Ġie Disinjat?
Il-Werqa tal-Lotus li Ma Żżommx Ilma
◼ Tazzi tal-plastik li jitnaddfu waħedhom? Twieqi li jibqgħu xotti fix-xita? Magni mikroskopiċi li joperaw bi ftit li xejn frizzjoni? Ix-xjenzati jgħidu li dawn huma biss ftit mill-benefiċċji li jistaʼ jkollna jekk jirnexxilna niskopru s-sigrieti tal-werqa tal-lotus.
Ikkunsidra dan: Il-wiċċ tal-werqa tal-lotus hu miksi b’ħotob mikroskopiċi li, mill-banda l-oħra, huma miksijin bi kristalli tax-xama’. Il-qtar taʼ l-ilma li jaqaʼ fuq il-werqa jinżamm fil-wiċċ minn dawn l-istrutturi, li jżommu l-ilma milli jidħol. Il-mejla tal-werqa ġġiegħel l-ilma jibqaʼ għaddej minn fuq il-ħotob mikroskopiċi saħansitra qabel ma jkollu ċans jinżel taħt il-wiċċ tal-werqa. Ir-riżultat? Mhux biss il-werqa tal-lotus tinżamm xotta imma wkoll tinżamm nadifa, hekk kif il-partiċelli tal-ħmieġ u t-trab jinġarru ’l hemm mill-qtar taʼ l-ilma.
Ix-xjenzati jridu jiżviluppaw materjali li ma jżommux ilma bħall-werqa tal-lotus. Anki magni mikroskopiċi, li l-ilma jistaʼ jagħmlilhom ħsara, jistgħu jibbenefikaw minn disinn simili għal dak tal-werqa tal-lotus. “M’hemmx limitu għall-benefiċċji li jistgħu jinkisbu,” tirrapporta Science Daily.
X’taħseb? Ġiet b’kumbinazzjoni l-werqa tal-lotus? Jew ġiet disinjata?