LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 11/8 pp. 15-17
  • Ara Ġejjin il-Pingwini Żgħar Jimmarċjaw Qishom f’Parata!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ara Ġejjin il-Pingwini Żgħar Jimmarċjaw Qishom f’Parata!
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ċkejknin, imma fuq Tagħhom”
  • “Ġakketta tas-​Salvataġġ” Perfetta
  • Il-​Konnessjoni Tagħhom maʼ l-​Art
  • Ħa Tibda l-​Parata!
  • Pingwini Żgħar—Problemi Kbar
  • Ir-Rix tal-Pingwin Imperjali
    Stenbaħ!—2013
  • Il-Komunikazzjoni—Vitali għan-Nisġa tal-Ħajja fuq l-Art
    Stenbaħ!—2003
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2003
Stenbaħ!—2002
g02 11/8 pp. 15-17

Ara Ġejjin il-​Pingwini Żgħar Jimmarċjaw Qishom f’Parata!

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​AWSTRALJA

IL-​FOLLA qiegħda siekta u tistenna. Għajnejn attenti jħarsu fil-​bogħod biex jilmħu l-​artisti. Ix-​xena mdawla ferm tieħu l-​ħajja hekk kif f’daqqa waħda titfaċċa figura żgħira minn tarf l-​ilma. Hekk kif jitfaċċaw iktar figuri, it-​tgedwid taʼ eċċitament jinfirex għal ftit ħin mal-​folla. Id-​divertiment tal-​lejla beda. Ara ġejjin il-​pingwini żgħar tal-​Gżira Phillip jimmarċjaw qishom f’parata!a

Il-pingwini saru jafu bihom għall-​ewwel darba mad-​dinja kollha meta fis-​seklu 16 l-​esploraturi magħrufin Vasco da Gama u Ferdinand Magellan baħħru fl-​oċeani l-​kbar tan-​nofsinhar. Għall-​ewwel, il-​bnedmin ħasbu kif setgħu jikklassifikaw il-​pingwin. Kellu rix bħal taʼ għasfur, kien jgħum bħal ħuta, u kien jimxi fuq l-​art bħal annimal. Fl-​aħħarnett, kien ir-​rix li solva l-​problema. L-​għasafar biss għandhom ir-​rix—għalhekk dan kellu jkun għasfur. Din il-​familja taʼ għasafar li ma jtirux hija magħmula minn 18-il speċi differenti, li jvarjaw mill-​akbar wieħed minnhom li hu l-​emperor u l-​pingwini t’Adélie fl-​Antartika għall-​pingwini ekwatorjali tal-​Galápagos.

Tixtieq iżżur grupp taʼ pingwini fl-​ambjent naturali tagħhom? Mela ejja sal-​Gżira Phillip—140 kilometru lejn ix-​xlokk tal-​belt moderna taʼ Melbourne, l-​Awstralja. Madwar 500,000 viżitatur jiġu hawnhekk kull sena biex jieħdu gost b’din il-​meravilja ċkejkna. X’inhi dik il-​ħaġa li tagħmel lil dawn il-​pingwini żgħar tal-​Gżira Phillip tant maħbubin?

“Ċkejknin, imma fuq Tagħhom”

Bil-​libsa tar-​rix tagħhom bajda u sewda li għandha dehra formali, dawn il-​pingwini żgħar malajr jirbħu l-​qlub taʼ dawk li jarawhom. It-​tul tagħhom huwa taʼ madwar 33 ċentimetru u jiżnu biss kilo, u b’hekk huma l-​iżgħar speċi taʼ pingwini fid-​dinja. Iżda titqarraqx b’dan! Dak li għandhom nieqes fit-​tul ipattu sew għalih fid-​determinazzjoni u s-​sabar.

“Il-​pingwini żgħar huma ċkejknin, imma fuq tagħhom,” jispjega l-​Professur Mike Cullen li studja l-​pingwini fil-​Gżira Phillip għal iktar minn 20 sena. Dawn l-​iżgħar mill-​pingwini huma wkoll l-​iktar storbjużi. Bil-​lejl il-​post ikun jidwi bi ħsejjes taʼ tgemgim, għajjat, inħiq, u twerżiq. Dan huwa minħabba li l-​pingwini jkunu qegħdin jiddefendu l-​bejtiet tagħhom minn dawk li jkunu għaddejjin, jew ikunu qegħdin jipprovaw jattiraw l-​attenzjoni tas-​sieħeb jew sieħba futura tagħhom, jew inkella, ikunu qegħdin jieħdu gost “jipprattikaw il-​kant” flimkien maʼ dawn taʼ l-​aħħar.

Meta ġew deskritti għall-​ewwel darba fl-​1780, il-​pingwini żgħar ġew imlaqqmin b’mod addattat Eudyptula minor, mill-​Grieg, li jfisser “bugħaddas żgħir tajjeb.” B’ġisem mislut u twil qisu torpidow, rix ileqq li ma jgħaddix ilma minnu, u ġwienaħ qishom flippers, jidhru qegħdin letteralment itiru fl-​ilma.

“Ġakketta tas-​Salvataġġ” Perfetta

Xi drabi dawn il-​pingwini jgħumu sa 100 kilometru kuljum biex ifittxu x’jieklu, u jekk ikun neċessarju, jibqgħu fil-​baħar għal ġranet jew ġimgħat sħaħ. Kif jorqdu fl-​ilma? It-​tweġiba qiegħda fir-​rix tagħhom magħmul b’mod tant taʼ l-​għaġeb. Il-​pingwini huma mlibbsin b’rix artab u magħqud, li hu minn tlieta sa erbaʼ darbiet iktar oħxon minn dak taʼ l-​għasafar taʼ l-​ajru. L-​arja li tinqabad taħt ir-​rix tipproteġi l-​għasfur u tgħinu jżomm f’wiċċ l-​ilma—bħalma tagħmel ġakketta tas-​salvataġġ. Għalhekk, il-​pingwin jistaʼ faċilment jorqod f’wiċċ il-​baħar, tielaʼ u nieżel qisu tapp tas-​sufra, ġwenħajh miftuħin beraħ biex ma jinqalibx, u jserraħ munqaru fuq wiċċ l-​ilma ’l bogħod mill-​periklu.

Għalkemm il-​pil tal-​pingwin huwa oħxon ħafna, xorta waħda ma jkunx taʼ protezzjoni għalih kieku jkollu jixxarrab għasra bl-​ilma kiesaħ ħafna waqt li jkun qed ifittex x’jiekol. Din mhix problema għall-​pingwin—glandola speċjali taż-​żejt li qiegħda fuq id-​denb taʼ l-​għasfur tarmi xamaʼ likwida. Il-​pingwin inaddaf u jirranġa rixu billi juża munqaru biex iferrex ix-​xamaʼ mar-​rix tiegħu, u b’hekk ma jgħaddix ilma minnu, jibqaʼ nadif, u b’saħħtu. L-​ebda bugħaddas ma jistaʼ qatt ikollu libsa magħmula aħjar minn din biex tkun tistaʼ tgħinu jħabbatha mal-​ħajja fil-​baħar.

Issib xi diffikultà din il-​ħlejqa taʼ l-​oċean minħabba n-​nuqqas taʼ ilma ħelu fil-​baħar? Żewġ glandoli magħmulin b’mod uniku, li jinstabu fuq kull għajn, ineħħu l-​melħ mill-​ilma baħar. B’sempliċi ċaqliqa taʼ munqaru, il-​pingwin ineħħi l-​melħ żejjed minn imnifsejh.

Barra minn hekk, il-​pingwini għandhom għajnejn li huma magħmulin apposta biex jaraw ċar meta jkunu fl-​ilma daqskemm jaraw meta jkunu ’l barra minnu. B’mod ċar, jidher li din il-​ħlejqa hija mgħammra perfettament għall-​ħajja akkwatika tagħha. Iżda fortunatament għalina, il-​pingwini żgħar ma jqattgħux il-​ħin kollu tagħhom fil-​baħar.

Il-​Konnessjoni Tagħhom maʼ l-​Art

Il-​Gżira Phillip u l-​art prinċipali li hemm fil-​qrib għandhom xtut imħarbtin u ramlin li huma miksijin b’ħafna ħaxix u weraq. Dan jagħmel ambjent ideali għall-​grupp taʼ 26,000 pingwin żgħir. Il-​ħajja tibda f’bejta li tkun inħadmet b’ħafna sforzi mill-​ġenituri tagħhom f’għolja tar-​ramel ħdejn il-​baħar. Bajda ġdida tistaʼ tibqaʼ fil-​kesħa għal bosta ġranet u xorta tibqaʼ ħajja qabel ma ż-​żewġ ġenituri, wieħed wara l-​ieħor, joqogħdu fuqha b’attenzjoni kbira. L-​għasafar li jnisslu ż-​żgħar għandhom parti mikxufa fil-​parti t’isfel taʼ żaqqhom li għandha ħafna vini. Meta jkunu qegħdin fuq il-​bajda, din il-​parti tintefaħ bid-​demm sħun, u b’hekk tgħaddi s-​sħana li jkun hemm bżonn biex tiżviluppa l-​bajda. Bejn ix-​xiftijiet taʼ l-​inkubazzjoni, din il-​parti ma tibqax minfuħa u r-​rix jerġaʼ jiġi għal li kien—li ma jħallix l-​ilma jgħaddi minnu. B’hekk, l-​għasfur adult ikun jistaʼ jmur lura lejn il-​baħar biex jiekol.

Meta jfaqqas, il-​fellus jikber b’rata mgħaġġla ferm. Fi tmien jew għaxar ġimgħat biss, il-​pingwin żgħir ikun daqs pingwin adult u jkun lest biex jinżel fil-​baħar. “Hija xi ħaġa taʼ l-​għaġeb li l-​pingwini żgħar imorru għal vjaġġi twal fil-​baħar mgħammrin biss b’tagħmir fiżjoloġiku eċċellenti . . . u b’ħafna istinti li bihom ikunu jistgħu jibqgħu ħajjin,” josserva l-​ktieb Little Penguin​—Fairy Penguins in Australia.

Matul is-​sena jew tlieta taʼ wara, il-​frieħ tal-​pingwini jaqsmu eluf taʼ kilometri u jqattgħu ħafna mill-​ħin tagħhom fil-​baħar. Taʼ spiss, dawk li jibqgħu ħajjin jirritornaw lejn il-​grupp tagħhom biex jipproduċu—sa 500 metru ’l bogħod minfejn twieldu. Kif ikunu jafu triqithom lura lejn id-​dar? Ħafna jsostnu li l-​pingwini jinnavigaw bix-​xemx. Dan jagħmluh billi jużaw l-​arloġġ bijoloġiku li għandhom ġo fihom u li jieħu post l-​effett tal-​moviment tax-​xemx fis-​sema. Oħrajn jemmnu li l-​pingwini jagħrfu postijiet ġeografiċi li jkunu familjari għalihom. Hu x’inhu l-​każ, dan l-​ispettaklu taʼ dawn il-​baħħara li jkunu qed jirritornaw lejn l-​art wara vjaġġ twil jew wara ġurnata iebsa taʼ sajd jiġbed folol taʼ nies lejn il-​Gżira Phillip.

Ħa Tibda l-​Parata!

Maʼ nżul ix-​xemx, mijiet taʼ viżitaturi eċċitati jsibu posthom, lesti biex jaraw il-​parata taʼ bil-​lejl tal-​pingwini. Il-​pingwini ilhom miġburin fi gruppi kbar, magħmulin minn mijiet taʼ għasafar, li qegħdin fil-​baħar ’il barra mir-​ragħwa bajda li qed tinkiser fuq ix-​xtajta. Ix-​xatt imdawwal b’ħafna dwal qawwija. Tqum żiffa ħelwa u mewġ żgħir jibda jċafċaf fuq il-​plajja. Iqumu dubji fl-​udjenza. Fejn qegħdin il-​pingwini? Se jitilgħu fuq ix-​xatt? Fid-​daqqa u l-​ħin, jitfaċċaw l-​ewwel pingwini żgħar jitkaxkru beżgħanin mit-​tarf taʼ l-​ilma. Iżda maħsudin, jisparixxu fir-​ragħwa tal-​mewġ tal-​baħar. Minħabba li jafu li huma esposti għall-​predaturi, bħalma huma l-​ajkli, il-​pingwini joqogħdu għassa. Iżda malajr jerġgħu jitfaċċaw u bil-​mod il-​mod jieħdu l-​kunfidenza. Sa fl-​aħħar, pingwin kuraġġuż joħroġ ħelu ħelu mill-​ilma jixxengel b’passi żgħar għan-​naħa l-​oħra tax-​xatt lejn l-​għoljiet tar-​ramel. Il-​pingwini l-​oħrajn fil-​grupp malajr isegwuh. Dawn jinjoraw id-​dwal u lil dawk li qed iħarsu lejhom, u jibdew jimmarċjaw lejn ix-​xatt, qishom qegħdin f’parata ħajja.

Meta l-​pingwini jaslu fis-​sigurtà taʼ l-​għoljiet tar-​ramel, dawn jidhru qed jistrieħu ftit u jinġemgħu fi gruppi akbar biex inaddfu u jirranġaw rixhom. Grupp wara l-​ieħor jaqsam ix-​xatt b’dan il-​mod, u jieqaf biex jitħallat u “jpaċpaċ” mal-​ġirien, qabel ma jerġaʼ lura lejn daru. Għal ħafna, dan ifisser mixja twila, qbiż, u telgħa iebsa maʼ rdum għoli 50 metru qabel ma jaslu ġol-​ħofra tagħhom fl-​art.

Pingwini Żgħar—Problemi Kbar

Bħal ħlejjaq oħrajn madwar id-​dinja, il-​pingwini żgħar jiffaċċjaw ħafna problemi, u ħafna minnhom huma relatati mal-​bniedem. It-​theddid jinkludi ż-​żejt li joħroġ mill-​vapuri li jgħaddu minn hemm, it-​tnaqqis taʼ l-​ambjent tagħhom minħabba xi attivitajiet tal-​bniedem, u predaturi li nġiebu fil-​post min-​nies stess, bħalma huma l-​volpi u l-​annimali domestiċi.

Saru sforzi taʼ min ifaħħarhom biex jissolvew dawn il-​kwistjonijiet. Fi snin reċenti, in-​numru taʼ pingwini żgħar fir-​Riserva għall-​Pingwini fil-​Gżira Phillip marru għall-​aħjar. “Qegħdin nirbħu l-​ġlieda . . . iżda bil-​mod,” jirrifletti l-​Professur Cullen. Hu jżid: “L-​akbar sfida li niffaċċjaw issa hija biex jirnexxilna naċċertaw li jkun hemm ikel biżżejjed għall-​pingwini ż-​żgħar . . . , u dan huwa marbut b’mod ġenerali mal-​futur taʼ l-​oċean u l-​bniedem.” L-​effetti tas-​sħana globali u l-​affarijiet li jseħħu fil-​klima, bħall-​El Niño, fuq il-​provvisti taʼ ikel fl-​oċean iqajmu problemi kbar li issa r-​riċerkaturi qegħdin jistudjaw b’mod intensiv.

Bla dubju taʼ xejn, ir-​riżultati taʼ din ir-​riċerka se jżidu l-​apprezzament tagħna lejn il-​pjaneta mżewqa, madankollu tant fraġli, li lkoll ngħixu fiha. Grazzi għall-​attenzjoni kollha mħabba li diġà qed tintwera lill-​ħlejjaq salvaġġi tal-​Gżira Phillip, int ukoll xi darba jistaʼ jkollok iċ-​ċans li tkun fost l-​ispettaturi li b’eċċitament ifesfsu, “Ara ġejjin il-​pingwini żgħar jimmarċjaw qishom f’parata!”

[Nota taʼ taħt]

a Il-pingwini żgħar kienu magħrufin bħala pingwini b’ħafna pil u huma taʼ spiss imsejħin pingwini blu żgħar.

[Mappa f’paġna 15]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

IL-​GŻIRA PHILLIP

[Stampi f’paġna 16, 17]

Spettaturi, bankijiet, u dwal qawwija—kollox lest għall-​parata tal-​pingwini

[Stampi f’paġna 17]

Minn fellus għal għasfur kbir f’għaxar ġimgħat biss

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 15]

Ritratti: Photography Scancolor Australia

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 16]

Ritratti f’paġni 16 u 17: Photography Scancolor Australia

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja