Mingħand il-Qarrejja
Il-Logħob Elettroniku Għandi 13-il sena. Meta rajt ir-rivista bl-artikli “Il-Logħob Elettroniku—Fih Xi Aspett Negattiv?” kont naf li kienet għalija! (8 taʼ Jannar, 2003) F’paġna 7, ġiet deskritta logħba li darba kont vizzjat biha. Nixtieq nirringrazzjakom talli inkludejtu dawn l-artikli fir-rivista għaliex għenuni nbiddel triqati u nħobb iktar lil Jehovah.
J. L., l-Istati Uniti
Għandi kważi 15-il sena, u l-iskola kellna nagħmlu rapport fuq suġġett kurrenti magħżul minna. Ir-rivista Stenbaħ! ġiet preċiż fil-ħin. Ir-rapport tiegħi kellu suċċess kbir fil-klassi. Ħadt marki tajbin ukoll! Jekk jogħġobkom komplu iktbu artikli bħal dawn.
J. A., il-Ġermanja
Dejjem ridt nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-informazzjoni provduta fir-rivisti li tippubblikaw, imma meta qrajt l-artikli dwar il-logħob elettroniku, iddeċidejt li nikteb din in-nota immedjatament. Jien omm taʼ żewġt itfal, waħda għandha 11-il sena u l-ieħor 3 snin. Għalhekk, l-informazzjoni kienet f’waqtha ferm għalija. Permezz taʼ dawn il-pubblikazzjonijiet, l-imħabba u l-protezzjoni tal-Ħallieq tagħna nistaʼ narahom tassew ċari.
O. V., l-Istati Uniti
Pressjoni minn taʼ Madwari Bħala familja dejjem ridna niktbu biex nirringrazzjawkom għar-rivisti meraviljużi. Fl-aħħar, iddeċidejna li nagħmlu dan wara li qrajna l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif Nistaʼ Nkampa mal-Pressjoni minn taʼ Madwari?” (8 taʼ Jannar, 2003) Dan l-artiklu għenna naraw kemm iż-żagħżugħ David kien jafu lil Jehovah u kemm kien jafda fih. David irnexxa għax ma straħx fuq il-fehma tiegħu stess jew fuq dik taʼ bnedmin oħrajn. Tassew, jekk Jehovah qiegħed magħna, għalfejn għandna nibżgħu minn dawk taʼ madwarna?
F. H., l-Estonja
Ili sentejn naqra Stenbaħ!, u qatt ma ħassejtni ispirata u impressjonata daqs meta qrajt dan l-artiklu. Ħassejtni bħallikieku kien miktub għalija biss. Grazzi ħafna għall-informazzjoni f’waqtha li tajtuna.
T. C., l-Istati Uniti
Inqas Perikli fit-Tqala Irrid nirringrazzjakom għall-artiklu “Kif Tnaqqas il-Perikli fit-Tqala.” (8 taʼ Jannar, 2003) Dan l-artiklu għenni nifhem sew x’tinvolvi t-tqala. Għandi 32 sena, u tassew kelli bżonnu dan l-artiklu. Issa qed nifhem x’għandi nagħmel biex it-tqala tkun inqas perikoluża u nuri l-apprezzament lejn dan ir-rigal meraviljuż.
B. C., l-Italja
Dan l-artiklu jsemmi li mara tistaʼ tiġi testjata għall-marda taʼ l-istreptokokku grupp B bejn is-26 u t-28 ġimgħa tat-tqala. Iż-żmien rikkmandat bħalissa għall-ittestjar hu bejn il-35 u s-37 ġimgħa tat-tqala u mhux bejn is-26 u t-28 ġimgħa. Il-qarrejja taʼ dan l-artiklu x’aktarx li se jistaqsu lit-tabib tagħhom għala mhux qed jiġu testjati wara 26 jew 28 ġimgħa. It-tobba tagħhom għandhom mnejn ma jibqgħux iqisu lil Stenbaħ! bħala sors kredibbli taʼ informazzjoni għall-pazjenti tagħhom.
L. S., l-Istati Uniti
Iwieġeb “Stenbaħ!”: Il-ħarġiet tagħna jitħejjew xhur minn qabel biex ikun hemm żmien biżżejjed għat-traduzzjoni f’iktar minn 80 lingwa. Meta nkiteb l-artiklu dwar li jkun hemm inqas perikli fit-tqala, kienu ħafna dawk li aċċettaw li bejn 26 u 28 ġimgħa kien iż-żmien xieraq għall-ittestjar. Madankollu, f’Awissu 2002, l-Akkademja Amerikana tal-Pedjatriċi ħarġet informazzjoni aġġornata li ġiet provduta lilha miċ-Ċentri Amerikani għall-Kontroll tal-Mard. Bħalissa, bħalma jsemmi b’mod korrett dan il-qarrej, hu rikkmandat li ż-żmien għall-ittestjar hu bejn 35 u 37 ġimgħa.
F’paġna 13 hemm nota taʼ taħt li tgħid li l-folic acid u l-ħadid jistgħu jinstabu fil-fwied u fil-lewż. Madankollu, il-fwied fih ħafna vitamina A—li, bħalma jgħid l-artiklu tagħkom, tistaʼ tkun perikoluża għat-tarbija.
B. J., il-Britannja
Iwieġeb “Stenbaħ!”: Grazzi għat-twissija.