Insetti Esperti fit-Tneħħija taʼ l-Iskart
FTIT iktar minn 150 sena ilu, il-bnedmin bdew jiżviluppaw sistemi elaborati biex jeħilsu mid-dranaġġ u l-iskart. Madankollu, diġà kien hemm min kien espert fit-tneħħija taʼ l-iskart—nemla żgħira fl-Amerika tropikali.
In-nemel li jaqtaʼ l-weraq jgħix f’komunità tipika taʼ miljun nemla f’bejta kbira taħt l-art. Diversi membri min-nemel ħaddiem għandhom inkarigi differenti. Xi nemel jiġbor il-biċċiet tal-weraq, u mbagħad grupp ieħor jgħaffiġhom u jġibhom polpa. In-nemel ġardinar juża din il-polpa biex ikabbar tip taʼ fungu ġewwa l-kmamar tal-bejta li huwa tajjeb għall-ikel. Hu jneħħi wkoll kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ġġib infezzjoni, bħal fungi li jagħmlu l-ħsara, nemel mejjet jew li qed imut, u materjal li jkun qed jitħassar. Imma n-nemel kif jeħles mill-iskart tiegħu?
Ix-xjenzati Britanniċi fl-Università taʼ Sheffield sabu t-tweġiba, tirrapporta l-gazzetta The Independent. Viċin il-kmamar li jaħdem fihom in-nemel ġardinar hemm kmamar akbar fejn jiġi maħżun l-iskart. In-nemel li jieħu ħsieb l-iskart iqattaʼ ħajtu kollha hemmhekk, iqalleb l-iskart biex jgħin fid-dekompożizzjoni, fejn f’dan il-proċess jinqerdu l-batterji li jġibu l-mard. In-nemel ġardinar qatt ma jidħol fil-kmamar fejn hemm l-iskart. L-iskart jinġieb f’mina, u dawk li jieħdu ħsieb l-iskart jiġbruh. B’din is-sistema effettiva taʼ kif jittrattaw l-iskart ineħħu kull riskju taʼ kontaminazzjoni u jipproteġu s-saħħa tal-kolonja.
Alla Jehovah mhux biss ħalaq l-insetti b’għerf istintiv, imma iktar minn 3,500 sena ilu ta wkoll lill-Iżraelin linji taʼ gwida prattiċi kif iħarsu saħħithom. Meta kienu jiġu obduti dawn il-liġijiet ma kien ikun hemm l-ebda periklu taʼ xi tinġis fil-provvisti taʼ l-ikel u taʼ l-ilma. Barra minn hekk, setgħu jżommu l-mard milli jinfirex, u jagħmlu ċert li jeħilsu mid-dranaġġ mingħajr periklu. Kemm nistgħu neħilsu minn uġigħ u mwiet jekk nimxu fuq dawn il-prinċipji!—Levitiku 11:32-38; Numri 19:11, 12; Dewteronomju 23:10-15 (23:9-14, NW).