Mingħand il-Qarrejja
Il-Pornografija Grazzi taʼ l-artikli bit-titlu “Il-Pornografija—Tagħmel Ħsara jew Le?” (8 t’Awissu, 2003) Kelli bżonn dan il-parir dirett. Qabel ma sirt Kristjan kont ili ħafna nara l-pornografija. L-artikli għenuni niċċara l-ħarsa tiegħi iktar minn qatt qabel dwar kemm hi taʼ ħsara u liema passi deċiżivi hemm bżonn biex dak li jkun jeħles mill-ġibda qawwija tal-pornografija.
E. P., l-Istati Uniti
Jien kelli żwieġ hieni għal 22 sena li spiċċa b’divorzju sentejn ilu. Il-pornografija letteralment serqitilna raġel meraviljuż u missier kollu mħabba. Dan il-vizzju ikrah biddillu l-personalità tiegħu u minn raġel taʼ qalb tajba u ġentili sar raġel irrabjat, giddieb, u qisu annimal. Veru kont inħossni waħdi bħala vittma tal-pornografija, imma issa nirrealizza li din hi kriżi li teffettwa lil ħafna. Grazzi għal dawn l-artikli li tant inkitbu sew.
L. T., l-Istati Uniti
Qabel ma bdejt nistudja l-Bibbja, kelli l-vizzju tal-pornografija għal iktar minn għaxar snin. Minkejja dak li jisħqu dawk li jirreklamawha, m’hemm assolutament xejn pożittiv dwarha. Qabel ma sirt Xhud taʼ Jehovah, kelli l-vizzju taʼ kważi kull tip taʼ droga komuni. Mill-vizzji kollha li kelli, il-pornografija kienet bil-wisq l-iktar waħda diffiċli biex neħles minnha. Jekk jogħġobkom komplu ippubblikaw artikli bħal dawn.
J. A., l-Istati Uniti
Iż-Żgħażagħ Jistaqsu Nirringrazzjakom minn qalbi taʼ l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għala Nħossni li Għandi Nkun Perfett?” (8 t’Awissu, 2003) Jien evanġelizzatur full-time taʼ 25 sena. Minn meta kont żgħir, dejjem kont inqabbel lili nnifsi m’oħti u ħija, li huma erbaʼ snin u tliet snin akbar minni. Kelli nissielet miegħi nnifsi għax kont inħossni inferjuri, kont naħseb li ma jien tajjeb għal xejn. Biex inkampa maʼ dawn is-sentimenti, stinkajt biex inkun perfett. Dan l-artiklu spjega eżatt kif inħossni. Irrid nibdel il-mod kif naħsibha.
M. Y., il-Ġappun
Għandi 16-il sena u dan l-aħħar skoprejt li nbati mid-dipressjoni. Dejjem kont nipprova nagħmel kollox perfett, u spiss nirrabja miegħi nnifsi li ma jien tajba għal xejn. Dan l-artiklu ġie verament f’waqtu. Ma stajtx nieqaf nibki meta qrajtu. Qatt ma rrealizzajt li hawn ħafna oħrajn li jiġġieldu maʼ l-istess sentimenti. Grazzi taʼ l-artikli “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu.” Inħares ’il quddiem għall-ħarġa li jmiss.
L.S., l-Istati Uniti
Għajnuna fid-Diżastru Qrajt l-artiklu “Xi Ħaġa li Ebda Maltempata Ma Tistaʼ Tkissirha.” (8 t’Awissu, 2003) Il-mod kif ix-Xhieda taʼ Jehovah iffaċċjaw l-emerġenzi li qamu minħabba d-diżastri naturali ġagħalni napprezza saħansitra iktar il-fatt li jien parti minn din l-organizzazzjoni. Grazzi talli tippubblikaw artikli bħal dawn li jgħinuna nuru kwalitajiet li ebda maltempata ma tistaʼ tkissirhom.
M. P., l-Italja
Personalment għaddejt minn diversi katastrofi, inkluż l-għargħar u t-terremoti. Kont fl-ippridkar minn dar għal dar meta seħħ terremot fl-1989. Tifel t’14-il sena li kien miegħi nfixel u telaq jiġri! Jien qbadtu minn idu u tlabt għalih biex jikkalma. Wara ftit sekondi, waqgħu madwarna wajers li jġorru l-elettriku. In-nies kienu se jiġġennu! Fid-dar tiegħi stess kien hemm xaqq kbir fl-art tal-konkrit. Imma dakinhar stess wara nofsinhar erġajna morna fis-servizz minn bieb għal bieb biex ngħinu lil oħrajn ikampaw. Kemm ġabli memorji dan l-artiklu!
B. S., l-Istati Uniti
Nirringrazzjakom ħafna talli tippubblikaw artikli inkuraġġanti bħal “Xi Ħaġa li Ebda Maltempata Ma Tistaʼ Tkissirha.” Tgħidx kemm bkejt meta qrajtu! Żgur li ebda maltempata ma tistaʼ tkisser l-imħabba li għandna għal sħabna l-Kristjani u l-imħabba mhix egoista li għandna għal ġârna.
I. A., il-Ġappun
L-Abbuż tad-Droga Grazzi ħafna taʼ l-artikli bit-titlu “L-Abbuż tad-Drogi fil-Familja—Int X’Tistaʼ Tagħmel?” (8 t’April, 2003) Issa ili għal xi żmien nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, imma ma rnexxilix nagħmel progress spiritwali minħabba din il-problema. Malli qrajt il-kaxxa “Għajnuna għal Dawk li Jridu Jirkupraw mill-Vizzju tad-Drogi,” irrealizzajt li jekk naqra l-Bibbja kuljum u napplika l-prinċipji tagħha se jgħinni fl-isforz tiegħi biex nirkupra. Anki l-fatt li naf li Alla jimpurtah minni effettwani ħafna.
R.S.A., il-Brażil