Mingħand il-Qarrejja
Il-Valuri Bqajt skantat b’dak li ntqal fl-ewwel paragrafu tat-tieni artiklu tas-serje “X’Sar Minnhom il-Valuri?” (8 taʼ Ġunju, 2003) Dan qal: “Fost l-akbar rigali li l-ġenituri jistgħu jagħtu lit-tfal tagħhom hemm l-imħabba tagħhom bla ebda kundizzjoni kif ukoll ġabra taʼ valuri, valuri li l-ġenituri stess jgħixuhom.” Meta t-tfal u l-adulti jaġixxu bħallikieku għandhom id-dritt għall-imħabba taʼ xulxin, il-valuri dejjem se jaqbdu t-triq għan-niżla.
K. B., Stati Uniti
“Stenbaħ!” iwieġeb: Il-frażi ‘mħabba bla ebda kundizzjoni’ ntużat biex tissuġġerixxi li l-ġenituri m’għandhomx jagħtu x’jifhmu li l-imħabba tagħhom għal uliedhom hi fraġli jew mhix stabbli—li tistaʼ titneħħa minn ħin għall-ieħor jekk it-tfal jagħmlu xi żball jew li t-tfal jistgħu biss jaqilgħu l-imħabba mingħand il-ġenituri tagħhom billi jagħmlu kollox preċiż.—Efesin 6:4; Kolossin 3:21.
L-aħħar artiklu f’din is-serje rajtu miktub tajjeb ferm. Il-materjal huwa sempliċi, loġiku, u inkuraġġanti ħafna. L-istampa vera sabiħa. Grazzi taʼ dawn l-artikli li jagħtu l-faraġ.
M. P., Stati Uniti
Id-Dipressjoni Wara t-Twelid taʼ Tarbija Jien omm, u għandi tifla żgħira u prezzjuża li għandha biss sena. Qatt ma ħassejt id Jehovah fuqi daqs kemm ħassejtha meta ftaħt Stenbaħ! u qrajt l-artiklu “Nifhmu d-Dipressjoni Wara t-Twelid taʼ Tarbija.” (8 t’Awissu, 2003) M’għandix kliem biżżejjed biex nesprimi l-gratitudni tiegħi għal dan l-artiklu. Jien napprezza profondament li ninsab f’organizzazzjoni li tieħu ħsieb b’tenerezza lil kull wieħed u waħda mill-membri tagħha. Grazzi, grazzi!
M. G., Spanja
Is-Sensi Grazzi tas-serje “Is-Sensi Meraviljużi tal-Ħajja—Int Tapprezzahom?” (8 taʼ Marzu, 2003) Is-sensi tagħna verament jgħinuna napprezzaw il-ħajja u l-ambjent tagħna. Artikli bħal dawn isaħħulna l-imħabba tagħna għal Alla. Grazzi talli tippubblikawhom.
J. N., Burundi
Il-Matematika Ħadt pjaċir naqra l-artiklu “Il-Matematika Qiegħda għal Kulħadd.” (8 taʼ Ġunju, 2003) In-numri minn dejjem kienu jaffaxxinawni. Kif għedtu intom, Jehovah huwa l-Matematiku l-Kbir, u bla dubju fid-dinja l-ġdida, ilkoll kemm aħna se nitgħallmu iktar dwar il-loġika tan-numri. Grazzi ħafna taʼ l-informazzjoni prattika.
G. C., Britannja
Dan l-artiklu veru għenni. L-iskola, l-iktar suġġett li nobgħod hu l-matematika. Anki jekk noqgħod attenta u nieħu n-noti, ma jirnexxilix nifhem. Imma wara li qrajt dan l-artiklu, inħoss li nistaʼ nsib tarfu. Ninsab grata li ppubblikajtu dan l-artiklu. Jien għandi 13-il sena.
Y. I., Ġappun
Dan l-artiklu kien jgħodd ħafna għalija! Għandi 15-il sena u m’iniex tajba fil-matematika. Meta nħares lejn is-somom tal-matematika, ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Dawn mhux se jkunu taʼ ġid għalija la nikber, allura għalxejn se nitgħallimhom.’ Madankollu, bis-saħħa taʼ dan l-artiklu qed nirrealizza li l-matematika hija utli b’ħafna modi. Allura issa ddeċidejt li nistinka iżjed u ma naqtax qalbi. Jekk jogħġobkom komplu oħorġu iktar artikli bħal dan!
M. N., Ġappun