Ngħixu f’Soċjetà taʼ “Uża u Armi”
NIES li jgħixu f’pajjiżi żviluppati jarmu muntanji taʼ skart. Per eżempju, ikkunsidra kemm jintrema żibel kull sena fl-Istati Uniti. Intqal li l-użin ekwivalenti f’ilma jistaʼ jimla 68,000 swimming pool daqs dawk użati għal-logħob Olimpiku. Xi ftit snin ilu, ġie kalkulat li kull sena r-residenti tal-Belt taʼ New York waħedhom ipproduċew biżżejjed skart biex jidfnu s-Central Park enormi tal-belt taħt 4 metri taʼ skart!a
Mhux taʼ b’xejn li l-Istati Uniti ġiet imsejħa “eżempju taʼ twissija għall-bqija tad-dinja” f’dik li hi soċjetà konsumista taʼ “uża u armi.” Imma dan m’huwiex l-uniku pajjiż. Huwa stmat li l-iskart li jipproduċu kull sena n-nies tal-Ġermanja jistaʼ faċilment jimla ferrovija tal-merkanzija li t-tul tagħha jwassal mill-kapitali, Berlin, sal-kosta taʼ l-Afrika, madwar 1,800 kilometru ’l bogħod. U fil-Britannja darba ġie kalkulat li f’sena, familja taʼ erbgħa min-nies tarmi karti daqskemm jipproduċu sitt siġriet.
Il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw m’humiex meħlusin mill-akkumular taʼ l-iskart. Skond rivista popolari, l-aħbar ħażina hi li l-biċċa l-kbira mis-6 biljun ruħ fuq din il-pjaneta bdew huma wkoll jarmu ammonti kbar taʼ skart bħalma jagħmlu l-Istati Uniti u l-kumplament tal-pajjiżi żviluppati. Iva, irridu u ma rridux, il-biċċa l-kbira minna llum nagħmlu parti minn soċjetà taʼ “uża u armi.”
M’għadniex xi ngħidu, in-nies minn dejjem kellhom affarijiet x’jarmu. Imma llum hawn iktar affarijiet oħra fil-pakketti u l-laned milli kien hawn snin ilu, u għalhekk kullimkien tistaʼ ssib oġġetti ppakkjati f’pakketti jew laned li jintremew wara li jintużaw. Barra minn hekk, il-kwantità taʼ gazzetti, rivisti, fuljetti tar-reklami, u karti stampati oħra żdiedu ferm ukoll.
Id-dinja tagħna li hi tant industrijalizzata u xjentifika ħolqot ukoll tipi ġodda taʼ skart. Il-gazzetta Ġermaniża Die Welt issostni li “kull sena fl-Unjoni Ewropea jiġu mormijin madwar disaʼ miljun karozza.” M’huwiex faċli li teħles minnhom. Saħansitra problema akbar hija l-mistoqsija, Kif tistaʼ teħles mill-iskart nukleari jew kimiku? Lura fl-1991, l-Istati Uniti ġie rapportat li kellha “muntanji taʼ skart radjoattiv u l-ebda sit permanenti fejn jiġi maħżun.” Miljun ċilindru taʼ sustanzi qattiela jingħad li kienu maħżunin temporanjament bil-periklu dejjem preżenti li jintilfu, jinsterqu, u li ssir ħsara lill-ambjent jekk jiġu maniġġati ħażin. Fl-1999 biss, madwar 20,000 sors fl-Istati Uniti pproduċew iktar minn 40 miljun tunnellata taʼ skart perikoluż.
Fattur ieħor hu li l-popolazzjoni tad-dinja żdiedet ħafna matul dawn l-aħħar snin. Iktar nies, iktar skart! U l-biċċa l-kbira mill-popolazzjoni moħħhom fil-konsumiżmu. Il-Worldwatch Institute reċentement ikkonkluda: “Mill-1950 ’l hawn użajna iktar oġġetti u servizzi milli użajna fil-kumplament taʼ l-istorja kollha tal-bniedem.”
Huwa minnu li ftit huma dawk fil-pajjiżi żviluppati li jixtiequ li dawn ‘l-oġġetti u s-servizzi’ jispiċċaw. Per eżempju, aħseb ftit kemm hu komdu li tmur f’ħanut u taqbad oġġetti taʼ l-ikel u tad-dar li jkunu diġà ppakkjati u tiħodhom id-dar f’xi basket tal-karti jew tal-plastik li jkun tak tal-ħanut. Kieku n-nies f’daqqa waħda jiġu mċaħħdin minn dan l-ippakkjar modern, kieku malajr jirrealizzaw kemm verament ma jistgħux jgħaddu mingħajru. U minħabba l-fatt li dan l-ippakkjar hu iktar iġjeniku, dan jikkontribwixxi, għall-inqas b’mod indirett, għal saħħa aħjar.
Iżda minkejja dawn il-vantaġġi, hemm xi lok għal tħassib li s-soċjetà taʼ “uża u armi” forsi esaġerat f’dan? Milli jidher hemm, għax id-diversi soluzzjonijiet li ġew maħsubin biex jittrattaw l-akkumular taʼ l-iskart ftit li xejn naqsu t-turrun taʼ skart li jarmi l-bniedem. Agħar minn hekk, l-attitudnijiet li hemm wara s-soċjetà taʼ “uża u armi” taʼ llum għandhom implikazzjonijiet saħansitra iktar inkwetanti.
[Nota taʼ taħt]
a Dan il-park huwa kbir 3,411,621 metru kwadru, jew madwar 6 fil-mija tad-daqs tal-wiċċ kollu tal-belt (borough) taʼ Manhattan.
[Stampa f’paġna 4]
Li teħles mill-iskart perikoluż b’mod li ma jagħmel ebda ħsara jippreżenta sfidi serji