Armata Qed Timmarċja!
“Aħna noqogħdu f’raħal li qiegħed jiżviluppa ġewwa l-Beliże. Dan jinsab imdawwar b’ħafna ħdura. Għodwa waħda, x’ħin kienu madwar id-disgħa, armata invadiet id-dar tagħna. Għadd kbir taʼ nemel daħal minn taħt il-bieb u minn kull xaqq li kien hemm, ifittex il-priża. Ma stajna nagħmlu xejn ħlief li noħorġu mid-dar għal xi siegħa jew tnejn waqt li n-nemel ħa d-dar f’idejh. Meta ġejna lura, lanqas insett wieħed ma kien fadal fid-dar.”
GĦAL ĦAFNA NIES li jgħixu f’pajjiżi tropikali bħall-Beliże, din il-ħaġa tiġri spiss u mhix taʼ dwejjaq għalkollox. Hija mod kif wieħed jeħles mill-ħlejjaq li ma jkunx irid fid-dar bħalma huma l-wirdien u ħlejjaq żgħar oħra li jagħmlu l-ħsara. U b’dan il-metodu ma jinqalax ħmieġ.
Ħaġa interessanti hi li n-nemel li qed nitkellmu fuqu hawn huwa nemel li jgħix u jaġixxi bħal armata.a Minflok ma jibnu bejta, dawn l-armati nomadi, magħmulin minn eluf kbar taʼ nemel, jibnu postijiet temporanji għall-kenn billi mases taʼ nemel jinsġu saqajhom maʼ taʼ xulxin sabiex jifformaw purtiera ħajja madwar ir-reġina u l-bajd tagħha. Minn hawn, jintbagħtu gruppi taʼ nemel għall-attakk li joħorġu f’sarbut twil biex ifittxu l-ikel, li jinkludi insetti u ħlejjaq żgħar oħra, bħalma hu l-gremxul. Il-mexxejja taʼ dan il-grupp jużaw ukoll ċerti manuvri li bihom ikunu jidhru qishom qed jifformaw ġnub fit-truf taʼ l-armata biex jaqbdu l-priża. Dan il-fenomenu jiġri meta n-nemel ħaddiem li jkun miexi fuq quddiem jieqaf għax ma jkun qed ixomm xejn wara xiex jiġri. In-nemel li jkun fuq wara bla ma jrid ikompli miexi ’l quddiem, u jibda jross partijiet oħra tan-naħa taʼ quddiem taʼ l-armata. Minħabba f’hekk, dawn il-movimenti jkunu jixbhu lil xi armata li tkun qed issaħħaħ il-ġnub tagħha.
Dan in-nemel jaħdem f’ċiklu taʼ 36 jum, billi jagħmel xi 16-il jum jimmarċja u mbagħad jibqaʼ fl-istess post għal 20 jum, li matulhom ir-reġina tbid il-bajd. Imbagħad, minħabba l-ġuħ, il-massa nemel tibda timmarċja mill-ġdid. Fit-tarf tal-fillieri taʼ nemel jimmarċja, li jkunu wesgħin xi 10 metri, issib brimb, skorpjuni, ħanfus, żrinġijiet, u gremxul li jkunu qed jipprovaw jaħarbu min-nemel. L-għasafar ukoll isegwu lin-nemel biex jipprovaw jaqbdu lil dawn il-ħlejjaq filwaqt li milli jidher lin-nemel ma jagħmlulu xejn.
In-nemel, deskritt fil-Bibbja fi Proverbji 30:24, 25 bħala wieħed mill-ħlejjaq “għorrief,” huwa verament meravilja tal-ħolqien.
[Nota taʼ taħt]
a Dan l-artiklu jitkellem dwar l-army ants taʼ l-ispeċi Eciton taʼ l-Amerika Ċentrali u t’Isfel.
[Stampa f’paġna 27]
Nemlu li jgħix f’armata
[Sors]
© Frederick D. Atwood
[Stampa f’paġna 27]
Jifforma pont billi n-nemel jinseġ saqajh maʼ taʼ xulxin
[Sors]
© Tim Brown/www.infiniteworld.org