Il-Pulizija X’Inhu l-Futur Tagħhom?
X’AKTARX li mingħajr pulizija jkollna anarkija. Imma anki bil-pulizija, hija d-dinja tagħna ħielsa minn kull periklu? F’ħafna bliet illum, bħal f’ħafna postijiet rurali, jeżisti sens taʼ kriżi rigward is-sigurtà. Nistgħu nistennew li l-pulizija jsalvawna mill-kriminalità organizzata u minn kriminali reċidivi? Nistgħu nistennew li l-pulizija jeliminaw kull periklu mit-toroq tagħna? Se jirbħuha l-ġlieda kontra l-kriminalità?
David Bayley juri x’jaħseb fil-ktieb tiegħu Police for the Future. Hu jgħid li l-pulizija ma jistgħux iwaqqfu l-kriminalità. Hu jżid li l-pulizija fil-fatt huma rimedju taʼ malajr għall-kanċer, u li aħna ma nistgħux nistrieħu fuqhom, anki jekk ikunu dedikati fix-xogħol tagħhom li jeħilsu s-soċjetà mill-kriminalità. L-istudji wrew li t-tliet attivitajiet prinċipali li għandhom il-pulizija—jagħmlu r-rondi fit-toroq, iwieġbu għas-sejħiet taʼ emerġenza, u jinvestigaw atti kriminali—ma jwaqqfux il-kriminalità. Għala?
Li tipprova twaqqaf il-kriminalità billi jkollok iżjed pulizija preżenti jinvolvi spejjeż kbar wisq. Il-kriminali donnhom ma tantx jinnotaw jew jagħtu kas taż-żjidiet fir-rondi, jekk dawn ikunu jistgħu jiġu affordjati. Lanqas l-azzjoni fil-pront tal-pulizija ma tant tnaffarhom. Il-pulizija rrapportaw li sakemm ma jaslux fuq il-post f’inqas minn minuta, ikun diffiċli li jaqbdu l-ħati. Il-kriminali qishom jafu li ħeffa bħal din hija rari. Lanqas l-investigazzjoni ma tgħin. Anki meta l-pulizija jirnexxilhom jaqbdu l-kriminali u jitfgħuhom il-ħabs, milli jidher dan ma jwaqqafx il-kriminalità. L-Istati Uniti hija l-iktar pajjiż li jitfaʼ nies il-ħabs, iżda xorta waħda għandha rata għolja ferm taʼ kriminalità. Mill-banda l-oħra, il-Ġappun għandu inqas nies il-ħabs, u għandu waħda mill-iktar rati baxxi. Saħansitra skemi bħan-neighborhood watch ma tantx urew li kellhom effett fit-tul, speċjalment f’żoni fejn isiru ħafna atti kriminali. Meta jittieħdu miżuri ħorox kontra reati speċifiċi, bħat-traffikar tad-drogi u s-serq, dawn iħallu effett qawwi għal ftit żmien, imma mbagħad, għal darb’oħra, l-effett ma jdumx wisq.
“In-nies li joqogħdu jaħsbu ftit m’għandhomx għalfejn jiħduha bi kbira li l-pulizija ma jistgħux iwaqqfu l-kriminalità,” jgħid il-ktieb Police for the Future. “Fil-biċċa l-kbira, kulħadd jifhem li l-kundizzjonijiet soċjali li m’humiex fil-kontroll tal-pulizija, u lanqas fil-kontroll tas-sistema tal-ġustizzja kriminali kollha kemm hi, jiddeterminaw il-livell tal-kriminalità fil-komunitajiet.”
X’Jiġri jekk Ma Jkunx Hawn Pulizija?
Kif taġixxi jekk ma jkun hemm l-ebda pulizija jarak? Tieħu int vantaġġ mill-fatt li m’humiex preżenti biex tikser il-liġi? Huwa sorprendenti kemm hawn nies rispettabbli mill-hekk imsejħin klassi għolja u medja li lesti li jirriskjaw ir-reputazzjoni u l-futur tagħhom għall-benefiċċji inċerti li toffri l-kriminalità fil-qasam amministrattiv. The New York Times dan l-aħħar irrapportat dwar ‘112-il ruħ li ġew mixlijin bi frodi, li ntqal li kienu mdaħħlin fi skema biex iqarrqu bil-kumpaniji taʼ l-assigurazzjoni tal-karozzi. Fost dawk akkużati kien hemm avukati, tobba, kiropratiki, fiżjoterapista, agupunturista, u assistenta fl-amministrazzjoni taʼ Dipartiment tal-Pulizija.’
Dan l-aħħar, każ ieħor taʼ frodi fuq skala tassew kbira xxokkja l-patruni sinjuri tad-dinja artistika. Dan kien meta l-amministraturi ewlenin li kellhom qabel Sotheby’s taʼ New York u Christie’s taʼ Londra (kumpaniji taʼ l-irkant) instabu ħatja li bagħbsu l-prezzijiet. Dawn l-amministraturi u l-kumpaniji tagħhom ġew imġagħlin iħallsu maʼ Lm324 miljun f’multi u rikompensi! Għalhekk, il-kilba għall-flus tolqot lil kull klassi tas-soċjetà.
Dak li ġara fl-1997 f’Recife, il-Brażil, meta l-pulizija ħarġu fuq strajk, juri li ħafna nies malajr iduru għall-kriminalità meta ma jkun hemm xejn xi jżommhom. Kwalunkwe konvinzjonijiet reliġjużi li jistaʼ jkollhom ma jħallu l-ebda effett fuq il-kondotta tagħhom. Huma jistgħu faċilment isiru dgħajfa jew jabbandunaw l-etika u l-prinċipji. Mela, mhux taʼ b’xejn li l-pulizija f’ħafna pajjiżi qed jiġġieldu battalja li ma jistgħux jirbħuha f’dinja inklinata għall-ksur tal-liġi, sew f’affarijiet żgħar kif ukoll f’affarijiet kbar.
Mill-banda l-oħra, xi nies jobdu l-liġijiet għaliex għandhom rispett lejn l-awtorità. L-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani f’Ruma li huma għandhom ikunu sottomessi lejn l-awtoritajiet li Alla jippermetti li jeżistu, ladarba dawn għallinqas iżommu daqsxejn taʼ ordni fis-soċjetà. Dwar dawn l-awtoritajiet hu kiteb: “Hu l-ministru taʼ Alla biex jikkastiga u jitħallas minn min jagħmel il-ħażen. Għalhekk jeħtieġ li toqogħdu għall-awtoritajiet, mhux biss minħabba l-korla, imma wkoll minħabba l-kuxjenza.”—Rumani 13:4, 5.
Tibdil fil-Kundizzjonijiet Soċjali
Ix-xogħol tal-pulizija ċertament li jgħin biex jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjali. Meta fit-toroq ma jkunx hemm iktar drogi u vjolenza, in-nies iħabirku iżjed biex jgħixu fi qbil mar-reputazzjoni mtejba tal-komunità. Imma fil-verità, ir-riforma tas-soċjetà m’hijiex fil-kapaċità tal-pulizija.
Tistaʼ timmaġina soċjetà fejn in-nies tant ikollhom rispett għal-liġi li ma jkollhomx bżonn pulizija? Tistaʼ ġġib quddiem għajnejk dinja fejn in-nies tant għandhom interess f’xulxin li l-ġirien huma dejjem lesti li jgħinu u ħadd ma jkollu għalfejn iċempel lill-pulizija għall-għajnuna? Forsi dan jidher biss ħolma. Imma l-kliem taʼ Ġesù, għalkemm intqal f’kuntest ieħor, żgur japplika. Hu qal: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun: għal Alla kollox jistaʼ jkun.”—Mattew 19:26.
Il-Bibbja tiddeskrivi żmien fil-futur meta l-umanità kollha se tkun suġġetta għal gvern imwaqqaf minn Alla Jehovah. “Alla tas-sema jqajjem saltna . . . Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha.” (Danjel 2:44) Billi jgħallem lin-nies sinċieri kollha fit-triqat mimlija mħabba t’Alla, dan il-gvern ġdid se jbiddel il-kundizzjonijiet soċjali li jġibu l-kriminalità. “L-art [tkun mimlija] bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.” (Isaija 11:9) Is-Sultan taʼ Jehovah, Ġesù Kristu, se jkun kapaċi jwaqqaf kull att kriminali. “Ma jiġġudikax skond ma jidher fl-għajnejn, u ma jagħtix sentenza skond ma jismaʼ, iżda jiġġudika l-imsejknin skond il-ġustizzja, u jagħti sentenza skond is-sewwa lill-fqajrin taʼ l-art.”—Isaija 11:3, 4.
La se jkun hemm kriminali u lanqas kriminalità. Il-pulizija mhux se jkunu meħtieġa iżjed. Kulħadd se jkun jistaʼ joqgħod “taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom.” (Mikea 4:4) Jekk tixtieq tkun parti mid-dinja ġdida deskritta fil-Bibbja, issa huwa ż-żmien li tinvestiga dak li wiegħed Alla fil-Kelma tiegħu.—2 Pietru 3:13.
[Kumment f’paġna 12]
Tistaʼ timmaġina soċjetà fejn in-nies tant ikollhom rispett għal-liġi li ma jkollhomx bżonn pulizija?
[Kumment f’paġna 12]
La se jkun hemm kriminali u lanqas kriminalità
[Kaxxa f’paġna 11]
Il-Pulizija Kontra t-Terroristi
Bħalma wrew il-ġrajjiet tal-11 taʼ Settembru, 2001, fil-Belt taʼ New York u Washington, D.C., il-pirati taʼ l-ajru, uħud li jżommu n-nies ostaġġi, u t-terroristi jippreżentaw lill-pulizija b’xi ftit mill-iktar sfidi diffiċli fil-ħarsien tal-pubbliku. Skwadri speċjali f’ħafna partijiet tad-dinja ġew imħarrġin biex jidħlu f’leħħa taʼ berqa ġo ajruplani pparkjati u jiħduhom taħt idejhom. Huma tgħallmu wkoll it-teknika taʼ li jidħlu f’binja għal għarrieda, billi jinżlu bil-ħbula minn fuq il-bjut, jidħlu mit-twieqi, iwaddbu granati li jġagħlu lil dak li jkun jintilef minn sensih, u jitfgħu l-gass tad-dmugħ. Uffiċjali mħarrġin bħal dawn irnexxielhom ħafna drabi jissorprendu u jegħlbu t-terroristi bl-inqas periklu għall-ostaġġi.
[Sors]
James R. Tourtellotte/U.S. Customs Service
[Stampa f’paġna 12]
Oġġetti li mhux se jkunu meħtieġa iżjed fid-dinja l-ġdida t’Alla