L-Imħabba fl-Azzjoni—Maratona taʼ Xogħol t’Għajnuna
RICHARD VARA, editur taʼ l-esperjenza għall-Houston Chronicle, ma jimpressjonax ruħu malajr, imma s-sena l-oħra baqaʼ b’ħalqu miftuħ. “Qatt ma rajt xi ħaġa bħal din!” esklama hu. “Ma nistax nemmen.” Lee P. Brown, is-sindku taʼ Houston, Texas fl-Istati Uniti, ħassu l-istess. Hu qal: “Nixtieq li kieku kulħadd fi Houston setaʼ jara x’għamiltu. Bqajt impressjonat ferm.” Dwar xiex kienu qed jgħaddu dawn il-kummenti? L-editur u s-sindku kienu qed jikkummentaw dwar xogħol t’għajnuna li sar mix-Xhieda taʼ Jehovah fi Houston. Dan ix-xogħol x’involva? Għala kien meħtieġ? U għala ħalla impressjoni daqshekk kbira? Biex insiru nafu, ejja nibdew mill-bidu.
L-Agħar Dilluvju li Qatt Seħħ
Kmieni f’Ġunju taʼ l-2001, maltempata tropikali qawwija bl-isem taʼ Allison laqtet bl-ikrah lil inħawi watjin fix-xlokk taʼ Texas. Fi tmiemha, il-Ġimgħa, 8 taʼ Ġunju, fi żmien 24 siegħa, Allison tefgħet metru taʼ xita qawwija fuq Houston—ir-rabaʼ l-akbar belt tal-pajjiż.a Fi ftit żmien, l-ilma li kien dejjem tielaʼ daħal jiġri fil-ħwienet, fl-uffiċċji, u f’għaxriet t’eluf taʼ djar. It-toroq kbar u wesgħin taʼ madwar il-belt saru xmajjar qawwija, u għattew il-vetturi abbandunati u t-trakkijiet kbar. Minħabba l-livell għoli taʼ l-ilma, kien impossibbli saħansitra għat-trakkijiet tat-tifi tan-nar u vetturi oħrajn taʼ salvataġġ biex jgħaddu minn ċerti toroq mgħarrqin. Biex isalvaw lin-nies, bdew jintużaw il-ħelikopters u l-vetturi militari b’saħħithom ħafna.
Finalment, meta t-Tnejn, 11 taʼ Ġunju, l-ajru fetaħ għajnu, il-ħsara kbira u l-imwiet li kkaġunat Allison bdew jidhru b’mod ċar. Tnejn u għoxrin ruħ kienu tilfu ħajjithom, inkluż tnejn mix-Xhieda taʼ Jehovah: Jeffrey Green, anzjan Kristjan, u oħt il-mara tiegħu Frieda Willis.b Iktar minn hekk, xi 70,000 dar sofrew ħsarat. Minħabba f’hekk, dan id-dilluvju sar wieħed mill-agħar diżastri naturali li qatt laqtu ċ-ċentru kbir taʼ xi belt. Fil-fatt, Allison saret l-iktar maltempata tropikali li swiet flus fl-istorja taʼ l-Istati Uniti, peress li kkaġunat kważi Lm2 biljun fi ħsarat taʼ propjetà.
Dilluvju taʼ Volontieri
In-nies kienu xxokkjati. Ħaddiem wieħed li ta l-għajnuna qal: “Is-sodod tagħhom kienu għasra. It-twapet kienu mxarrbin. Ir-ritratti tal-familja kienu sparixxew.” Ħafna mis-16,000 Xhud taʼ Jehovah u iktar fl-inħawi taʼ Houston ġarrbu telf t’affarijiet. Tmien Swali tas-Saltna u mijiet taʼ djar tax-Xhieda saritilhom il-ħsara. Xi wħud minn dawn id-djar daħlilhom ċentimetri taʼ ilma; oħrajn kellhom ilma sas-saqaf taʼ fuqnett. B’kollox, ġew effettwati iktar minn 80 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah. Madankollu, dawn il-vittmi ma tħallewx ifendu għal rashom. Ftit jiem wara kien hemm dilluvju—imma din id-darba taʼ volontieri—li ġie biex jagħti l-għajnuna. Dan kif ġara?
Saħansitra qabel ma l-ilmijiet bdew ibattu, l-anzjani Kristjani tal-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Houston malajr bdew jieħdu azzjoni. “Ċempilna lil ħutna u morna narawhom,” qal wieħed mill-anzjani. “Imbagħad ikkalkulajna kemm kienet kbira l-ħsara, u sat-Tnejn, 11 taʼ Ġunju, konna għamilna rapport sħiħ li kien fih l-ismijiet tal-vittmi, in-numru taʼ djar bil-ħsara, u kemm kienet kbira l-ħsara. Dan intbagħat lill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, New York.” Ftit jiem wara, l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fl-Istati Uniti waqqaf kumitat għall-għajnuna magħmul minn tmien anzjani Kristjani minn Houston u pprovda fondi għall-għajnuna. X’kellu jagħmel il-kumitat? Kellu jgħin lill-vittmi jirkupraw emozzjonalment u wkoll isewwi d-djar tax-Xhieda li kellhom il-ħsara—iktar minn 700 dar!
‘Kif nistgħu nwettqu din il-biċċa xogħol kbira ferm?’ ħasbu l-membri tal-Kumitat għall-Għajnuna fi Houston 2001 tax-Xhieda taʼ Jehovah li kien għadu kemm ġie fformat. Dawn qattgħu sigħat twal fil-għaxija jipprovaw joħorġu bl-ewwel pjan u stiednu lil iktar minn 160 kongregazzjoni tax-Xhieda fl-inħawi taʼ Houston biex jgħinu. “Ir-reazzjoni kienet taʼ l-għaġeb,” qal iċ-chairman tal-kumitat. “Iktar minn 11,000 Xhud offrew ruħhom, offrew il-ħin, ix-xogħol, u s-snajjaʼ tagħhom bla ħlas.”
Il-Moffa Kontra l-Volontieri
Ftit jiem wara d-dilluvju, il-volontieri marru jaħdmu fid-djar tal-vittmi, ineħħu t-twapet għasra, l-art imħarbta tal-kmamar, il-ħitan irvinati, il-kċina mxarrba kollha, il-bibien imbewqin, u kulma kien sarlu l-ħsara mill-ilma taʼ l-għargħar li kien imniġġes bid-drenaġġ. “Konna inkwetati mhux biss dwar li nsewwu d-djar taʼ ħutna,” qal volontier wieħed, “imma wkoll dwar li nieħdu ħsieb saħħithom.” Peress li l-moffa tossika malajr kienet se tibda ħierġa wara l-ħitan u ġewwa l-armarji, id-djar l-ewwel riedu jiġu diżinfettati sewwa.
Biex jitgħallmu kif jagħmlu din il-biċċa xogħol bla periklu, diversi Xhieda talbu taħriġ mill-Aġenzija Federali għall-Immaniġġar taʼ l-Emerġenza (Federal Emergency Management Agency [FEMA]), aġenzija tal-gvern li tispeċjalizza f’li jiġu trattati d-diżastri. Wara dan, kull Xhud li kien tħarreġ mill-FEMA stieden għaxar volontieri biex imorru miegħu f’dar li kienet saritilha l-ħsara, fejn hemmhekk għallimhom kif jiddiżinfettaw id-dar kif suppost. Il-ġurnata taʼ wara, kull wieħed mill-għaxar volontieri li kienu għadhom kemm ġew imħarrġin kien jieħu jerġaʼ għaxar volontieri oħra miegħu. “Fi ftit jiem,” irrakkonta volontier wieħed, “in-numru taʼ dawk li kienu jafu kif jagħmlu dan kiber għal diversi mijiet.” Il-moffa li kienet qed tinfirex ma setgħetx tlaħħaq man-numru li dejjem kien qed jiżdied taʼ volontieri! Dawk li rtiraw mix-xogħol u l-adolexxenti li kienu bil-vaganzi taʼ l-iskola kienu jaħdmu matul il-ġurnata. Bil-lejl, volontieri oħra kienu jieħdu l-affarijiet f’idejhom u jkomplu bix-xogħol huma. Fi żmien sitt ġimgħat id-djar kollha tax-Xhieda li kienu kontaminati issa tnaddfu u kienu bla periklu.
Ċentru Amministrattiv u Sebaʼ Ċentri Reġjonali Iżgħar
Sadanittant, il-kumitat għall-għajnuna xtara ammonti kbar taʼ plasterbord u tunnellati taʼ materjal ieħor għall-bini. Imma dan kollu fejn setaʼ jinħażen? “Meta l-maniġer taʼ kumpanija sar jaf dwar dak li kellna bżonn,” qal il-kelliemi tal-kumitat għall-għajnuna, “hu offrielna li nużaw maħżen—bi spazju taʼ 5,000 metru kwadru t’art—bla ħlas!” Minbarra li setgħu jintrefgħu fih l-affarijiet tal-bini, fil-maħżen kien hemm ukoll spazju għal uffiċċji. Dan ma damx wisq ma sar iċ-ċentru amministrattiv għax-xogħol t’għajnuna, fejn madwar 200 sa 300 volontier ħadmu lejl u nhar, u anki fi tmiem il-ġimgħa.
Ladarba d-djar li kienet saritilhom il-ħsara kienu mferrxin f’żona kbira, twaqqfu ċentri reġjonali għall-għajnuna f’sebaʼ Swali tas-Saltna. Fi tmiem il-ġimgħa kull wieħed minn dawn iċ-ċentri kien jimtela bil-volontieri. (Ara l-kaxxa “Ċentru t’Attività.”) Ħafna minnhom kienu ħadmu qabel flimkien fil-bini tas-Swali tas-Saltna f’dak ir-reġjun. Fil-fatt, volontieri b’xi sengħa fil-bini minn 11-il Kumitat Reġjonali tal-Bini f’Arkansas, Louisiana, Oklahoma, u Texas taw l-għajnuna tagħhom.c F’kull ċentru minn dawn kien hemm mastrudaxxi, bajjada, plamers, u ħaddiema oħra tas-sengħa li ħadu t-tmexxija fix-xogħol u ħarrġu lil oħrajn.—Ara l-kaxxa “Programmi taʼ Taħriġ.”
Pjan u Ġabra taʼ Informazzjoni
Il-volontieri segwew pjan għal bini f’sebaʼ fażijiet differenti. Il-materjal tal-bini tqassam lejn id-djar f’erbaʼ konsenji, u x-xogħol taʼ tiswija f’kull dar kien pjanat li jsir fi tliet Sibtijiet u Ħdud. B’dan il-mod, ix-xogħol kollu t’għajnuna kellu jitlesta f’madwar sitt xhur.
Biex dan il-pjan jirnexxi, il-kumitat waqqaf 22 dipartiment li kienu jinkludu dawk tal-loġistika, tax-xiri, taʼ l-akkomodazzjoni, u tal-ġarr bit-trakkijiet. Id-dipartimenti kollha ġew megħjunin bl-informazzjoni kbira li nġabret u li ġiet organizzata mill-volontieri b’tali mod li setgħet tinstab malajr fuq il-kompjuter. Qabel ma beda x-xogħol taʼ tiswija, il-volontieri qattgħu għaxart ijiem idaħħlu l-informazzjoni fil-kompjuter. “Kienet maratona biex tiddaħħal l-informazzjoni,” innota rapport taʼ l-aħbarijiet. Madankollu, fi tmiem din il-“maratona,” kien hemm disponibbli ġabra taʼ fatti utli. Malli wieħed kien jikklikkja l-mouse, mill-ġabra taʼ informazzjoni kien jistaʼ jara meta l-11,000 volontier kienu se jkunu disponibbli, liema snajjaʼ kellhom, u kif setgħu jiġu kuntattjati. U meta jerġaʼ jikklikkja jara fejn waslu t-tiswijiet, x’permessi kien hemm bżonn għall-bini, u dettalji oħra tad-djar li kienet saritilhom il-ħsara. Din il-ġabra taʼ informazzjoni saret magħrufa bħala “l-qalba tax-xogħol t’għajnuna.”
Impressjonati u Grati
Ċertu volontieri marru jaraw id-djar li ma kellhomx moffa u li kienu xotti biex jiddeterminaw x’kienet tirrikjedi t-tiswija tal-ħsara. “Dawn il-volontieri kienu jikkalkulaw il-materjal anki sa kemm-il musmar kien hemm bżonn,” ikkummenta l-kelliemi. “Ma ridna naħlu xejn mill-fondi jew mill-materjal li ngħata b’donazzjoni.” Fl-istess ħin, volontieri oħrajn kisbu l-permessi meħtieġa għall-bini mill-uffiċjali tal-belt.
Imbagħad, il-familji li ntlaqtu mill-għargħar ġew mistidnin imorru fil-maħżen biex jagħżlu minn selezzjoni limitata taʼ tapiti, armarji, materjal li wieħed jistaʼ jiksi l-art bih, u affarijiet oħra biex jieħdu post dawk li tilfu. Il-vittmi taʼ l-għargħar baqgħu impressjonati ferm u taʼ spiss kienu jibku meta jaraw dak kollu li ġie provdut għalihom. Il-vittmi rċivew ukoll pariri mill-volontieri bl-esperjenza f’affarijiet t’assigurazzjoni u direttivi tal-gvern. Imbagħad, saru pjanijiet għal meta kellhom isiru t-tiswijiet fid-djar, u dakinhar eżatt li t-timijiet tat-tiswijiet kellhom bżonn il-materjal tal-bini, il-volontieri li kienu jsuqu t-trakkijiet kienu jwassluhomlhom. Raġel mhux Xhud li daru kienet qed tissewwa mill-ħsara qal lil martu li kienet Xhud: “Ħutek huma taʼ l-għaġeb. Grupp wieħed jitlaq, u ieħor jiġi sparat. Jaħdmu iebes ħafna!”
It-tiswijiet bażiċi ħadu madwar tliet Sibtijiet u Ħdud għal kull dar. “Iżda xi drabi kienu jieħdu xi ħames ġimgħat jew tmienja,” qal iċ-chairman tal-kumitat. Meta tneħħew il-ħitan fid-djar antiki, taʼ spiss il-volontieri kienu jinnotaw ħsara li kienet ilha teżisti, u ma ridux iqiegħdu l-ħitan ġodda mingħajr maʼ l-ewwel jirranġaw il-problemi antiki. Wieħed mill-volontieri tas-sengħa qal: “Xi drabi konna naraw li l-pilastri kienu invażati bin-nemel abjad, allura konna nkunu ċerti li dan kien jiġi meqrud. Għamilna ħafna xogħol fuq l-istruttura biex nirranġaw l-affarijiet. Id-djar ħallejniehom f’qagħda tajba.” Vittma taʼ l-għargħar, irrifletta s-sentimenti taʼ ħafna minn dawn is-sidien tad-djar meta qal bi gratitudni lil wieħed viżitatur: “Id-dar tiegħi issa hija aħjar minn meta xtrajtha!”
Ikliet Preparati u Servuti Malajr
Biex jipprovdu l-ikel għall-ħafna volontieri, grupp taʼ Xhieda bidlu maħżen wara Sala tas-Saltna f’ċentru għall-preparazzjoni u t-tqassim taʼ l-ikel. Ix-Xhieda madwar il-pajjiż taw friġġijiet, friżers, magni tal-ħasil tal-platti, kukers, u apparat ieħor tal-kċina. Kull nhar taʼ Sibt u Ħadd, 11-il kok u xi 200 volontier ieħor kienu jippreparaw eluf taʼ ikliet fiċ-ċentru. Il-volontier li ħa ħsieb din il-kċina qal: “Ilna nippreparaw ikliet matul il-proġetti tal-bini tas-Swali tas-Saltna għal 19-il sena, imma dan il-proġett kien akbar milli qatt immaġinajna.”
L-ikliet ġew ippakkjati f’120 kontenitur kbir. Dawn tqiegħdu f’60 vettura li kienu qed jistennewhom, li kienu jqassmu l-ikel fiċ-ċentri reġjonali kollha u fiċ-ċentru amministrattiv. Sadanittant, kull tim li kien qed jaħdem f’xi dar kien jibgħat volontier wieħed lejn iċ-ċentru reġjonali li kienu taħtu biex imur jiġbor l-ikel għat-tim kollu. Il-volontieri kienu jieklu fid-djar u mbagħad imorru dritt għax-xogħol.
Ix-Xogħol Sar!
Fl-aħħar, f’April 2002, il-11,700 volontier waslu fi tmiem il-maratona tagħhom, waħda mill-itwal kampanji t’għajnuna li qatt wettqu x-Xhieda taʼ Jehovah. Il-volontieri qattgħu 1,000,000 siegħa jsewwu jew jibnu mill-ġdid total taʼ 8 Swali tas-Saltna u 723 dar. Wieħed mill-vittmi taʼ l-għargħar tkellem f’isem ħafna oħrajn meta mimli bi gratitudni qal bid-dmugħ f’għajnejh: “Nirringrazzja lil Jehovah u l-volontieri għall-għajnuna kollha li taw. Huwa taʼ faraġ kbir li nkun parti minn fratellanza li għandha ħafna mħabba!”
[Noti taʼ taħt]
a Fil-bliet taʼ New York, Los Angeles, u Chicago jgħixu iktar nies. Fl-inħawi ċentrali taʼ Houston hemm madwar 3,500,000 abitant u l-akkwata hija akbar mill-gżira Mediterranja taʼ Ċipru.
b Għall-funeral attendew 1,300 ħabib u ħabiba taʼ Jeffrey u Frieda. Dan l-appoġġ kien taʼ faraġ kbir għal Abigail—il-mara taʼ Jeffrey u oħt Frieda.
c Il-Kumitati Reġjonali tal-Bini normalment jieħdu ħsieb il-bini tal-postijiet tal-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 21]
ĊENTRU T’ATTIVITÀ
Huwa s-Sibt, is–7:00 a.m., fiċ-Ċentru Reġjonali Nru. 4 fil-grigal taʼ Houston. Il-volontieri qed jissieħbu flimkien fis-Sala tas-Saltna waqt li qed jitkellmu, jidħqu, jieħdu belgħa kafè u xi pasta. Xi wħud minnhom saqu mijiet taʼ kilometri mid-dar tagħhom sa ma waslu hawn. Imma fis–7:30 a.m., l-ilħna vivaċi jitbaxxew, u l-indokratur taʼ dan iċ-ċentru reġjonali jikkonduċi diskussjoni taʼ vers mill-Bibbja. Hu jħabbar ukoll li l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa se jsir il-Ħadd fis–7:30 a.m., qabel ma l-volontieri jitilqu lejn il-postijiet tagħhom tax-xogħol, u jinkuraġġixxi lil kulħadd biex jieħu sehem fl-istudju billi jikkummenta bl-Ingliż jew bl-Ispanjol. Hu jgħaddi messaġġ mill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah, li ntlaqaʼ b’applaws qawwi u twil.
L-indokratur taʼ dan iċ-ċentru mbagħad jaġġorna lil kulħadd dwar fiex wasal ix-xogħol u jirringrazzja mill-qalb lill-volontieri għall-ispirtu tagħhom li wrew billi kienu lesti joffru ruħhom. Hu jistaqsi: “Hawn xi ħadd li ma jafx fejn sejjer jew x’se jagħmel illum?” L-ebda id ma tidher. “Kemm-il ikla għandna bżonn?” L-idejn kollha telgħu sparati ’l fuq, u kulħadd jinfaqaʼ jidħaq. Finalment tintqal talba, u l-250 volontier—irġiel, nisa, kbar u żgħar—jinsabu fi triqithom, lesti għal jum twil ieħor taʼ xogħol iebes.
L-istess xena tiġri fis-sitt ċentri reġjonali l-oħra u fil-maħżen. Sadanittant, il-volontieri l-oħra li qed jaħdmu fi kċina ċentrali diġà jinsabu mħabbtin iħawdu l-borom—wara kollox, sa nofsinhar taʼ llum iktar minn 2,000 volontier imġewwaħ madwar Houston se jkunu lesti għal ikla sħuna!
[Kaxxa/Stampa f’paġna 22]
PROGRAMMI TAʼ TAĦRIĠ
Matul ix-xogħol t’għajnuna, il-volontieri tas-sengħa taw lezzjonijiet biex lill-volontieri bla sengħa jħarrġuhom għal xogħlijiet speċifiċi. Xi wħud ġew imħarrġin biex jiddiżinfettaw id-djar. Oħrajn tgħallmu jwaqqfu l-ħitan u jwaħħlu l-armarji. Jerġaʼ kien hemm min tgħallem jiksi l-ħitan u jbajjad. Dawn is-Seminars għal Ħaddiema tas-Sengħa ġew rekordjati fuq vidjo, u l-vidjos imbagħad intużaw fiċ-ċentri reġjonali biex jitħarrġu iktar volontieri. “Permezz taʼ dawn is-seminars,” innota membru tal-kumitat għall-għajnuna, “konna ċerti li x-xogħol taʼ tiswija jkun taʼ l-aqwa kwalità.”
[Stampa]
Nies tas-sengħa jagħtu l-lezzjonijiet
[Kaxxa f’paġna 24]
“L-GĦEMIL VERU T’ALLA”
“Il-kumpaniji taʼ l-assigurazzjoni jsejħu d-diżastri naturali bħala għemejjel t’Alla,” innota membru tal-kumitat għall-għajnuna. “Madankollu,” żied hu, “il-volontieri li ħadmu hawn għal dawk ix-xhur kollha huma l-għemil veru t’Alla. Il-fratellanza tagħna hija miraklu!” Matul dan ix-xogħol t’għajnuna, 2,500 volontier jew iktar kienu jiġu jaħdmu fi tmiem il-ġimgħa. Iċ-chairman tal-kumitat qal: “Dawk il-volontieri mhux imħallsin ħassru l-vaganzi li kienu ppjanaw, irranġaw mill-ġdid l-iskedi tagħhom tal-familja, u ħallew affarijiet persunali għal iktar tard biex jgħinu f’wieħed mill-akbar xogħlijiet t’għajnuna li qatt saru mix-Xhieda taʼ Jehovah.”
Il-kampanja twila t’għajnuna kienet teħtieġ sagrifiċċji. Volontier wieħed li appoġġa x-xogħol mill-bidu sa l-aħħar kellu impjieg sekulari taʼ 50 siegħa fil-ġimgħa. Madankollu, hu qattaʼ 40 siegħa kull ġimgħa fix-xogħol t’għajnuna. “Jehovah tani s-saħħa,” qal hu. “Xi nies li jafuni jistaqsuni, ‘Titħallas għalih dax-xogħol?’ Jien ngħidilhom, ‘L-ebda ammont taʼ flus ma kien se jġagħalni nagħmlu.’” Fi tmiem il-ġimgħa, wara ġimgħa sħiħa taʼ xogħol sekulari, familja mill-istat taʼ Louisiana kienet tivvjaġġa bil-karozza 800 kilometru biex tgħin fix-xogħol t’għajnuna. Ħafna ħadmu minn fil-għodu sa fil-għaxija u mbagħad kienu jivvjaġġaw lura d-dar bil-karozza. Grupp wieħed taʼ 30 volontier tas-sengħa, li kien jagħmel vjaġġ bil-karozza taʼ bejn sebgħa u għaxar sigħat biex jasal fuq il-post, qal: “Sewa ħafna li għamilna dan.” Volontiera oħra kienet titlaq mix-xogħol sekulari tagħha fit-3:30 p.m. u mbagħad kienet taħdem b’mod volontarju fiċ-ċentru amministrattiv sa l-10:00 p.m. Kienet tgħin ukoll fi tmiem il-ġimgħa. “Inħossni sodisfatta,” qalet hi.
Tabilħaqq, dawn u l-volontieri l-oħrajn kollha kienu lesti li jgħinu għax kellhom imħabba għal ħuthom—il-marka li tidentifika lill-Kristjani veri. (Ġwann 13:35) Is-sindku taʼ Houston żar iċ-ċentru amministrattiv għax-xogħol t’għajnuna u ġie mqanqal jgħid hekk lil grupp taʼ Xhieda: “Intom temmnu li tridu tagħmlu dak li Alla jgħidilna nagħmlu. Intom qed tipprattikaw dak li temmnu.”
[Stampa f’paġna 20, 21]
L-ilmijiet jinvadu lil Houston, 9 taʼ Ġunju, 2001
[Sors]
© Houston Chronicle
[Stampa f’paġna 21]
Toroq kbar u wesgħin saru xmajjar
[Stampa f’paġna 21]
L-ilma daħal jiġri fid-djar
[Stampa f’paġna 23]
Xi wħud mill-eluf taʼ Xhieda li qdew bħala volontieri
[Stampa f’paġna 24]
It-tim tal-kċina pprepara iktar minn kwart taʼ miljun ikla!
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 19]
NOAA