Il-Melħ Prodott Prezzjuż
“INTOM il-melħ taʼ l-art,” qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu. (Mattew 5:13) Bil-Malti għandna proverbju li jgħid: “Il-bniedem ma tafux qabel ma tkun kilt modd melħ miegħu.” Minħabba l-kwalitajiet preservattivi tiegħu, il-kelma “melħ” bdiet tintuża biex tirreferi għal stima għolja u ġieħ kemm fil-lingwi tal-qedem kif ukoll f’dawk moderni.
Il-melħ sar simbolu wkoll taʼ stabbilità u permanenza. Għalhekk, fil-Bibbja, patt li kien isir għal żmien twil kien jissejjaħ “patt tal-melħ,” u l-persuni involuti taʼ spiss kienu jieklu flimkien ikla, bil-melħ, biex jissiġillaw dan il-patt. (Numri 18:19, NW) Fil-Liġi Mosajka, il-melħ kellu jiġi miżjud mas-sagrifiċċji offruti fuq l-artal u, bla dubju, dan kien ifisser li s-sagrifiċċju ma kellu l-ebda korruzzjoni jew taħsir.
Fatti Storiċi Interessanti
Matul l-istorja, il-melħ (sodium chloride) tant kien prodott prezzjuż li anki gwerer qamu minħabba fih. Waħda mir-raġunijiet għala seħħet ir-Rivoluzzjoni Franċiża kienet it-taxxa għolja li Lwiġi XVI għamel fuq il-melħ. Il-melħ kien ukoll oġġett prezzjuż li kien jintuża flok il-flus. Il-merkanti Għarab kienu jinnegozjaw il-melħ mad-deheb, gramma għal kull gramma, u xi tribujiet taʼ l-Afrika ċentrali kienu jużaw ċangaturi taʼ melħ tal-blat bħala flus. Il-kelma Maltija “salarju” ġejja mil-Latin salarium (minn sal, melħ). Din tirreferi għall-paga li s-suldati Rumani kienu jaqilgħu fil-bidu, u li parti minnha kienet tingħata f’melħ. Il-Griegi kienu jħallsu għall-ilsiera bil-melħ, u minn hawnhekk ġiet l-espressjoni ‘ma jiswiex il-melħ li tħallas għalih.’
Matul iż-Żminijiet tan-Nofs, żviluppaw ċerti superstizzjonijiet marbutin mal-melħ. It-tixrid tal-melħ kien meqjus bħala sinjal taʼ rovina. Per eżempju, fil-pittura taʼ l-“Aħħar Ċena” taʼ Leonardo da Vinci, Ġuda l-Iskarjota huwa mpinġi b’salliera maqluba quddiemu.a Mill-banda l-oħra, sas-seklu 18, il-pożizzjoni soċjali taʼ individwu kienet tintwera skond fejn ipoġġi bil-qiegħda waqt xi ikla, jekk hux iktar viċin jew iktar ’il bogħod mill-melħ taʼ fuq il-mejda. L-iktar pożizzjoni taʼ ġieħ kienet dik qrib is-salliera, viċin ir-ras tal-mejda.
Sa minn żminijiet bikrin, il-bniedem tgħallem jieħu l-melħ minn salmuri naturali, mill-ilma baħar, u mill-melħ tal-blat. Trattat Ċiniż antik dwar il-farmakoloġija jsemmi iktar minn 40 tip taʼ melħ, u jiddeskrivi żewġ metodi taʼ kif jittieħed il-melħ li huma simili ferm għal dawk użati llum. Per eżempju, l-enerġija tax-xemx tintuża biex tissepara l-melħ mill-ilma baħar fl-akbar salini solari li hawn fid-dinja. Dawn qegħdin fuq ix-xatt taʼ Bahía Sebastián Vizcaíno f’Baja California Sur, fil-Messiku.
Xi ħaġa interessanti hi li jekk l-oċeani kollha fid-dinja jiġu mnixxfin għalkollox, ġie kalkulat li “dawn minn taʼ l-inqas iħallu 19-il miljun kilometru kubu taʼ melħ tal-blat, inkella d-daqs tal-kontinent kollu taʼ l-Ewropa ’l fuq mill-ogħla livell tal-baħar għal madwar 14-il darba u nofs,” tgħid l-Encyclopædia Britannica. U l-Baħar il-Mejjet huwa xi disaʼ darbiet iktar mielaħ mill-oċean!
L-Użu tal-Melħ Illum
Illum il-melħ għadu prodott prezzjuż, u fost affarijiet oħra jintuża biex iħawwar l-ikel, jippreserva l-laħam, u fil-produzzjoni tas-sapun u l-ħġieġ. Imma xi ħaġa taʼ interess partikulari hi l-użu tal-melħ fil-qasam tas-saħħa pubblika. Per eżempju, f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, il-melħ jintuża flimkien mal-jodju biex jikkumbatti n-nuqqas taʼ jodju mifrux mal-pajjiż kollu—karatterizzat bil-goiter (nefħa kbira tal-glandola tat-tirojde) u f’xi każi serji, anki b’nuqqas taʼ żvilupp mentali. Ukoll, f’xi pajjiżi oħrajn, il-fluworidu jiġi miżjud mal-melħ biex jiġi evitat it-taħsir tas-snien.
Filwaqt li l-melħ huwa essenzjali għal saħħa tajba, għax jirregola l-volum u l-pressjoni tad-demm, xi ngħidu dwar il-konnessjoni kontroversjali bejn il-konsum tal-melħ u l-pressjoni għolja? Bħala regola, it-tobba jgħidu lill-pazjenti li jbatu bil-pressjoni għolja biex inaqqsu l-ammont li jieħdu taʼ melħ u sodju. Bejn 30 u 50 fil-mija tal-pazjenti bi pressjoni għolja jiġu effettwati mill-ammont taʼ melħ li jieħdu. F’dan il-każ, deher ċar li inqas ma jittieħed melħ iżjed se tinżel il-pressjoni.
Il-melħ ċertament li jżid il-palat taʼ l-ikel, bħalma juri Ġob meta staqsa: “Tistaʼ xi ħaġa bla togħma tittiekel bla melħ?” (Ġob 6:6, Karm Żammit) Għandna tassew għalfejn inkunu grati lejn il-Ħallieq tagħna, “li jagħtina kollox bix-xabaʼ biex ingawdu bih,” inkluż dan il-prodott prezzjuż, il-melħ.—1 Timotju 6:17.
[Nota taʼ taħt]
a Is-salliera hija skutella jew vażett fejn jitqiegħed il-melħ.
[Stampa f’paġna 15]
Xi ftit mill-ħafna tipi taʼ melħ (minn fuq skond l-arloġġ): (1) melħ tal-baħar Alaea, Ħawajj; (2) fleur de sel, Franza; (3) melħ organiku tal-baħar fl-istat naturali; (4) sel gris (melħ griż), Franza; (5) melħ oħxon tal-baħar; (6) melħ iswed mitħun, Indja