LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 9/8 pp. 28-29
  • Veru li Alla Jberikna bl-Għana?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Veru li Alla Jberikna bl-Għana?
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imberkin għal Skop
  • Kif Alla Jberikna
  • Iktar Prezzjuża mid-​Deheb u l-​Fidda
  • Prosperità Vera fid-Dinja l-Ġdida t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Għandhom il-Kristjani Jkunu Foqra?
    Stenbaħ!—2003
  • Jistaʼ l-Għana Jagħmlek Hieni?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Int “Għani m’Alla”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Stenbaħ!—2003
g03 9/8 pp. 28-29

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Veru li Alla Jberikna bl-​Għana?

“Il-​barka tal-​Mulej iġġib l-​għana, u xejn ma jżid magħha t-​taħbit tagħna.”​—PROVERBJI 10:22.

TFISSER l-​iskrittura kwotata mill-​Bibbja li għandna hawn fuq illi Alla jbierek lill-​qaddejja tiegħu b’għana materjali? Xi nies hekk jemmnu. Ikkunsidra x’qal predikatur u awtur Pentekostali Awstraljan: “Fil-​ktieb [tiegħi] se ngħidilkom għala għandkom bżonn iktar flus u t-​tieni kif tistgħu tiksbu iktar flus . . . Jekk tistgħu tibdlu l-​ħsibijiet tagħkom u tiżviluppaw attitudni xierqa lejn il-​flus, jien nemmen li se timxu bil-​barka u r-​riżq t’Alla u qatt iktar ma se jerġaʼ jkollkom problema bil-​flus.”

Madankollu, dak li qal jissuġġerixxi li l-​foqra m’għandhomx il-​favur t’Alla. Huwa r-​riżq materjali verament sinjal tal-​barka t’Alla?

Imberkin għal Skop

Dak li hemm imniżżel fil-​Bibbja jinkludi każi fejn Alla bierek lill-​qaddejja leali tiegħu bl-​għana. Per eżempju, Ġakobb, telaq minn daru b’ħatar biss f’idejh iżda 20 sena wara, meta ġie lura, kellu biżżejjed nagħaġ, baqar, u ħmir biex jifforma żewġ kampijiet. Skond il-​Bibbja, ir-​riżq taʼ Ġakobb kien għotja mingħand Alla. (Ġenesi 32:11 [32:​10, NW]) Eżempju ieħor: Ġob tilef kulma kellu, madankollu, Jehovah iktar tard bierku b’“erbatax-il elf nagħġa u sitt elef ġemel, elf żewġ barrin u elf ħmara.” (Ġob 42:12) Lil Salamun, Jehovah tant tah għana kbir li dan il-​fatt għadu jissemma sa llum.—1 Slaten 3:13.

Mill-​banda l-​oħra, il-​Bibbja fiha ħafna rakkonti t’aduraturi leali u ubbidjenti t’Alla li kienu foqra. Żgur li Alla ma kienx qed jikkastiga lil xi wħud bil-​faqar waqt li jbierek lil oħrajn bir-​riżq. Imma allura, Alla għal liema skop bierek bl-​għana f’ċerti każijiet?

It-tweġiba hija differenti f’kull każ. Il-​barka materjali taʼ Ġakobb ifformat bażi biex fuqha jinbena ġens, bi tħejjija għan-​Nisel imwiegħed li kien ġej. (Ġenesi 22:​17, 18) Ir-​riżq taʼ Ġob wera biċ-​ċar min kien li ġab l-​hemm kbir fuq Ġob, u b’hekk isem Jehovah ġie mqaddes. (Ġakbu 5:11) U Salamun uża ħafna mill-​għana li tah Alla biex jibni tempju li ma bħalu. (1 Slaten 7:​47-51) Huwa interessanti li Jehovah uża wkoll lil Salamun biex jikteb mill-​esperjenza persunali tiegħu dwar il-​valur limitat taʼ l-​għana.—Koħèlet 2:​3-11; 5:9 (5:​10, NW); 7:12.

Kif Alla Jberikna

Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu kif ikollhom attitudni bilanċjata lejn il-​flus meta qalilhom biex ma ‘jinkwetawx’ dwar dak li għandhom. Hu rraġuna magħhom li lanqas Salamun fil-​glorja kollha tiegħu ma kien jilbes bħal wieħed mill-​ġilji taʼ l-​għelieqi. Madankollu, Ġesù qal: “Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa . . . kemm aktar lilkom, nies taʼ fidi ċkejkna!” Ġesù aċċerta lill-​Kristjani li jekk is-​segwaċi tiegħu jfittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja t’Alla, imbagħad hu kien se jagħtihom l-​ikel, l-​ilbies, u post fejn jgħixu. (Mattew 6:​25, 28-33) Kif titwettaq din il-​wegħda?

Meta dak li jkun isegwi l-​pariri tal-​Bibbja se jkollu b’mod speċjali ħafna barkiet spiritwali. (Proverbji 10:22) Madankollu, se jibbenefika b’modi oħra. Per eżempju, il-​Kelma t’Alla tgħallem lill-​Kristjani: “Iqis il-​ħalliel li ma jisraqx aktar; imma jaħdem bl-​onestà.” (Efesin 4:28) Din tgħid ukoll li “id l-​għażżien iġġib fuqu l-​faqar, imma id il-​bieżel iġġiblu l-​għana.” (Proverbji 10:4) Spiss Kristjani onesti u beżlin li jsegwu dan il-​parir ikunu preferuti bħala ħaddiema. Din tistaʼ tkun barka.

Il-Bibbja tgħallem ukoll lill-​Kristjani biex jevitaw id-​divertiment rgħib tal-​logħob tal-​flus, il-​prattika mniġġsa tat-​tipjip, u l-​vizzju qerriedi tas-​sokor. (1 Korintin 6:​9, 10; 2 Korintin 7:1; Efesin 5:5) Dawk li jsegwu dan il-​parir isibu li jibdew jonfqu inqas u saħħithom tmur għall-​aħjar.

Iktar Prezzjuża mid-​Deheb u l-​Fidda

Xorta waħda, ma nistgħux nistrieħu fuq ir-​riżq materjali bħala l-​unika ħaġa li tindika l-​approvazzjoni u l-​barka taʼ Jehovah. Per eżempju, Ġesù kixef il-​kundizzjoni fqira spiritwalment taʼ xi Kristjani f’Laodiċija meta qalilhom: “Int tgħid, ‘Jiena għani, jiena stagħnejt u ma jonqosni xejn’, bla ma taf li l-​imsejken huwa int, taʼ min jitħassrek, fqir, agħma u għeri.” (Apokalissi 3:17) Mill-​banda l-​oħra, lill-​Kristjani fi Żmirna li kienu foqra materjalment iżda f’saħħithom spiritwalment, Ġesù qalilhom: “Jiena naf it-​taħbit u l-​faqar tiegħek, għad li inti għani.” (Apokalissi 2:9) Wisq probabbli dawn il-​Kristjani batew finanzjarjament f’idejn dawk li ppersegwitawhom minħabba l-​fedeltà tagħhom. Madankollu, huma kellhom għana ħafna iktar prezzjuż mill-​fidda u d-​deheb.—Proverbji 22:1; Lhud 10:34.

Alla Jehovah ibierek l-​isforzi taʼ dawk li jħabirku biex jagħmlu r-​rieda tiegħu. (Salm 1:​2, 3) Hu jagħtihom is-​saħħa u r-​riżorsi biex ikampaw mal-​provi, biex jipprovdu għall-​familji tagħhom, u biex ifittxu l-​ewwel is-​Saltna tiegħu. (Salm 37:25; Mattew 6:​31-33; Filippin 4:​12, 13) Għalhekk, minflok ma jqisu l-​affarijiet materjali bħala l-​barka prinċipali t’Alla, il-​Kristjani veri jħabirku biex “jistagħnu b’opri tajba.” Billi jiżviluppaw relazzjoni mill-​qrib mal-​Ħallieq, il-​Kristjani jkunu qed “jaħżnu għalihom infushom teżor sabiħ għal li ġej.”—1 Timotju 6:​17-19; Mark 12:​42-44.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja