Prosperità Vera fid-Dinja l-Ġdida t’Alla
DAVID,a raġel miżżewweġ u missier Kristjan, mar joqgħod l-Istati Uniti, u kien fiduċjuż li kien qed jagħmel l-aħjar ħaġa għalih u għal familtu. Għalkemm ma xtaqx iħalli lil martu u lil uliedu warajh, hu ħassu ċert li setaʼ jkollhom ħajja aħjar li kieku biss kellu iżjed flus. Għalhekk, hu aċċetta stedina mingħand xi qraba fi New York u ma damx ma sab impjieg hemmhekk.
Però, hekk kif beda jgħaddi ż-żmien, il-ħarsa ottimista taʼ David bdiet tiċċajpar. Rari kien ikollu ħin għal attivitajiet spiritwali. Kien hemm żmien meta kien kważi tilef il-fidi f’Alla. Kien biss wara li waqaʼ f’tentazzjoni morali li fl-aħħar irrealizza bir-realtà tas-sitwazzjoni li kien fiha. Peress li kien moħħu fil-prosperità materjali, hu bil-mod il-mod kien qed jitbiegħed minn dak kollu li verament kien importanti għalih. Kellu jagħmel xi bidliet.
Bħal David, ħafna jemigraw minn pajjiżi foqra kull sena, bit-tama li jtejbu s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom. Madankollu, ħafna drabi, huma jsofru telfa kbira spiritwali. Ħafna staqsew, ‘Jistaʼ Kristjan jiġri wara għana materjali u fl-istess ħin ikun għani m’Alla?’ Kittieba u mexxejja reliġjużi famużi jgħidu li dan huwa possibbli. Imma bħalma tgħallmu David u oħrajn, jistaʼ jkun diffiċli li tikseb waħda mingħajr ma titlef l-oħra.—Luqa 18:24.
Il-Flus M’Humiex Ħżiena
Il-flus, bla dubju, huma invenzjoni tal-bniedem. Bħal kull invenzjoni oħra, m’humiex ħżiena fihom infushom. M’humiex ħlief metodu kif tpartat ħaġa m’oħra. Barra minn hekk, meta jiġu użati b’mod xieraq, il-flus jistgħu jservu għal skop tajjeb. Per eżempju, il-Bibbja turi li ‘l-flus fihom il-kenn,’ speċjalment għall-problemi li għandhom x’jaqsmu mal-faqar. (Koħèlet 7:12) Għal xi wħud jidher li “l-flus jagħmlu tajjeb għal kollox.”—Koħèlet 10:19.
L-Iskrittura tikkundanna l-għażż u tinkuraġġixxi x-xogħol iebes. Aħna rridu nipprovdu għall-familja immedjata tagħna, u jekk ikollna xi ħaġa żejda, ikollna ‘xi ħaġa x’nagħtu lil min hu fil-bżonn.’ (Efesin 4:28; 1 Timotju 5:8) Iktar minn hekk, minflok ma tħeġġiġna biex inċaħħdu lilna nfusna, il-Bibbja tinkuraġġina biex nieħdu pjaċir b’dak li jkollna. Jintqalilna biex ‘nieħdu sehemna’ u nifirħu bil-frott taʼ xogħolna. (Koħèlet 5:17-19, [5:18-20, NW]) Fil-fatt, hemm diversi eżempji fil-Bibbja taʼ rġiel u nisa leali li kienu għonja.
Irġiel Leali li Kienu Għonja
Abraham, qaddej leali t’Alla, kiseb imrieħel kbar, ħafna fidda u deheb, u mijiet taʼ qaddejja għal daru. (Ġenesi 12:5; 13:2, 6, 7) Ir-raġel ġust Ġob ukoll kellu għana ġmielu—fi mrieħel, qaddejja, deheb, u fidda. (Ġob 1:3; 42:11, 12) Dawn l-irġiel kienu għonja anki skond il-livelli taʼ llum, imma kienu għonja wkoll m’Alla.
L-appostlu Pawlu jsejjaħ lil Abraham “il-missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-fidi.” Abraham la kien xħiħ u lanqas miġbud iżżejjed lejn dak li kellu. (Rumani 4:11; Ġenesi 13:9; 18:1-18) Bl-istess mod, Alla nnifsu ddeskriva lil Ġob bħala “perfett u tajjeb.” (Ġob 1:8) Hu kien dejjem lest li jgħin lill-foqra u lill-maħqurin. (Ġob 29:12-16) Kemm Abraham kif ukoll Ġob fdaw f’Alla iktar milli fl-għana li kellhom.—Ġenesi 14:22-24; Ġob 1:21, 22; Rumani 4:9-12.
Eżempju ieħor huwa s-Sultan Salamun. Bħala l-werriet tat-tron t’Alla f’Ġerusalemm, Salamun mhux biss ġie mbierek b’għerf divin imma wkoll b’abbundanza taʼ ġid u glorja. (1 Slaten 3:4-14) Għall-biċċa l-kbira taʼ ħajtu hu kien leali. Imma fl-aħħar snin taʼ ħajtu, ‘qalb [Salamun] ma baqgħetx kollha kemm hi mal-Mulej.’ (1 Slaten 11:1-8) Fil-fatt, l-esperjenza tiegħu taʼ niket turi biċ-ċar xi ftit min-nases komuni tal-prosperità materjali. Ikkunsidra xi ftit minnhom.
In-Nases tal-Prosperità
L-iktar periklu serju huwa meta tibda tħobb il-flus u dak li tistaʼ tixtri bihom. F’ċerti wħud, l-għana jipproduċi xenqa qawwija li qatt ma tiġi sodisfata. Fil-bidu tar-renju tiegħu, Salamun innota din it-tendenza f’oħrajn. Hu kiteb: “Min iħobb il-flus ma jixbax bil-flus, u min iħobb l-għana ma jixbax bil-qligħ. Dan ukoll hu frugħa.” (Koħèlet 5:9 [5:10, NW]) Iktar tard, kemm Ġesù kif ukoll Pawlu wissew lill-Kristjani dwar din l-imħabba qarrieqa.—Marku 4:18, 19; 2 Timotju 3:2.
Meta l-flus isiru l-interess primarju tagħna, iktar milli mezz biex jgħinuna nwettqu xi ħaġa, aħna nsiru inklinati għal kull tip taʼ tentazzjoni morali, inkluż il-gideb, is-serq, u t-tradiment. Ġuda l-Iskarjota, wieħed mill-appostli taʼ Kristu, ittradixxa lil sidu għal sempliċi 30 biċċa tal-fidda. (Marku 14:11; Ġwanni 12:6) Minħabba li marru fl-estrem, xi wħud saħansitra bidlu lil Alla mal-flus billi qiemu lilhom minflok lil Alla. (1 Timotju 6:10) Għalhekk, il-Kristjani għandhom dejjem jipprovaw ikunu onesti dwar il-motiv veru tagħhom biex jagħmlu iktar flus.—Ebrej 13:5.
Il-ġiri wara l-għana jpoġġi wkoll perikli li huma iktar sottili. L-ewwel, l-abbundanza t’għana tistaʼ tinkuraġġina biex inkunu indipendenti. Ġesù inkluda dan meta rrefera għall-“qawwa qarrieqa tar-rikkezzi.” (Mattew 13:22) Il-kittieb Bibliku Ġakbu, b’mod simili, wissa lill-Kristjani biex ma jinsewx lil Alla anki meta jkunu qed jippjanaw biex jinnegozjaw. (Ġakbu 4:13-16) Peress li l-flus milli jidher jagħtuna ċerta indipendenza, għal dawk li jkollhom, hemm dejjem il-periklu li jibdew jafdaw fi flushom iktar milli f’Alla.—Proverbji 30:7-9; Atti 8:18-24.
It-tieni, David, li ssemma fil-bidu, sab li l-ġiri wara l-għana ħafna drabi tant jikkonsma mill-ħin u l-enerġija taʼ dak li jkun li bil-mod il-mod ma jkomplix jiġri wara affarijiet spiritwali. (Luqa 12:13-21) Għall-għonja, hemm ukoll it-tentazzjoni kontinwa li jużaw dak li għandhom primarjament għal attivitajiet li jagħtuhom pjaċir jew għall-ġiri wara miri persunali.
Setaʼ l-falliment spiritwali taʼ Salamun, sa ċertu punt, irriżulta minħabba li ħalla l-mod lussuż kif jgħix idgħajjef is-sensi tiegħu? (Luqa 21:34) Hu kien jaf li Alla pprojbixxa direttament li jkun hemm għaqda taʼ żwieġ maʼ nies minn ġnus oħra. Minkejja dan, maż-żmien hu kellu ħarem taʼ madwar elf mara. (Dewteronomju 7:3) Minħabba li kien ħerqan biex jogħġob lin-nisa barranin tiegħu, hu pprova jħallat twemmin differenti għall-benefiċċju tagħhom. Kif intqal qabel, qalb Salamun bil-mod il-mod bdiet titbiegħed minn Ġeħova.
B’mod ċar, dawn l-eżempji juru kemm huwa minnu l-parir taʼ Ġesù: “Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-flus.” (Mattew 6:24) Allura, Kristjan kif jistaʼ jkampa b’suċċess maʼ l-isfidi ekonomiċi li ħafna jiffaċċjaw illum? Iktar importanti minn hekk, liema tama hemm għal ħajja aħjar fil-futur?
Prosperità Vera Quddiemna
Kuntrarju għall-patrijarki Abraham u Ġob u l-ġens taʼ Iżrael, is-segwaċi taʼ Ġesù għandhom l-inkarigu li ‘jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.’ (Mattew 28:19, 20) Sabiex inwettqu dan l-inkarigu hemm bżonn tal-ħin u l-isforzi tagħna minflok ma nużawhom għal miri sekulari. Għalhekk, iċ-ċavetta għas-suċċess qiegħda f’li nagħmlu dak li qalilna nagħmlu Ġesù: “Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna [t’Alla] u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.”—Mattew 6:33.
Wara li kważi tilef il-familja u l-ispiritwalità tiegħu, David fl-aħħar kien kapaċi jirkupra mill-iżbalji tiegħu u issa qed jgħix ħajtu kif inhu xieraq. Kif wiegħed Ġesù, meta David reġaʼ ta prijorità lill-istudju tal-Bibbja, it-talb, u l-ministeru, imbagħad l-affarijiet l-oħra bdew jaqgħu f’posthom. Bil-mod il-mod reġaʼ kiseb ir-relazzjoni tiegħu maʼ martu u wliedu. Reġaʼ kiseb il-ferħ u l-kuntentizza. Hu xorta waħda għadu jaħdem iebes. Din m’hijiex xi storja taʼ xi ħadd fqir li sar sinjur. Madankollu, hu tgħallem lezzjonijiet għaqlin mill-esperjenza taʼ wġigħ li kellu.
David, issa jaħsibha differenti dwar il-pass li ħa biex imur l-Istati Uniti, u huwa determinat li qatt iktar ma jħalli l-flus jiddominaw id-deċiżjonijiet tiegħu. Issa hu jaf li l-iktar affarijiet prezzjużi fil-ħajja—familja li tħobb, ħbieb veri, u relazzjoni m’Alla—ma jistgħux jinkisbu bil-flus. (Proverbji 17:17; 24:27; Isaija 55:1, 2) Tabilħaqq, l-integrità morali hija ħafna iktar prezzjuża mill-ġid materjali. (Proverbji 19:1; 22:1) Flimkien mal-familja tiegħu, David huwa determinat li jpoġġi l-prijoritajiet xierqa fl-ewwel post.—Filippin 1:10.
L-isforzi tal-bniedem biex jibni soċjetà għanja u fl-istess ħin b’morali tajbin fallew kemm-il darba. Barra minn hekk, Alla wiegħed li s-Saltna tiegħu se tipprovdi abbundanza t’affarijiet materjali u spiritwali li aħna għandna bżonn sabiex nissodisfaw ruħna. (Salm 72:16; Isaija 65:21-23) Ġesù għallem li biex verament inkunu ferħanin irridu l-ewwel inkunu konxji tal-bżonn spiritwali tagħna. (Mattew 5:3) Mela sew jekk aħna fqar u sew jekk aħna għonja materjalment, il-fatt li nagħtu prijorità lill-affarijiet spiritwali issa se jkun l-aqwa mod kif kull wieħed u waħda minna jistaʼ jipprepara għad-dinja l-ġdida t’Alla fil-futur. (1 Timotju 6:17-19) Din id-dinja se tkun soċjetà għanja kemm materjalment kif ukoll spiritwalment.
[Nota taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.
[Stampi f’paġna 5]
Ġob fada f’Alla, mhux fl-għana li kellu
[Stampi f’paġna 7]
L-iktar affarijiet prezzjużi fil-ħajja ma jistgħux jinkisbu bil-flus