Vjaġġ Spettakolari
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-KENJA
L-ART titriegħed bil-ħoss tat-taħbit taʼ eluf u eluf taʼ saqajn. Il-qatgħa kbira t’annimali jonfħu, tiġri ’l quddiem u ttellaʼ sħaba kbira taʼ trab aħmar. L-annimali jiġru bil-galopp fuq saqajn irqaq waqt li jgħaddu qalb widien u għoljiet, artijiet miftuħa miksija bil-ħaxix, u jaqsmu xmajjar u nixxigħat. Huma jibqgħu għaddejjin f’massa kbira, u jħallu warajhom medda kbira taʼ art bil-ħaxix kollu maqtugħ sa l-għeruq. Din il-qatgħa kbira taʼ bhejjem jgħajtu u jiġru kemm jifilħu toħloq spettaklu naturali mill-isbaħ fuq wiċċ l-art—il-vjaġġ spettakolari tal-wildebeests.
Il-Ġnien taʼ l-Għeden taʼ l-Afrika
Is-Serengeti hija art salvaġġa. Din l-art, li tinsab ġol-pajjiżi tat-Tanzanija u l-Kenja, hija art enormi mimlija ħaxix, u kbira madwar 30,000 kilometru kwadru. Hawnhekk, l-art hi miksija b’saff ħamrija vulkanika li hija fertili ħafna, u dan joħloq il-kundizzjonijiet ideali għall-ħaxix kotran u frisk li jifforma qisu tapit maʼ kullimkien. Hemm postijiet bil-boskijiet taʼ l-akaċja u savanna tas-siġar tax-xewk li jipprovdu l-weraq frisk għal familji sħaħ taʼ ljunfanti li jkunu qed ifittxu x’jieklu. Qtajjaʼ taʼ ġiraffi kollhom grazzja jimxu tul is-savanna bil-passi twal u bil-mod tagħhom.
F’xi nħawi, is-saffi tal-granit mixrufin ’il barra li llixxjaw bir-riħ u x-xita li tagħmel, jogħlew ’il fuq mill-pjanuri u jipprovdu postijiet mill-aħjar fejn l-iljuni u l-leopardi jaraw xi jkun għaddej taħthom. Xmajjar li jiġru bil-ħeffa illi jserrpu minn ġo l-art huma mimlijin ippopotami u kukkudrilli. ’Il barra fl-art fil-beraħ, wieħed jistaʼ jara qtajjaʼ taʼ wildebeests u ħafna tipi taʼ antelop oħrajn jirgħu. Żebri bil-għatx jinġabru ħdejn l-għadajjar, u jduru madwarhom qishom ġiżirajjen biż-żibeġ bojod u suwed. Tipi oħrajn t’antelop mingħajr ebda sforz taʼ xejn jgħaddu jiġru u jaqbżu qabżiet kbar forma taʼ nofs ċirku. Qtajjaʼ kbar tal-cape buffalo, bil-qrun kbar u mdawrin tagħhom u b’ġisimhom muskolat, jirgħu bil-kwiet u jaqilgħu gzuz kbar taʼ ħaxix bil-ħalq kbir li għandhom.
Gruppi taʼ ljuni huma komuni ħafna fis-Serengeti. Waqt is-sħana tal-ġurnata huma joqogħdu jitgħażżnu fid-dell tas-siġar kbar u żgħar, jistennew l-arja kiesħa taʼ fil-għaxija biex jikkaċċjaw. Il-leopardi ttikkjati jkunu kważi inviżibbli fejn ikunu mixħutin, mitluqin b’eleganza fuq il-friegħi għoljin tas-siġar, moħbijin tajjeb qalb il-weraq minħabba d-dawl li jgħaddi minn bejn il-friegħi. Iċ-cheetah, li tiġri daqs berqa, issib l-art miftuħa li hemm bħala post ideali għall-ġiri. Il-ġisem irqajjaq tagħha jiċċajpar hekk kif tiġri fil-witat biex tfittex xi priża.
Iva, l-ekosistema tas-Serengeti tipprovdi ġenna għall-ħajja taʼ l-annimali li hija meravilja biex taraha! Imma huma l-qtajjaʼ kbar taʼ wildebeests li jipproduċu waħda mill-akbar meravilji tan-natura fid-dinja taʼ l-annimali.
Il-Buffu tal-Pjanuri
Hemm madwar 1.5 miljun wildebeest jimirħu fis-Serengeti. Dan l-annimal għandu dehra stramba, b’ras tawwalija u għajnejn ileqqu li huma mbegħdin ħafna minn xulxin fin-naħa taʼ fuq tar-ras. Il-qarn tiegħu, li jixbah lil dak taʼ baqra, huwa mgħawweġ ftit ’l isfel u ’l barra u mbagħad idur ’il fuq. Dahru jiżżerżaq ’l isfel lejn is-saqajn taʼ wara li jidhru dgħajfin u żgħar wisq ħdejn l-ispalel u l-għonq b’saħħtu li għandu dan l-annimal. Saqajn nexfin u rqaq iġorru t-toqol tal-ġisem tqil tal-wildebeest. B’daqna twila bajdanija taħt geddumu, xagħar skur fuq għonqu, u denb bħal dak taʼ żiemel, il-wildebeest qisu xi taħlita taʼ ħafna annimali f’daqqa.
Il-buffunati tal-wildebeest ħafna drabi huma verament tad-daħq. Meta jinġabru fi qtajjaʼ kbar, huma jagħmlu ħafna għajat storbjuż li jixbah lil xi kor t’eluf taʼ żrinġijiet. X’ħin ikunu weqfin fil-beraħ, jidhru donnhom imħawdin u skantati hekk kif jiċċassaw lejn id-dinja taʼ madwarhom.
Kultant, xi wildebeest raġel jibda jiġri fil-witat, jaqbeż laġenba u jiġri f’forma taʼ ċirku. Hu u jċaqlaq rasu, jibda jgħawweġ dahru ’l fuq u jaqbeż ’il quddiem u lura waqt li jżomm saqajh dritti, filwaqt li jtajjar it-trab b’tali mod li verament idaħħqek. Hemm min jgħid li dawn il-wirjiet isiru bil-ħsieb li jimpressjonaw lill-wildebeests nisa jew biex javżaw lil irġiel oħra b’wirja taʼ qlubija. Iżda, xi drabi l-wildebeest raġel jistaʼ jkun li qed jagħmel hekk għax iħossu mimli enerġija.
Jitwieled f’Dinja Ostili
Meta jkun wasal iż-żmien, il-wildebeests jibdew jildu. Huma għandhom l-abbiltà unika li jagħżlu li jildu fl-istess ħin, billi jkollhom minn 80 sa 90 fil-mija miż-żgħar f’perijodu taʼ tliet ġimgħat. Matul dan il-perijodu, il-qatgħa timtela b’eluf taʼ wildebeests żgħar jgħajtu. Kull omm trid tifforma rabta maʼ l-għoġol tagħha malajr kemm jistaʼ jkun għax jekk il-qatgħa jkollha taħrab malajr, l-omm u l-għoġol tagħha jistgħu jinfirdu faċilment, u l-għoġol ftit li xejn ikollu ċans li jgħix għal rasu.
Iż-żgħar jitwieldu f’dinja ostili taʼ predaturi li dejjem għassa. In-nisa jistennew sakemm ma jaraw l-ebda sinjal taʼ periklu qabel jibdew jildu. Madankollu, jekk jiġi xi predatur għal għarrieda, għandhom l-abbiltà inkredibbli li jwaqqfu l-proċess tat-twelid u jaħarbu. Imbagħad, iktar tard, meta ma jkunx hemm iktar periklu, ikunu kapaċi jkomplu t-twelid taʼ l-għoġol tagħhom.
L-għoġol stess donnu li minn mindu jitwieled ikun kapaċi jħoss il-periklu u jkun fuq saqajh wara ftit minuti biss mit-twelid. Wara ġimgħa, l-għoġol ikun jistaʼ jiġri fil-pjanura b’50 kilometru fis-siegħa.
Żmien biex Jibdew il-Vjaġġ
Il-wildebeests imorru minn post għall-ieħor ġos-Serengeti fi qtajjaʼ kbar. Ir-raġuni prinċipali għal dan il-vjaġġ taʼ numru daqshekk kbir taʼ wildebeests huwa x-xita. Ix-xita hija kontrollata miċ-ċikli taʼ kull sena li għandu t-temp. Matul is-sena normalment tagħmel ix-xita f’xi parti minn din l-art miftuħa u vasta.
Il-wildebeests għandhom bżonn l-ilma kuljum u l-ħin kollu jrid ikollhom il-ħaxix x’jieklu. Sakemm ikollhom il-ħaxix u l-ilma dawn jibqgħu fejn ikunu. Imma hekk kif jibda dieħel l-istaġun tan-nixfa, il-ħaxix tal-pjanuri jibda jinxef u l-ilma ma tarah imkien. Il-qtajjaʼ taʼ wildebeests ma jistgħux joqogħdu jistennew ix-xita tiġi għandhom. Huma jridu jimxu wara x-xita.
Kulfejn taqaʼ x-xita, il-pjanuri nexfin jinbidlu f’ħakka t’għajn. Fi ftit ġranet, il-ħaxix aħdar jibda ħiereġ minn ġol-ħamrija għammiela u jipproduċi abbundanza kbira taʼ ħdura. Dan il-ħaxix tari huwa mimli nutriment u ilma—attrazzjoni kbira għall-wildebeests.
Dawn il-ħlejjaq huma kapaċi jkunu jafu fejn hemm ix-xita, anki mill-bogħod ħafna. Ħadd ma jaf kif dawn ikunu jafu li nieżla x-xita f’xi parti oħra tas-Serengeti—jekk hux billi jaraw fil-bogħod is-sħab oħxon iriegħed fl-għoli jew billi jxommu l-umdità fl-arja xotta. Insomma, biex jgħixu, il-qtajjaʼ jridu jiċċaqalqu. U hekk jagħmlu!
Vjaġġ Perikoluż
Għall-ewwel, il-bidu tal-vjaġġ isir ftit ftit. Il-wildebeests huma annimali li jgħixu fi grupp; meta wieħed jibda jimxi f’ċerta direzzjoni, l-oħrajn li jkunu madwaru jieqfu jirgħu u jibdew jimxu warajh. F’kemm ilna ngħidu, il-qatgħa kollha tibda miexja kollha f’eżodu impressjonanti. Magħfusin mill-ġuħ u l-għatx, dawn l-annimali jkomplu jimxu. Kultant jiġru. Drabi oħra jimxu wieħed wara l-ieħor bil-lajma, u b’hekk joħolqu kanali fil-ħamrija xotta u kollha trab.
Il-vjaġġ tagħhom huwa mimli periklu. Il-predaturi jsegwu lil dawn il-qtajjaʼ kbar taʼ wildebeests, u jżommu għajnejhom miftuħin għal xi wieħed li jimxi bil-mod, ikun zopp, jew marid. Hekk kif il-wildebeests jimxu ’l quddiem, dawn jidħlu fit-territorji taʼ diversi gruppi taʼ ljuni li jkunu qed jistennewhom fil-moħbi. Moħbijin fil-ħaxix twil, l-iljuni jiġru qalb dawn l-annimali, u dawn tant jippanikkjaw li jinfirxu. Il-leopardi, iċ-cheetahs, il-klieb salvaġġi, u l-jeni kollha jieħdu vantaġġ minn xi annimal li jibqaʼ lura jew li jitbiegħed mill-grupp. Meta joqtlu lil xi wieħed, jibdew ħerġin l-għasafar tal-priża. Hekk kif jitqabdu u jiġġieldu fuq il-fdalijiet, dawn ma jħallu xejn ħlief qafas t’għadam, li jibjad fix-xemx taħraq taʼ l-Afrika.
Xmajjar li jiġru bil-ħeffa huma barrieri li jagħmluha diffiċli ħafna għall-wildebeests biex jaqsmuhom. Il-qsim tax-xmajjar huwa avveniment spettakolari, b’eluf t’annimali jinxteħtu u jintefgħu mix-xtut għoljin tax-xmara għal ġo l-ilma taʼ taħthom. Il-biċċa l-kbira minnhom jirnexxilhom jaslu san-naħa l-oħra qawwijin u sħaħ. Oħrajn jinġarru mill-kurrent jew jittieklu mill-kukkudrilli li jkunu qegħdin jistennewhom taħt wiċċ l-ilma. Dan il-vjaġġ perikoluż jiġri kull sena. Meta jitlesta, jistaʼ jkun ħa xi 3,000 kilometru.
Il-Bniedem—L-Akbar Predatur
Għal eluf taʼ snin, il-bniedem ma tantx kellu effett fuq dawn il-vjaġġi tal-wildebeests. Imma issa l-bniedem jippreżenta l-akbar theddida għal dan l-ispettaklu. F’dawn l-aħħar għaxriet taʼ snin, il-gvernijiet tat-Tanzanija u l-Kenja ħadmu kemm felħu biex jipproteġu lill-annimali fis-Serengeti. Imma, minkejja li l-biċċa l-kbira mill-vjaġġi tal-wildebeests isiru ġol-fruntieri protetti f’santwarji għall-annimali, eluf t’annimali xorta jispiċċaw jinqabdu u jinqatlu illegalment minn kaċċaturi illegali. Dawn ikunu armati b’nasbiet magħmulin mill-wajers, vleġeġ bil-velenu, u snieter, u jikkaċċjaw lill-annimali biex ibigħu l-laħam tagħhom jew inkella jbigħuhom bħala rikordji tal-kaċċa lil xerrejja ħerqana. Armata taʼ gwardjani u għassiesa taʼ l-annimali jagħmlu r-ronda fl-inħawi protetti, imma s-Serengeti tant hu kbir li tistaʼ tgħid huwa impossibbli biex tipproteġih kollu kemm hu. Hekk kif tikber il-popolazzjoni tan-nies, bil-mod il-mod iktar ikun hemm min irid jieħu minn din l-art fertili. Il-fatt li jiġu riservati artijiet kbar minħabba l-annimali u l-pjanti huwa dibattitu li dejjem għaddej.
Darba waħda, miljuni taʼ bufli—barrin salvaġġi—kienu jiġru fil-pjanuri taʼ l-Amerika taʼ Fuq. Illum il-ġurnata spiċċaw. Hemm min jibżaʼ li l-istess tmiem qed jistenna lill-qtajjaʼ kbar tal-wildebeests fl-Afrika tal-Lvant. Tkun ġurnata taʼ niket kbir jekk ikollna nesperjenzaw it-telfa taʼ meravilja tan-natura kbira bħal din. Aħna nistennew bil-ħerqa l-jum meta taħt il-ħakma ġusta t’Alla, il-bniedem u l-annimali se jgħixu f’bilanċ u armonija perfetta. (Isaija 11:6-9) Sadanittant, aħna se nkomplu nistagħġbu b’din il-ġrajja meraviljuża—il-vjaġġ spettakolari tal-wildebeests.
[Stampa f’paġna 18]
Il-qtajjaʼ jridu jaqsmu xmajjar li jiġru bil-ħeffa