Ballun tal-Melħ
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIZ-ZAMBJA
X’jiġi f’moħħok meta taħseb dwar il-melħ? Probabbilment melħ tal-blat, melħ tal-baħar, jew melħ tal-mejda. Imma ġieli smajt bil-melħ Cibwa, mid-distrett taʼ Mpika fil-Provinċja tat-Tramuntana taz-Zambja? Il-melħ Cibwa huwa uniku għax ġej mill-ħaxix!
Ir-raħħala li jgħixu ħdejn l-għadira Cibwa jagħmlu proċess uniku biex jiġbru l-melħ billi jużaw ħaxix twil li jikber viċin ix-Xmara Lwitikila. Huma jiġbru l-ħaxix minn Awissu sa Ottubru, qabel ma jibda l-istaġun tax-xita. Meta jibda dan l-istaġun, il-ħaxix ma jipproduċix melħ.
Wara li jinqataʼ l-ħaxix u jitnixxef, jinħaraq sabiex jitneħħew il-komponenti organiċi. Però, il-melħ ma jinħaraqx imma jibqaʼ fl-irmied. L-irmied jintefaʼ f’reċipjent, bħal kalabaxx, jew qargħa mnixxfa li sservi bħala bieqja, u l-ilma jiffiltra bil-mod mill-irmied. L-ilma jġiegħel il-melħ jinħall u jgħaddih minn toqob żgħar ħafna li jinsabu f’qiegħ il-kalabaxx. L-ilma mielaħ li jinġabar jittieħed għall-proċess li jmiss—l-evaporazzjoni.
L-ilma jevapora billi jqegħduh direttament fuq in-nar, dan il-proċess jistaʼ jdum sa sitt sigħat. Sabiex jagħmlu dan, l-ewwel jitfgħu l-ilma mielaħ f’reċipjent tal-fuħħar u jgħalluh fuq in-nar. Hekk kif l-ilma jibda jevapora jżidulu l-ilma mielaħ. Dan jipproduċi likwidu magħqud taʼ melħ imdewweb li eventwalment jimla r-reċipjent. Il-melħ issa jieħu l-forma tar-reċipjent. Meta jneħħuh minn fuq in-nar u jkissru r-reċipjent, joħroġ ballun tal-melħ.
Ir-raħħala ilhom jagħmlu l-melħ Cibwa għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Ħadd ma jaf min ħoloq dan il-proċess. Madankollu, huwa taʼ l-għaġeb li l-istess xjenza bażika li tintuża llum fil-proċess tal-melħ tinsab f’dan il-post imwarrab fl-inħawi rurali taz-Zambja—’il bogħod mill-kumplament tad-dinja.
[Stampa f’paġna 19]
Kalabaxx jiffiltra l-ilma
[Stampa f’paġna 19]
Il-prodott lest
[Stampa f’paġna 19]
Reċipjent tal-fuħħar