Il-Logħob tal-Flus—Isaħħar lil Kulħadd
JOHN, li trabba l-Iskozja, kien joħlom li xi darba jirbaħ il-lotterija. “Kont nixtri biljett tal-lotterija kull ġimgħa,” jgħid hu. “Ma tantx kien jiswieli flus, imma dak il-biljett kien jagħtini t-tama li nikseb kulma kont nixtieq.”
Kazushige, li jgħix il-Ġappun, kien iħobb it-tiġrijiet taż-żwiemel. “Tgħidx kemm kont nieħu pjaċir nilgħab il-flus maʼ sħabi f’dawn it-tiġrijiet, u kultant kont nirbaħ somom kbar taʼ flus,” jiftakar hu.
“It-tombla kienet il-logħba favorita tiegħi,” tgħid Linda, li tgħix l-Awstralja. “Dan il-vizzju kien jiswieli madwar 14-il lira Maltija, imma l-eċċitament taʼ meta nirbaħ kont veru nħobbu.”
John, Kazushige, u Linda kienu jħarsu lejn il-logħob tal-flus bħala għamla taʼ divertiment li ma tantx tagħmel ħsara. Mijiet taʼ miljuni taʼ nies madwar il-globu għandhom l-istess ħarsa. Stħarriġ li sar fl-1999 wera li tnejn minn kull tliet Amerikani huma favur il-logħob tal-flus. Fl-1998, l-Amerikani li jilagħbu l-flus nefqu madwar Lm23 biljun fuq logħob tal-flus legalizzat—iktar milli nefqu fuq biljetti tal-films, mużika rekordjata, sport li jiġbed ħafna nies, parkijiet tad-divertiment, u video games kollha f’daqqa.
Skond studju li sar dan l-aħħar, f’perijodu taʼ sena, iktar minn 80 fil-mija mill-popolazzjoni Awstraljana lagħbu l-flus mill-inqas darba, u 40 fil-mija minnhom lagħbu l-flus kull ġimgħa. L-adulti f’dan il-pajjiż, bejn wieħed u ieħor, jonfqu iktar minn Lm180 fis-sena fuq il-logħob tal-flus, madwar id-doppju taʼ l-ammont li jonfqu l-Ewropej jew l-Amerikani. B’hekk, l-Awstraljani huma fost l-iktar akkaniti għal-logħob tal-flus fid-dinja.
Ħafna Ġappuniżi huma vizzjati bil-pachinko, logħba qisha tal-pinball, u jonfqu biljuni fis-sena jilagħbu l-imħatri fuq din il-logħba. Fil-Brażil, mill-inqas jintefqu Lm1.8 biljuni kull sena fuq il-logħob tal-flus, u ħafna minnhom fuq biljetti tal-lotterija. Imma l-Brażiljani m’humiex l-uniċi li jħobbu l-lotteriji. Ir-rivista Public Gaming International dan l-aħħar ikkalkulat li hemm “306 lotteriji f’102 pajjiżi.” Il-logħob tal-flus verament isaħħar lil kulħadd—mhux hekk biss, jgħidu xi wħud, imma jġib ukoll benefiċċji kbar.
Sharon Sharp, rappreżentanta tal-Public Gaming Research Institute, tgħid li fl-Istati Uniti, mill-1964 sa l-1999, id-dħul mil-lotteriji “ammonta għal madwar Lm57 biljun mill-budget taʼ l-istat, u l-akbar parti minn dan id-dħul daħlet mill-1993 ’l hawn.” Ħafna minn dawn il-flus kienu pjanati biex imorru għal programmi t’edukazzjoni għall-pubbliku, parkijiet taʼ l-istat, u l-iżvilupp taʼ faċilitajiet sportivi għall-pubbliku. L-industrija tal-logħob tal-flus tħaddem ukoll ħafna nies, u fl-Awstralja biss, timpjega madwar 100,000 ruħ f’iktar minn 7,000 negozju.
B’hekk, dawk li huma favur il-logħob tal-flus jargumentaw li minbarra li jipprovdi divertiment, il-logħob tal-flus legalizzat joħloq impjiegi, jipprovdi dħul mit-taxxi, u jtejjeb l-ekonomiji lokali li jkunu batuti ħafna.
Għalhekk, ħafna nies jistaqsu, ‘X’hemm ħażin fil-logħob tal-flus?’ It-tweġiba għal din il-mistoqsija, li se tiġi diskussa fl-artikli li ġejjin, tistaʼ tbiddillek il-ħarsa lejn il-logħob tal-flus.
[Stampa f’paġna 3]
John
[Stampa f’paġna 3]
Kazushige
[Stampa f’paġna 3]
Linda