Il-Kura tat-Trabi fl-Istil tal-Kangarù Soluzzjoni għal Meta l-Ħajja Tkun Mhedda?
Il-post kien sptar f’Bogotá, fil-Kolumbja, fl-1979. Ir-rata taʼ trabi li jitwieldu qabel iż-żmien u jibqgħu ħajjin kienet baxxa b’mod allarmanti, u għalhekk ċertu tabib Kolombjan ħareġ b’soluzzjoni ġdida u li mhux tas-soltu—li jikkuraw lit-trabi fl-istil tal-kangarù.
Hija sfida kbira għat-tobba biex iżommu ħajjin lit-trabi li jitwieldu qabel iż-żmien. Ħafna drabi, it-trabi li jitwieldu neqsin mill-piż jitqiegħdu fis-sħana ġewwa inkubatur, u jitħallew hemmhekk sakemm jiżdiedu fil-piż. Madankollu, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw taʼ spiss ikollhom firxa allarmanti taʼ infezzjonijiet minħabba problemi bħan-nuqqas taʼ spazju, kundizzjonijiet xejn tajbin taʼ iġjene, u nuqqas taʼ staff mediku u apparat.
Ċertu tabib fil-Kolumbja ssuġġerixxa metodu li donnu jtaffi daqsxejn din il-problema. Dan x’jinvolvi? Meta tarbija titwieled qabel iż-żmien, din tingħata kura bħas-soltu sakemm il-kundizzjoni tagħha tkun iktar stabbli. Sadattant, l-omm tingħata taħriġ fuq kif tieħu ħsieb lit-tarbija tagħha. Meta t-tarbija tkun b’saħħitha biżżejjed, l-omm issir inkubatur ħaj. Kif? Billi tpoġġi lit-tarbija f’pożizzjoni vertikali u torbotha bejn sidirha, u b’hekk iżżomm lit-tarbija magħha kemm jistaʼ jkun. F’din l-ispeċi taʼ borża bħal dik tal-kangarù, it-tarbija tkun protetta, sħuna, u tkun tistaʼ tingħata l-ħalib taʼ l-omm. Huwa għalhekk li dan il-metodu taʼ spiss jissejjaħ il-kura tat-trabi fl-istil tal-kangarù.
M’huwa meħtieġ l-ebda apparat li jiswa l-flus. L-omm tilbes qmis addattata jew libsa normali b’terħa mal-qadd. Meta t-tarbija tkun kisbet piż biżżejjed, l-omm u t-tarbija jkunu jistgħu jirritornaw id-dar. Kulma jkun jonqos hu li jmorru l-isptar regolarment għal eżami mediku.
L-istudji li saru qabel jindikaw li din il-kura hija effettiva u mingħajr periklu. Iżjed minn hekk, donnha ssaħħaħ iktar ir-rabta bejn l-omm u t-tarbija tagħha. M’għandniex għalfejn niskantaw li dan il-metodu qed jiġi użat f’ħafna pajjiżi. Fil-Messiku, il-missirijiet, in-nanniet, u saħansitra l-aħwa qed jiġu mħarrġin biex jagħmluha taʼ “kangarù” biex b’hekk ikunu jistgħu jgħinu lill-omm meta, bix-xieraq, din tkun trid tistrieħ daqsxejn. It-Tabiba Guadalupe Santos, li tieħu ħsieb programm taʼ kura taʼ dan it-tip fil-Messiku, qalet lil Stenbaħ!: “Ilna nużaw dan il-metodu mill-1992 u rajna kemm huwa effettiv. Jinħtieġu inqas inkubaturi u ferm inqas ħin l-isptar.”