Ejja, Ismaʼ t-Taħdita Pubblika
“Ix-Xena taʼ Din id-Dinja Qiegħda Tinbidel”
DAN HUWA ŻMIEN TAʼ TAQLIB KBIR. Ġrajjiet li qed jheżżu d-dinja qed jiġru tant taʼ spiss li jaqtgħulek nifsek. Qatt tħossok li ma tistaʼ tagħmel xejn u tibqaʼ mbellah b’dan kollu—li kulma hemm madwarek qed jinbidel f’daqqa waħda?
Il-Bibbja tagħmel din l-osservazzjoni f’waqtha dwar l-għemejjel tal-bniedem: “Ix-xena taʼ din id-dinja qiegħda tinbidel.” (1 Korintin 7:31, NW) L-appostlu Pawlu, li kiteb dan il-kliem, kien qed iqabbel il-ġrajjiet tad-dinja maʼ xeni li l-ħin kollu jinbidlu fuq xi palk f’teatru. Matul l-istorja tal-bniedem, il-ħakkiema tad-dinja u dawk li jdaħħlu ideat ġodda jiġu u jmorru, il-ġdid jieħu post il-qadim, b’mod ripetut. Iżda fi żmienna—speċjalment minn dik is-sena kruċjali taʼ l-1914—il-proċess jidher li ħaffef il-pass.
Iżda, kont taf li dawn il-problemi dinjin—anki dawk l-iktar reċenti—ifissru wkoll aħbar tajba għall-umanità? Iva, dawn jagħtu prova li x-xena tad-dinja dalwaqt se tinbidel għall-aħjar. Ħafna żmien ilu l-Bibbja bassret in-niket kbir li kellu jkun hawn fi żmienna. Tispjega wkoll li dan it-taqlib kollu huwa biss introduzzjoni għall-akbar bidla li qatt se teffettwa lis-soċjetà umana kollha. Dan it-taqlib f’daqqa li riesaq, jidher kemm jidher tal-biżaʼ, huwa fil-fatt l-aħjar aħbar għan-nies twajbin kullimkien. Ix-xena taʼ din id-dinja se tinbidel f’waħda taʼ paċi u hena għall-familja umana.
Tixtieq tkun taf iktar dwar dawn il-bidliet u kif tispjegahom il-Bibbja? Aħna nistidnuk minn qalbna biex tattendi għat-taħdita pubblika intitolata “Ix-Xena taʼ Din id-Dinja Qiegħda Tinbidel,” fil-konvenzjonijiet distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah li se jibdew mill-bidu taʼ dan ix-xahar. Il-konvenzjonijiet se jsiru f’mijiet taʼ postijiet madwar id-dinja. Jekk tixtieq tkun taf fejn se ssir l-eqreb konvenzjoni għalik, jekk jogħġbok agħmel kuntatt max-Xhieda taʼ Jehovah fl-inħawi tiegħek jew ara l-ħarġa tal-15 taʼ Frar, 2002, taʼ It-Torri taʼ l-Għassa.
[Stampa f’paġna 32]
Bomba atomika teqred lil Hiroshima, fl-1945
[Sors]
USAF photo
[Stampa f’paġna 32]
Iwaqqgħu l-ħajt taʼ Berlin, fl-1989
[Sors]
AP Photo/Lionel Cironneau
[Stampa f’paġna 32]
It-terroristi jattakkaw il-World Trade Center fi New York, fl-2001