“Ejjew Għandi, . . . U Jiena Nserraħkom”
“Ħa Nagħmlu l-Ġid maʼ Kulħadd”
L-ATTIVITÀ primarja taʼ Ġesù kienet li jippriedka u jgħallem l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mark 1:14; Luqa 8:1) Peress li s-segwaċi taʼ Kristu jixtiequ jimitawh, huma jħarsu lejn ix-xogħol taʼ li jgħallmu l-messaġġ Bibliku dwar is-Saltna t’Alla bħala l-iktar attività importanti f’ħajjithom. (Luqa 6:40) Ix-Xhieda taʼ Jehovah iqawwu qalbhom tabilħaqq hekk kif jaraw li l-messaġġ tas-Saltna qed iġib serħan dejjiemi lil dawk li jaċċettawh—l-istess bħalma għamel meta Ġesù kien fuq l-art.—Mattew 11:28-30.
Minbarra li għallem il-Kelma t’Alla, Ġesù wettaq għemejjel tajbin oħra, bħal meta fejjaq lill-morda u temaʼ lill-imġewħin. (Mattew 14:14-21) Bl-istess mod, ix-Xhieda taʼ Jehovah, minbarra li jagħmlu x-xogħol tagħhom taʼ li jgħallmu l-Bibbja, jgħinu wkoll lin-nies fil-bżonn. Fil-fatt, l-Iskrittura tħejji lill-Kristjani “għal kull ħidma tajba” u tħeġġiġhom biex ‘jagħmlu l-ġid maʼ kulħadd.’—Korsiv tagħna; Galatin 6:10; 2 Timotju 3:16, 17.
“Ħutna Kienu Hawn”
F’Settembru taʼ l-1999, terremot qawwi heżżeż lit-Tajwan. Ftit xhur wara dan, xita bil-qliel u valangi ġabu wieħed mill-agħar diżastri naturali li qatt ġraw fl-istorja tal-Venezwela. Dan l-aħħar, għargħar qawwi ħarbat il-pajjiż tal-Możambik. Fit-tliet każijiet, ix-Xhieda taʼ Jehovah malajr waslu fil-post bi provvisti taʼ ikel, ilma, mediċina, ħwejjeġ, tined, u apparat tat-tisjir għall-vittmi. Volontieri li għandhom kwalifiki fil-kura medika waqqfu kliniki temporanji sabiex idewwu lil dawk li weġġgħu, u ħaddiema volontieri tal-bini bnew djar ġodda għal dawk li spiċċaw bla dar.
Il-vittmi ġew imqanqlin mill-għajnuna f’waqtha li ngħataw. “Meta konna l-iktar fil-bżonn, ħutna kienu hawn,” tgħid Malyori, li d-dar tagħha fil-Venezwela nqerdet għalkollox b’valanga. Wara li l-volontieri bnew dar ġdida fjamanta għall-familja tagħha, Malyori esklamat: “Qatt ma nistgħu nirringrazzjawh biżżejjed lil Jehovah għal dak kollu li għamel magħna!” U meta l-vittmi taʼ l-għargħar fil-Możambik ngħataw iċ-ċwievet għad-djar tagħhom li nbnew mill-ġdid, il-grupp kollu nfexx ikanta l-għanja tas-Saltna “Jehovah Hu l-Kenn Tagħna.”a
L-għajnuna lil uħud fil-bżonn kienet taʼ serħan għall-volontieri wkoll. “Ħassejtni kuntent li stajt inkun t’għajnuna għall-aħwa li tant batew,” osserva Marcelo, li qeda bħala infermier f’kamp tar-refuġjati fil-Możambik. Huang, volontier fit-Tajwan, osserva: “Kemm ħadt pjaċir li stajt nagħti sehmi biex inqassam l-ikel u t-tined lill-aħwa fil-bżonn! Veru saħħaħli l-fidi dan.”
Programm tal-Volontieri li Jagħti r-Riżultati
Ix-xogħol volontarju ġab serħan ukoll lil għaxriet t’eluf taʼ priġunieri madwar id-dinja. Kif? F’dawn l-aħħar snin, ix-Xhieda taʼ Jehovah ipprovdew letteratura Biblika għal iktar minn 30,000 persuna miżmumin f’xi 4,000 ħabs fl-Istati Uniti biss. Barra minn hekk, fejn ikun possibbli, ix-Xhieda jżuru l-ħabsijiet personalment sabiex jistudjaw il-Bibbja mal-ħabsin u jikkonduċu laqgħat Kristjani. Jibbenefikaw il-ħabsin?
Xi ħabsin li jistudjaw il-Bibbja jibdew jaqsmu maʼ sħabhom il-ħabsin it-tagħlim li jġib serħan tal-Kelma t’Alla. Bħala riżultat, f’xi ħabsijiet madwar id-dinja issa hemm gruppi ġodda taʼ ħabsin li jqimu lil Jehovah flimkien. “Il-grupp tagħna qed ikollu suċċess,” irrapporta ħabsi f’Oregon, l-Istati Uniti taʼ l-Amerika, fl-2001. “Għandna 7 pubblikaturi tas-Saltna u qed nikkonduċu 38 studju tal-Bibbja. Iktar minn 25 persuna jattendu għat-taħdita pubblika u l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa, u kellna 39 fl-attendenza għall-Mafkar [tal-mewt taʼ Kristu]. Tliet persuni oħra se jitgħammdu dalwaqt!”
Il-Benefiċċji u l-Ferħ
L-uffiċjali tal-ħabs innotaw li dan il-programm tal-volontieri jirnexxi. Dak li jimpressjona lill-uffiċjali l-iktar huwa l-benefiċċju dejjiemi taʼ dan il-programm tal-volontieri. Rapport wieħed jinnota: “Fl-għaxar snin li ilu għaddej dan il-programm, l-ebda ħabsi li nħeles u kien ġie mgħammed fil-ħabs bħala Xhud taʼ Jehovah ma reġaʼ lura l-ħabs—b’kuntrast mal-50-60 fil-mija taʼ dawk li jirritornaw mill-gruppi l-oħra.” Imqanqal mir-riżultati li kisbu x-Xhieda volontieri, kappillan taʼ ħabs f’Idaho qal f’ittra li kiteb lill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah: “Minkejja li personalment ma naqbilx mat-teoloġija tagħkom, ninsab verament impressjonat bl-organizzazzjoni tagħkom.”
Il-volontieri jħossuhom premjati wkoll meta jgħinu lil dawk fil-ħabs. Wara li mexxa laqgħa maʼ grupp taʼ ħabsin li kantaw għanja tas-Saltna għall-ewwel darba, wieħed volontier kiteb: “Kien verament inkuraġġanti li tara 28 minn dawn l-irġiel jingħaqdu flimkien biex jgħannu tifħir lil Jehovah. U tgħidx kemm kantaw b’leħen għoli! Xi privileġġ li tkun preżenti għal okkażjoni bħal din!” Volontier li jżur il-ħabsijiet taʼ Arizona qal: “Kemm kien taʼ barka li stajna nieħdu sehem f’dan ix-xogħol speċjali!”
Xhieda volontieri madwar id-dinja jaqblu minnufih maʼ Ġesù, li qal: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Huma jikkonfermaw ukoll li meta jsegwu t-twissija tal-Bibbja li jagħmlu l-ġid maʼ kulħadd ikollhom serħan tassew.—Proverbji 11:25.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-għanja numru 85 fil-ktieb Għannu Tifħir lil Jehovah, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Stampa f’paġna 8]
Venezwela
[Stampa f’paġna 8]
Tajwan
[Stampa f’paġna 8]
Możambik