Bini Antik Juri l-Isem t’Alla
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIS-SLOVENJA
Matul is-sekli, madwar l-Ewropa kollha nbnew knejjes u monasterji fuq il-qċaċet taʼ l-għoljiet. Dan il-bini antik ivarja mill-istil Romanesk tal-Medju Evu—bil-ħitan wesgħin u ħoxnin u l-arkati fit-tond li kienu karatteristika tiegħu—sal-barokk drammatiku u kollu tiżjin li ġie sekli wara. Ħaġa interessanti hi li f’ħafna minn dan il-bini wieħed jistaʼ jsib it-Tetragrammaton, l-erbaʼ ittri Ebrajċi taʼ l-isem persunali t’Alla.
Per eżempju, ikkunsidra l-monasterju taʼ Stična, wieħed mill-eqdem monasterji Ċisterċensi, li jinsab fis-Slovenja. Dan inbena fl-1135, xi 40 sena biss wara li fi Franza twaqqaf l-ordni monastiku Ċisterċens. Għalkemm il-monasterju ġie rinnovat kemm-il darba, dan iżomm l-istil Romanesk oriġinali bi żjieda issa taʼ xi tiżjin barokk. Ġewwa huwa mżejjen b’diversi pitturi u statwi. Artal wieħed tal-ġenb huwa mżejjen bl-ittri tat-Tetragrammaton kbar tad-deheb imdawrin b’ċirku tal-fidda.
Il-belt taʼ Slovenj Gradec tissemma l-ewwel darba f’dokumenti miktubin fl-għaxar seklu. Knisja Gotika li hi wkoll sptar inbniet hemmhekk fl-1419. Ħajt sħiħ minn ġewwa fih affresk tal-15-il seklu li juri 27 xena Biblika. Jibda bl-irxoxt taʼ Lazzru u jispiċċa bil-Pentekoste. F’post ieħor fl-istess bini, l-isem t’Alla jidher bl-Ebrajk b’ittri suwed fuq sfond tad-deheb.
Fl-inħawi tal-majjistral tal-pajjiż hemm il-belt taʼ Radovljica. Fil-15-il seklu, il-post żgħir kien imdawwar bi swar u foss u kien fih kastell, knisja, u xi bini ieħor. Fuq wieħed mill-artali tal-knisja hemm plakka tad-deheb bit-Tetragrammaton.
Ħdejn ir-raħal żgħir taʼ Podčetrtek hemm monasterju antik li ġej mis-17-il seklu. Jekk wieħed joqgħod josserva sew, fih isib affresk imżejjen bl-isem divin.
Wieħed jistaʼ jara t-Tetragrammaton f’ħafna bini antik ieħor fis-Slovenja. Għaldaqstant, waqt li t-turisti jammiraw is-sengħa u l-arti tal-passat, dawn jistgħu jitgħallmu li n-nies taʼ l-imgħoddi kienu midħla taʼ l-isem t’Alla.
[Stampa f’paġna 31]
Artal tal-ġenb fil-monasterju taʼ Stična
[Stampa f’paġna 31]
Fil-knisja Sveti Duh fi Slovenj Gradec
[Sors]
Slovenj Gradec - Cerkev Sv. Duha, Slovenija