L-Akaċja Dehbija—Il-Bidu tar-Rebbiegħa fl-Awstralja
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-AWSTRALJA
IL-FJURA li qed iżżejjen dawn il-paġni m’hijiex xi fjura ordinarja. Fl-Awstralja din hija favorita u magħrufa ħafna min-nies. Fil-fatt, mill-1912 ’l hawn, l-arma taʼ l-Awstralja ġiet imżejna b’din il-fjura, u fl-1988 din l-arma ffjorita ġiet dikjarata bħala l-emblema uffiċjali taʼ l-Awstralja. Din ukoll ġiet preżentata fuq muniti u bolli Awstraljani. Għala din il-popolarità kollha?
Parti mit-tweġiba nistgħu nsibuha f’poeżija miktuba minn Veronica Mason u pubblikata fl-1929. Wara li tiddeskrivi “l-aħdar lewn iż-żebbuġa u l-kannella u l-griż,” kuluri monotoni li jiddominaw il-pajsaġġ fi tmiem ix-xitwa, il-poeżija tħabbar bil-ferħ: “Imma issa waslet ir-Rebbiegħa / Biż-żahar taʼ l-Akaċja.”
Jidher li kważi kulħadd jifraħ meta tkun riesqa r-rebbiegħa. Fl-Emisferu tan-Nofsinhar fl-Awstralja, ir-rebbiegħa tibda waqt li fl-Emisferu tat-Tramuntana tkun dieħla l-ħarifa. F’dan il-kontinent fin-naħa t’isfel tad-dinja, sinjal bikri li tkun dieħla r-rebbiegħa huwa li s-siġra taʼ l-akaċja dehbija (golden wattle) timtela f’daqqa waħda bil-fjuri. B’hekk, kull Awissu wieħed jistaʼ jismaʼ lit-tfal taʼ l-iskola jlissnu l-poeżija taʼ Mason. U fl-1992 il-gvernatur ġenerali taʼ l-Awstralja ddikjara l-1 taʼ Settembru bħala l-Jum Nazzjonali taʼ l-Akaċja.
M’għandniex xi ngħidu, l-akaċja dehbija mhux sempliċement tħabbar li ġejja r-rebbiegħa—din tagħmel dan b’mod grazzjuż u mill-isbaħ. Il-vers taʼ Mason jitkellem dwar “l-Akaċja delikata, li tilwi rkobbitha,” li jirreferi għall-friegħi mimlijin fjuri li jintlewew u jitbandlu maż-żiffa tar-rebbiegħa. Madankollu, l-isem bl-Ingliż wattle m’huwiex l-isem uffiċjali taʼ din is-siġra. Fil-fatt din ġejja minn razza interessanti taʼ siġar li jinstabu l-iktar f’postijiet madwar id-dinja li għandhom klima sħuna.
Razza Magħrufa u b’Saħħitha taʼ Siġar
L-isem botaniku taʼ l-akaċja dehbija (golden wattle) huwa Acacia pycnantha. Hija arbuxxell jew siġra żgħira li tikber minn 4 sa 8 metri għoli. Imma fl-Awstralja hemm madwar 600 sa 1,000 tip taʼ akaċja li jissejħu wattles. Fil-fatt, iktar minn nofs il-varjetajiet t’akaċja magħrufa fid-dinja jinstabu fl-Awstralja. Fl-Ewropa u l-Amerika, l-akaċja taʼ spiss tissejjaħ mimosa. Varjetà oħra t’akaċja tissemma ħafna fil-Bibbja. Alla kkmanda li l-arka tal-patt u xi partijiet mit-tabernaklu jinħadmu mill-injam tal-gażżi, kelma oħra għal akaċja.—Eżodu 25:10; 26:15, 26.
Siġra magħrufa mir-razza taʼ l-akaċja hija l-varjetà f’għamla t’umbrella, li tinsab fl-Afrika. Il-weraq taʼ din l-akaċja huwa l-ikel favorit tal-ġiraffi. Fil-fatt, li kien għalihom ma jħallux werqa fiha, imma din is-siġra għandha ftehim uniku maʼ tip taʼ nemla. Is-siġra tipprovdi dar lin-nemla u tħalliha tiekol min-nektar tagħha. Min-naħa tagħha, in-nemla tniggeż lill-ġiraff, u b’hekk dan l-annimal kbir wikkiel ikollu jiċċaqlaq u jmur ifittex f’siġra oħra. M’huwiex minnu li sħubija bħal din tipprovdi evidenza taʼ l-għaġeb li xi ħadd iddisinja l-affarijiet b’intelliġenza?
Il-varjetajiet t’akaċja fl-Awstralja m’għandhomx il-ġiraffi biex jhedduhom. Madankollu, għandhom għedewwa oħra, bħalma hija n-nixfa, u għal din għandhom difiża effettiva ħafna. Il-qoxra taʼ barra taż-żerriegħa taʼ l-akaċja tant hija iebsa li trid issirilha l-ħsara biex jippenetra l-ilma u tkun tistaʼ tikber. Tant huma ebsin dawn iż-żrieragħ li l-ġardinara jkollhom jgħaddsuhom fil-misħun biex dawn jintefħu u jkunu jistgħu jinbtu meta jinżergħu. Fl-ambjent naturali, iż-żerriegħa taʼ l-akaċja tistaʼ tibqaʼ ma tinbetx għal għaxriet taʼ snin! Fl-aħħar, in-nirien li jseħħu minn żmien għal żmien iġagħlu lil din iż-żerriegħa żgħira u iebsa tinbet. B’hekk, anki fl-agħar żmien taʼ nixfa, fl-art dejjem hemm ħażna protetta taʼ żrieragħ, lesti biex inisslu mill-ġdid.
Għal ħafna snin issa, xi akaċji b’saħħithom taʼ l-Awstralja ġew esportati lejn l-Afrika bil-ħsieb li jintużaw bħala sors taʼ ikel fi żmien taʼ nixfa. Vantaġġ kbir li għandhom dawn l-akaċji huwa li jistgħu jgħixu f’ħamrija iebsa u mhix fertili. Ċerti varjetajiet jistgħu saħansitra jikbru fid-duni tar-ramel! Dawn is-siġar iżommu l-ħamrija magħquda, jagħtuha n-nitroġenu, u jaġixxu bħala lqugħ mir-riħ, u b’hekk itejbu l-ambjent għal pjanti oħra wkoll.
Siġra li Tintuża b’Mod Differenti
Hemm xjenzati li jqisu liż-żrieragħ taʼ ċerti akaċji bħala li jistgħu jkunu prodott taʼ l-ikel, waqt li osservaw li għandhom ħafna proteini u qabblu l-valur tagħhom bħala ikel maʼ dak taʼ ċereali oħra. Meta ż-żrieragħ jiġu inkaljati, dawn għandhom togħma bnina bħal tal-lewż; meta jitgħallew, xi varjetajiet oħra jkollhom togħma t’għads. Iż-żrieragħ taʼ l-akaċja jidħnuhom bħad-dqiq u bihom jagħmlu l-ħobż u anki l-għaġin. Xi wħud mis-siġar taʼ l-akaċja jipproduċu sa 10 kilogrammi taʼ żerriegħa fis-sena.
Il-fjura tfuħ taʼ l-akaċja tintuża fil-produzzjoni tal-fwieħa. Minbarra dan, is-siġra taʼ l-akaċja tintuża ħafna bħala għalf taʼ l-annimali u biex tikkontrolla l-erożjoni tal-ħamrija. Imma għadna ma semmejna xejn dwar l-użu prattiku taʼ l-injam taʼ l-akaċja.
L-Aboriġini Awstraljani tal-bidu kienu jagħmlu l-bumerangs mill-injam taʼ l-akaċja. Varjetà waħda t’akaċja, l-Acacia acuminata, tissejjaħ ġamm tal-lampun, għax meta l-injam tagħha jkun għadu kif inqataʼ, ir-riħa tiegħu tkun qisha tal-frott mgħaffeġ tal-lampun. L-ewwel kolonisti Awstraljani kienu jużaw is-siġar taʼ l-akaċja biex jibnu djar bit-tajn. It-tajn kien jitqiegħed fuq siġar żgħar minsuġin flimkien biex joħolqu ħitan għall-bini.
M’huwiex tassew meraviljuż li dawn is-siġar jintużaw għal ħafna affarijiet? Madankollu, meta tibda r-rebbiegħa fl-Awstralja, in-nies ma jaħsbux f’kemm tintuża b’modi differenti l-akaċja. Minflok, meta dawn is-siġar jiksu l-għoljiet bil-fjuri dehbija tagħhom u jixxenglu maż-żiffa ħelwa, il-qlub tan-nies jimtlew bil-ferħ u jiftakru f’poeżiji dwar l-akaċja. Imma s-sbuħija u l-użu kbir taʼ din is-siġra tfakkar lil kull min jammiraha dwar l-għerf u s-sengħa kbira taʼ Alla, il-wieħed li “jibni kollox.”—Lhud 3:4.
[Stampi f’paġna 16, 17]
Il-fjuri u ż-żerriegħa taʼ l-akaċja
[Sors]
© Kummissjoni Awstraljana għat-Turisti
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 15]
L-Akaċja: © Copyright CSIRO Land and Water; bolla: National Philatelic Collection, Australia Post; l-emblema: Użata bil-permess tad-Dipartiment tal-Prim Ministru u l-Kabinett