Hemm Werqa fl-Għanqbuta!
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-AWSTRALJA
QED taraha l-werqa niexfa u romblata sew? Innota li hi mdendla f’għanqbuta. Maʼ l-ewwel daqqa t’għajn, tistaʼ tidher li qiegħda fl-għanqbuta għax taret bir-riħ. Imma hemm xi ħaġa speċjali dwar din il-werqa.
Quddiemek għandek id-dar unika tal-brimba tal-werqa romblata—ħlejqa tassew taʼ l-għaġeb. Din il-brimba biss hija magħrufa li tagħmel id-dar tagħha billi tirrombla werqa u tiksiha minn ġewwa bil-ħarir, l-istess materjal li tuża’ biex tagħmel l-għanqbuta. Imma tuża l-brimba sempliċement werqa li b’kumbinazzjoni tkun taret fl-għanqbuta? Għandu mnejn li hekk jidher. Imma jekk neżaminawha mill-qrib se naraw b’mod ċar li l-werqa qiegħda hemm bi ħsieb. Il-brimba tagħżel werqa bir-reqqa, forsi minn dawk li jkun hemm taħtha maʼ l-art. Meta l-brimba tkun għamlet il-werqa romblu, torbotha sew bi ħjut tal-ħarir biex ma tinħallx.
Madankollu, dan il-brimb m’huwiex limitat f’li juża werqa bħala d-dar tiegħu. Fil-btieħi tad-djar taʼ xi bliet, taʼ spiss din il-brimba tuża’ biċċiet tal-gazzetti, kartun ħafif, jew biljetti tad-dħul mormijin. Ħaġa taʼ l-iskantament, din tistaʼ tagħżel ukoll qoxra vojta taʼ bebbuxu. F’każ minnhom, il-qoxra kienet sitt darbiet itqal mill-brimba li ġarritha lejn l-għanqbuta u għexet fiha!
Immaġina li qed niċċekkjaw jekk bħalissa l-brimba tagħna hix id-dar fil-werqa tagħha. Intektku ftit fuq il-werqa. Hemm qiegħda! Qed taraha? Brimba żgħira kulurita nieżla minn fuq il-werqa bil-ħabel tal-ħarir lejn l-art. Tinkwieta xejn! M’hemmx periklu. Din l-ispeċi taʼ brimba ma tagħmillux ħsara lill-bniedem, għalkemm jistaʼ jkun li toqroslok sebgħek jekk tmissha bil-goff.
Matul il-ġurnata, il-brimba tal-werqa romblata ġeneralment tqattaʼ l-ħin tistrieħ ġewwa d-dar tagħha fil-werqa. Imma bil-lejl, meta jkun hemm iktar insetti jduru, tistaʼ taraha preparata għall-attakk fid-daħla tal-werqa tagħha. Minn din il-pożizzjoni, hi tgħasses bir-reqqa l-għanqbuta tagħha billi sserraħ sieq minnhom fuq ħajta speċjali tal-ħarir li tibda mill-werqa u tasal sal-parti ċentrali taʼ l-għanqbuta. Jekk insett jolqot l-għanqbuta, il-brimba titlaq tiġri mill-ewwel lejh, ma tħallihx jiċċaqlaq minn postu, u mbagħad tieklu.
Din il-bennejja żgħira intelliġenti hi biss waħda mill-ħafna ħlejjaq taʼ l-għaġeb fix-xagħri Awstraljan.