb! Is-sandwiches, iz-zalzett, u l-ikel l-ieħor minn dal-ħanut kienu b’xejn jekk dak li jkun jixtri l-birra, li kienet tiswa 5 ċenteżmi [Lm0.02] għal kull tazza kbira. Għalkemm kont taħt l-età, tal-ħanut tħassarni u begħli l-birra.
Waqt li kont qed niekol, ġew xi rġiel u qalu: “Għaġġel, fittex ixrob dik il-birra, għax il-ferrovija għall-Jerome daqt tasal!”
“Tridu tgħidu Yarome, hux hekk?” staqsejt jien.
“Le, Jerome,” qalu l-irġiel. Dak in-nhar sirt naf fejn kienet tgħix oħti. Fil-fatt, hemm fil-ħanut tax-xorb, iltqajt maʼ raġel li kien joqgħod biss tliet bibien ’il bogħod minn oħti! Għalhekk, xtrajt biljett tal-ferrovija u fl-aħħar irnexxieli nsib lil oħti.
Oħti u żewġha kellhom boardinghouse għal dawk li kienu jaħdmu fil-minjieri, u jien għext magħhom. Sabuli impjieg li kien li noqgħod għassa maʼ pompa li kienet titfaʼ l-ilma ’l barra mill-minjiera. Xogħli kien li meta tieqaf, ngħajjat lill-mekkanik. Kont nitħallas 15-il ċenteżmu [Lm0.06] kuljum. Imbagħad ħdimt fuq il-linji tal-ferrovija, ġo fabbrika tal-briks, u saħansitra bħala aġent taʼ l-assigurazzjoni. Wara mort Pittsburgh fejn kien jgħix ħija Steve. Hemmhekk, konna naħdmu ġol-fabbriki taʼ l-azzar. Qatt ma rnexxieli nagħmel flus biżżejjed biex nibgħat xi ħaġa d-dar.
Familja u Funeral
Jum wieħed, waqt li kont sejjer bil-pass għax-xogħol, innotajt seftura xbejba quddiem id-dar fejn kienet taħdem. Għedt bejni u bejn ruħi, ‘Il-aħwa, kemm hi ħelwa.’ Tliet ġimgħat wara, fl-1917, Helen u jien iżżewwiġna. Matul l-għaxar snin taʼ wara, kellna sitt itfal, li wieħed minnhom miet meta kien għadu żgħir ħafna.
Fl-1918, il-Pittsburgh Railways bdew iħaddmuni bħala tramvier magħhom. Qrib il-garaxx tat-tramm kien hemm kafetterija fejn dak li jkun setaʼ jieħu kikkra kafè. Ġewwa, iż-żewġt irġiel Griegi li kellhom il-ħanut qisu li ma tantx kien jimpurtahom jekk ordnajtx xi ħaġa jew le, sakemm kienu jistgħu jippridkawlek mill-Bibbja. Kont ngħidilhom: “Tridu tgħiduli li d-dinja kollha hija żbaljata u intom biss għandkom raġun?”
“Iva fittixha fil-Bibbja!” kienu jgħiduli. Imma dak iż-żmien, ma kienx irnexxielhom jikkonvinċuni.
B’sogħba, fl-1928, l-għażiża Helen mardet. Biex it-tfal jiġu mħarsin aħjar, ħadthom jgħixu m’oħti u żewġha f’Jerome. Sa dak iż-żmien, kienu xtraw razzett. Kont immur nara lil uliedi taʼ spiss u pprovdejt flus kull xahar biex inħallas għall-ikel tagħhom. Kont nibgħatilhom xi ħwejjeġ ukoll. B’sogħba kbira, il-kundizzjonijiet taʼ Helen marru għall-agħar, u bħala riżultat mietet fis-27 t’Awissu, 1930.
Ħassejtni waħdi u mkisser. Meta mort għand il-qassis biex nagħmel l-arranġamenti tal-funeral, qalli: “M’għadekx iżjed tappartjeni lil din il-knisja. Ma ħallastx dak li kellek tħallas għal iktar minn sena.”
Spjegajtlu li marti għamlet żmien twil marida u li jien kont tajt dak kollu li kelli żejjed lil uliedi ħalli b’hekk huma setgħu jagħtu kontribuzzjonijiet lill-knisja taʼ Jerome. Xorta waħda, qabel ma l-qassis ikkunsenta li jieħu ħsieb il-funeral, kelli nissellef 50 dollaru [Lm20] biex nagħti dak li kont obbligat inħallas b’lura. Il-qassis ried ukoll 15-il dollaru [Lm6] ieħor biex jagħmel Quddiesa għand oħt il-mara fejn xi ħbieb u l-familja kienu ppjanaw li jinġabru biex juru r-rispett tagħhom lejn Helen. Ma stajtx niddobbahom il-15-il dollaru, imma l-qassis qabel li jagħmel il-Quddiesa bil-kundizzjoni li nagħtih il-flus meta toħroġli l-paga.
Meta rċevejt il-paga kelli bżonn nuża l-flus biex nixtri xi żraben u ħwejjeġ lit-tfal għall-iskola. Mela, xi ħmistax wara, il-qassis telaʼ fuq it-tramm tiegħi. “Għadek tafni 15-il dollaru,” qalli. Imbagħad, meta wasal biex jinżel, heddidni billi qal, “Sa mmur għand l-imgħallem tiegħek u ngħidlu biex jagħtini mill-paga tiegħek dak li għandek tagħtini.”
Hekk kif spiċċajt mix-xogħol, mort għand is-supervisor tiegħi u għedtlu x’ġara. Avolja kien Kattoliku, qalli, “Ħallih f’idejja, jekk il-qassis jiġi hawn, imbagħad ngħidlu x’għandu jieħu!” Dan kollu ġagħalni naħseb, ‘Il-qassisin ma jridu xejn ħlief flusna, imma qatt ma tarahom jgħallmuna xi ħaġa dwar il-Bibbja.’
Nitgħallem il-Verità
Meta erġajt kont fil-kafetterija taż-żewġ Griegi, iddiskutejna l-esperjenza li kelli mal-qassis. Bħala riżultat, bdejt nistudja maʼ l-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu jissejħu x-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien. Kont nibqaʼ mqajjem il-lejl kollu naqra l-Bibbja u letteratura tal-Bibbja. Tgħallimt li Helen ma kinitx qed issofri fil-purgatorju, bħalma kien qal il-qassis, imma kienet rieqda fil-mewt. (Ġob 14:13, 14; Ġwann 11:11-14) Tabilħaqq, kont sibt xi ħaġa bil-wisq aħjar mid-deheb—kienet il-verità!
Xi ftit tal-ġimgħat wara, fl-ewwel laqgħa tiegħi maʼ l-Istudenti tal-Bibbja fil-Garden Theatre ġo Pittsburgh, għollejt idi u għedt, “Tgħallimt iktar dwar il-Bibbja l-lejla milli fis-snin kollha li qattajt fil-knisja.” Iktar tard, meta staqsew min xtaq li l-għada jieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar, erġajt għollejt idi.
Imbagħad, nhar l-4 t’Ottubru, 1931, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah bil-magħmudija taʼ l-ilma. Sadanittant stajt nikri dar u nġib lura lil uliedi biex jgħixu miegħi, billi qabbadt waħda biex tiħodli ħsiebhom. Minkejja r-responsabbiltajiet tiegħi tal-familja, minn Jannar 1932 sa Ġunju 1933, qdejt f’forma taʼ servizz speċjali li jissejjaħ awżiljarju, fejn qattajt minn 50 sa 60 siegħa kull xahar nitkellem m’oħrajn dwar il-Bibbja.
Qisu għal din il-ħabta, bdejt ninnota ċertu mara ħelwa u żagħżugħa. Dejjem qisha kienet tirkeb it-tramm tiegħi fi triqitha lejn ix-xogħol u lura. Konna nagħtu daqqa t’għajn lil xulxin minn ġol-mera li kelli biex nara wara. Dak kien kif iltqajna jien u Mary. Tgħarrasna u żżewwiġna f’Awissu 1936.
Sa l-1949, iż-żmien twil tiegħi fuq ix-xogħol tani ċ-ċans li nagħżel xift li kien iħallini nagħmel ix-xogħol taʼ pijunier, kif inhu msejjaħ il-ministeru full-time. Binti ż-żgħira, Jean, kienet bdiet bħala pijuniera fl-1945, u aħna konna nieħdu sehem f’dan ix-xogħol flimkien. Iktar tard, Jean iltaqgħet maʼ Sam Friend, li kien qed jaqdi f’Betel, il-kwartieri ġenerali dinjin tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, New York.a Huma żżewġu fl-1952. Komplejt fix-xogħol taʼ pijunier f’Pittsburgh u kkonduċejt ħafna studji tal-Bibbja, darba minnhom maʼ 14-il familja differenti kull ġimgħa. Fl-1958, irtirajt mix-xogħol li kelli taʼ tramvier. Wara dan, ix-xogħol taʼ pijunier kien sar faċli, ladarba issa ma kellix għalfejn inqattaʼ tmien sigħat kuljum f’xogħol sekulari.
Fl-1983, Mary mardet. Ipprovajt nieħu ħsiebha bħalma hi ħadet ħsiebi b’mod tant tajjeb għal kważi 50 sena. Eventwalment, ħallietna fl-14 taʼ Settembru, 1986.
Insib il-Post fejn Twelidt
Fl-1989, Jean u Sam ħaduni magħhom għal konvenzjonijiet ġewwa l-Polonja. Żorna wkoll l-akkwata fejn trabbejt. Meta r-Russi ħadu taħt idejhom dik il-parti tad-dinja, huma biddlu l-ismijiet taʼ l-irħula u ddeportaw lin-nies lejn artijiet oħrajn. Wieħed minn ħuti ġie ddeportat lejn l-Istanbul u oħti lejn ir-Russja. B’hekk, l-isem tar-raħal tiegħi ma kienx familjari maʼ dawk li staqsejna.
Imbagħad xi muntanji li kienu ’l bogħod dehru familjari għalija. Hekk kif qrobna lejhom, bdejt nagħraf affarijiet oħrajn—għolja, salib it-toroq, knisja, pont fuq xmara. F’daqqa waħda, b’sorpriża għalina, rajna tabella li kellha miktub fuqha “Hoszowczyk”! Xi ftit żmien qabel, il-Komunisti tilfu l-influwenza tagħhom, u l-ismijiet oriġinali taʼ l-irħula ġew irrestawrati.
Id-dar tagħna lanqas biss kienet għadha teżisti, imma hemm kien il-forn li xi darba kien jintuża għat-tisjir fuq barra, nofsu midfun fl-art. Imbagħad ippontajt sebgħi lejn siġra kbira u għedt: “Qed tarawha dik is-siġra. Dik jien ħawwiltha qabel ma tlaqt lejn l-Amerka. Ara kemm kibret!” Wara dan, żorna xi ċimiterji, biex infittxu xi ismijiet taʼ xi membri tal-familja, imma ma sibna xejn.
Inpoġġu l-Verità l-Ewwel
Meta r-raġel taʼ Jean miet fl-1993, hi staqsietni jekk ridthiex titlaq minn Betel biex tieħu ħsiebi. Jien għedtilha li din kienet tkun l-agħar ħaġa li setgħet tagħmel, u llum hekk għadha l-opinjoni tiegħi. Għext waħdi sakemm kelli 102, imma mbagħad sar neċessarju li jiħduni ġo dar taʼ l-anzjani. Xorta għadni anzjan fil-Kongregazzjoni taʼ Bellevue f’Pittsburgh, u l-aħwa jiġu għalija u jiħduni għal-laqgħat fis-Sala tas-Saltna nhar taʼ Ħadd. Għalkemm l-attività tiegħi fl-ippridkar issa hija limitata għalkollox, għadni fuq il-lista taʼ pijunieri neqsin mis-saħħa.
Matul is-snin, gawdejt l-iskejjel speċjali għat-taħriġ taʼ l-indokraturi organizzati mill-Watch Tower Society. F’Diċembru li għadda, attendejt xi sezzjonijiet mill-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna għall-anzjani tal-kongregazzjonijiet. U fil-11 t’April li għadda, Jean ħaditni għall-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu, ċelebrazzjoni li ili ngħożż is-sehem tiegħi fiha kull sena mill-1931 ’l hawn.
Xi wħud minn dawk li studjajt il-Bibbja magħhom illum jaqdu bħala anzjani, oħrajn bħala missjunarji fl-Amerka taʼ Isfel, u xi wħud huma nanniet, jaqdu lil Alla m’uliedhom. Tlieta minn uliedi stess—Mary Jane, John, u Jean—kif ukoll ħafna minn uliedhom u wlied uliedhom qegħdin jaqdu fedelment lil Alla Jehovah. It-talba tiegħi hi li xi darba binti l-oħra u l-bqija t’ulied uliedi u tat-tfal tagħhom, jagħmlu l-istess.
Issa fl-età taʼ 105 snin, nibqaʼ ninkuraġġixxi lil kulħadd biex jistudja l-Bibbja u jitkellem m’oħrajn dwar dak li tgħallem. Iva, jien konvint li jekk tibqaʼ qrib taʼ Jehovah, qatt ma toħroġ iddiżappuntat. Imbagħad int ukoll tistaʼ tgawdi xi ħaġa aħjar mid-deheb li jispiċċa—il-verità li tippermettilna li jkollna relazzjoni prezzjuża mad-Donatur tal-Ħajja tagħna, Alla Jehovah.
[Nota taʼ taħt]
a L-istorja tal-ħajja taʼ Sam Friend tidher fil-ħarġa taʼ The Watchtower, taʼ l-1 t’Awissu, 1986, paġni 22-6.
[Stampa f’paġna 25]
Meta kont insuq it-tramm
[Stampa f’paġna 26]
Fid-dar taʼ l-anzjani fejn ngħix illum
[Stampa f’paġna 27]
It-tabella li sibna fl-1989