LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 11/8 pp. 3-4
  • L-Abbuż tal-Bulijiet—Problema Madwar id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Abbuż tal-Bulijiet—Problema Madwar id-Dinja
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Abbuż tal-​Bulijiet Issibu Madwar id-​Dinja
  • Il-​Post tax-​Xogħol
  • L-Abbuż tal-Bulijiet—X’Jikkaġunah u X’Effetti Jħalli
    Stenbaħ!—2003
  • Il-bullying—Kif Nistaʼ Nkampa Miegħu?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Kif Teħles mill-Abbuż tal-Bulijiet
    Stenbaħ!—2003
  • Kif nistaʼ nkampa mal-​bullying fl-​iskola?
    Tweġibiet għal 10 mistoqsijiet li ż-żgħażagħ jistaqsu
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 11/8 pp. 3-4

L-​Abbuż tal-​Bulijiet—Problema Madwar id-​Dinja

“Jekk tiġi l-​iskola għada, noqtluk.”—Studenta mill-​Kanada li jisimha Kristen irċiviet din it-​theddida bit-​telefon mingħand tfajla anonima.a

“M’iniex xi bniedma emozzjonali, imma spiċċajt fi stat li ma ridtx immur l-​iskola. Kien juġgħani l-​istonku, u kull fil-​għodu wara li niekol xi ħaġa, kont naqlaʼ kollox.”— Hiromi, studenta adolexxenti fil-​Ġappun, tiftakar l-​esperjenza tagħha mal-​bulijiet.

QATT kellek tiffaċċja xi bùli? Ħafna minna għaddejna minn din l-​esperjenza xi darba jew oħra. Jistaʼ jkun li ġratilna l-​iskola jew fil-​post tax-​xogħol, jew saħansitra ġratilna fid-​dar stess—fejn dan l-​abbuż mill-​poter qed isir verament spiss f’dan iż-​żmien. Per eżempju, sors mill-​Britannja jikkalkula li 53 fil-​mija taʼ l-​adulti jiġu abbużati verbalment minn xi bùli bħas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom fiż-​żwieġ jew li jkunu jgħixu magħhom. Il-​bulijiet u l-​vittmi tagħhom jistgħu jkunu kemm irġiel kif ukoll nisa u minn kwalunkwe sfond f’kull parti tad-​dinja.b

X’jinvolvi eżattament l-​abbuż tal-​bulijiet? M’huwiex l-​istess bħal meta xi ħadd jagħtik fastidju jew jheddek li se jattakkak. Ġeneralment jinvolvi ħafna ġrajjiet żgħar li jinġemgħu maż-​żmien iktar milli xi ħaġa li tiġri darba jew ftit drabi. Il-​psikologu Dan Olweus, li hu minn taʼ quddiem fl-​istudju sistematiku dwar l-​abbuż tal-​bulijiet, jidentifika xi elementi komuni taʼ din l-​imġiba. Fosthom hemm li l-​individwu jkun aggressiv minnu nnifsu u li jkun hemm differenza notevoli fejn tidħol is-​saħħa.

Forsi m’hemmx spjegazzjoni waħda li tkopri l-​aspetti kollha taʼ l-​abbuż tal-​bulijiet, imma dan ġie msejjaħ bħala li individwu “minn jeddu, u b’mod intenzjonat ikun jixtieq jagħmel il-​ħsara lil ħaddieħor u jagħmillu pressjoni.” Il-​pressjoni ssir mhux biss b’dak li fil-​fatt iseħħ imma anki minħabba l-​biżaʼ minn dak li jistaʼ jseħħ. It-​tattiċi għandhom mnejn jinkludu tinbix kattiv, kritika kontinwa, insulti, tqassis, u rikjesti li ma jkunux raġunevoli.—Ara l-​kaxxa f’paġna 4.

Kristen, l-​adolexxenti li ssemmiet fil-​bidu, matul ħafna mis-​snin li qattgħet l-​iskola kienu jaqbdu magħha l-​bulijiet. Fl-​iskola primarja, il-​bulijiet kienu jwaħħlulha ċ-​chewing gum maʼ xagħarha, jinkuha bid-​dehra tagħha, u jhedduha li se jsawtuha. Fl-​iskola sekondarja, l-​affarijiet marru għall-​agħar—saħansitra kien hemm min ċemplilha biex jgħidilha li se joqtolha. Issa li għandha 18-il sena hi tilmenta: “Suppost tmur l-​iskola biex titgħallem, mhux biex tiġi mhedded li se joqtluk u biex tissawwat.”

Professjonista tas-​saħħa mentali tgħid: “Dan hu aspett ikrah imma komuni fir-​relazzjonijiet umani u l-​forzi li jinfluwenzaw l-​imġiba tan-​nies. Xi nies iħossuhom aħjar meta jċekknu lil oħrajn.” Meta din l-​imġiba tiggrava, tistaʼ twassal biex dak li jkun ipattiha b’mod vjolenti jew saħansitra sseħħ xi traġedja. Per eżempju, wieħed xufier, li kellu diffikultà biex jitkellem, tant kien jaqlaʼ tinbix u abbuż minn xi bulijiet li fl-​aħħar spiċċa biex qatel erbgħa minn sħabu tax-​xogħol u mbagħad spara lilu nnifsu.

L-​Abbuż tal-​Bulijiet Issibu Madwar id-​Dinja

L-​abbuż tal-​bulijiet fost it-​tfal taʼ l-​iskola jseħħ madwar id-​dinja kollha. Stħarriġ pubblikat fir-​rivista Pediatrics in Review juri li fin-​Norveġja, 14 fil-​mija tat-​tfal huma jew bulijiet jew vittmi tagħhom. Fil-​Ġappun, 15 fil-​mija taʼ l-​istudenti taʼ l-​iskola primarja jgħidu li jiġu abbużati mill-​bulijiet, waqt li fl-​Awstralja u fi Spanja l-​problema teżisti fost 17 fil-​mija taʼ l-​istudenti. Fil-​Britannja, espert wieħed jikkalkula li 1.3 miljun mit-​tfal huma involuti fl-​abbuż tal-​bulijiet.

Il-professur Amos Rolider tal-​Kulleġġ Emek Yizre’el għamel studju fuq 2,972 student f’21 skola. Skond The Jerusalem Post, il-​professur sab li “65% ilmentaw li studenti sħabhom sawtuhom, tawhom bis-​sieq, imbottawhom jew ippersegwitawhom.”

Mod ġdid taʼ abbuż tal-​bulijiet li huwa iktar fin huwa dak li jsir b’mod diġitali—meta jintbagħat theddid bil-​messaġġi bit-​telefons ċellulari u bil-​kompjuters. Iż-​żgħażagħ joħolqu wkoll paġni fl-​Internet li jkunu mimlijin mibegħda għal vittma, inkluż xi informazzjoni persunali. Skond Dr. Wendy Craig taʼ l-​Università taʼ Queen fil-​Kanada, din il-​forma taʼ abbuż mill-​bulijiet hija “taʼ ħsara enormi għat-​tfal li jkunu vittmi tagħha.”

Il-​Post tax-​Xogħol

Qed ikun hemm ħafna lmenti li dejjem jiżdiedu dwar vjolenza fil-​post tax-​xogħol u l-​iktar li jsiru hu minħabba l-​abbuż tal-​bulijiet. Fil-​fatt, xi pajjiżi jirrapportaw li dan l-​abbuż hu iktar komuni mid-​diskriminazzjoni razzjali jew il-​fastidju sesswali. Kull sena, xi 1 minn kull 5 ħaddiema fl-​Amerika jiffaċċja l-​abbuż tal-​bulijiet.

Fil-Britannja rapport li ħareġ fis-​sena 2000 mill-​Istitut tax-​Xjenza u tat-​Teknoloġija fl-​Università taʼ Manchester kien jgħid li minn 5,300 impjegat f’70 organizzazzjoni, 47 fil-​mija rrapportaw li raw abbużi tal-​bulijiet f’dawn l-​aħħar ħames snin. Stħarriġ li sar mill-​Unjoni Ewropea fl-​1996 ibbażat fuq 15,800 intervista fil-​15-il stat li huma membri tagħha wera li 8 fil-​mija​—xi 12-il miljun ħaddiem—kellhom lil min ipprova jbeżżagħhom jew li abbuża minnhom bħala bùli.

Kemm jekk fil-​bitħa taʼ l-​iskola jew fil-​post tax-​xogħol, il-​bulijiet kollha jidhru li għandhom drawwa komuni—li jużaw il-​poter biex iweġġgħu jew jumiljaw lil ħaddieħor. Imma għala xi nies jagħmluha taʼ bulijiet? X’inhuma l-​effetti? U x’jistaʼ jsir dwar dan l-​abbuż?

[Noti taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b Għalkemm f’dan l-​artiklu spiss nirreferu għall-​bùli bħala li hu raġel, il-​prinċipji ġeneralment japplikaw għall-​bulijiet nisa wkoll.

[Kaxxa f’paġna 4]

Tipi taʼ Bulijiet

◼ Bulijiet li Jabbużaw Fiżikament: Dawn huma l-​iktar bulijiet li faċli tinduna bihom. Huma juru r-​rabja tagħhom billi jsawtu, jimbottaw, jew jagħtu bis-​sieq lill-​vittma tagħhom—jew inkella jagħmlu l-​ħsara lill-​affarijiet tiegħu.

◼ Il-​Bulijiet li Jabbużaw Verbalment: Dawn jużaw kliem li jweġġaʼ jew jumiljaw lill-​vittma tagħhom billi joqogħdu jgħajruha, jinsultawha, jew jinkuha bl-​aħrax u spiss.

◼ Bulijiet li Jimmiraw Lejn ir-​Relazzjonijiet: Dawn ixerrdu xnigħat koroh dwar il-​vittma tagħhom. Din l-​imġiba ssibha l-​iktar fil-​bulijiet nisa.

◼ Bulijiet li Kienu Vittmi Huma Stess: Dawn huma vittmi taʼ xi bùli li jispiċċaw bulijiet huma stess. M’għandniex xi ngħidu, il-​fatt li huma stess kienu vittmi taʼ xi bùli ma jiskużax l-​imġiba tagħhom; jgħin biss biex jispjegaha.

[Sors]

Sors: Take Action Against Bullying (Aġixxi Kontra l-​Abbuż tal-​Bulijiet), minn Gesele Lajoie, Alyson McLellan, u Cindi Seddon

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja