Mingħand il-Qarrejja
Il-Komunikazzjoni Ħassejt li għandi nikteb dwar is-serje t’artikli “Il-Komunikazzjoni—Vitali għall-Ħajja.” (8 t’Ottubru, 2003) Dawn l-artikli ddeskrivew dak li spiss jiġri fin-natura—ħlejjaq jgħinu lil xulxin. Saħansitra l-pjanti jagħmlu sinjali biex iwissu lil xulxin dwar il-predaturi! Kemm ikun żmien taʼ l-għaġeb meta l-bnedmin ukoll jitgħallmu jieħdu ħsieb xulxin!
C. C., Stati Uniti
Kemm għoġbuni d-deskrizzjonijiet tagħkom dwar kif l-annimali jikkomunikaw bejniethom! Ma nistgħux niċħdu l-fatt li hemm Alla li hu s-sors taʼ dawn l-affarijiet meraviljużi kollha.
R. Z., Ġermanja
M’għandix kliem biżżejjed biex nesprimi l-ferħ li ħassejt meta qrajt dawn l-artikli. Xi privileġġ taʼ l-għaġeb għandna li nistgħu nikkomunikaw m’Alla!
A. W., Afrika t’Isfel
Dal-għodu meta bdejt naqra, verament ħassejtni mdejqa. Imma l-materjal dwar kif l-insetti jikkomunikaw bejniethom ġagħalni nidħaq. Tlaqt għax-xogħol bi tbissima fuq wiċċi.
L. L., Franza
Il-Moda Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għasserje t’artikli “Int Tħalli l-Moda Tikkontrollak?” (8 taʼ Settembru, 2003) Bħala adoloxxenti, ħassejt pressjoni mid-dinja biex nixtri ħwejjeġ taʼ l-aħħar moda u biex inżomm il-figura “perfetta.” Imma dawn l-artikli għenuni naħsibha mod ieħor dwar kif nonfoq il-flus u biex nilbes iktar modest.
M. B., Stati Uniti
Jien għandi għaxar snin, u l-għalliema tiegħi qaltilna biex nieħdu xi riċerka dwar is-suġġett tal-moda. Jien ħadt kopja taʼ l-artiklu “L-Aspett Negattiv tal-Faxxinu.” L-għalliema għamlet kopji għall-klassi kollha!
G., Belġju
Bħala tfajla taʼ 19-il sena, insibha diffiċli biex ma niġix influwenzata minn dak li jgħidu dwar kif għandha tkun il-mara “ideali.” M’għandix figura taʼ xi mudella, u dan spiss iġagħlni nħossni kerha. Jien spiss inkun irrid nagħmel id-dieta—saħansitra dieti estremi. Ftit wara li tlabt għal pariri dwar kif għandi nkampa maʼ dawn is-sentimenti, jien irċivejt din ir-rivista flimkien mat-tweġiba għat-talba tiegħi. Grazzi ħafna.
S., Ġermanja
L-artikli għenuni nifhem li nkun vanituża jekk nimxi mal-moda. Jien għandi 14-il sena, u l-Italja mhux faċli li tmur l-iskola jekk ma tkunx liebes ħwejjeġ tad-ditta—awtomatikament issir ma teżistix! L-artikli tagħkom għallmuni li l-iktar ħaġa importanti hi li nkun għani spiritwalment f’għajnejn Alla.
F. G., Italja
L-Abbuż tal-Bulijiet Jien m’iniex waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Madankollu, is-serje t’artikli “L-Abbuż tal-Bulijiet—X’Tistaʼ Tagħmel Dwaru?” (8 taʼ Novembru, 2003) wasal fi żmien eżatt. Attakki minn studenti fl-iskola taʼ binti saru serji ħafna. Kif issuġġerejtu intom, jien tkellimt magħha u stajt nagħtiha ftit appoġġ u għajnuna. Grazzi talli jinteressakom min-nies.
T. M., Ukraina
It-Tatwaġġi Grazzi ħafna taʼ l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għandi Nagħmel Tatwaġġ?” (8 t’Ottubru, 2003) Jien verament kont naħseb li t-tatwaġġi kienu faqgħa u ridt inwaħħal stiker, bħala tatwaġġ li ma jibqax għal dejjem. Madankollu, il-frażi li żgur li ma rridux nagħmlu marki fuq ġisimna, “anki temporanji,” li jiddiżonoraw lil Alla verament laqtitni. Meta kkunsidrajt li jekk ikolli tatwaġġ nistaʼ nfixkel lil oħrajn u nġagħalhom jaħsbu li jien ribelluża, iddeċidejt li ma nagħmlux.
A. K., Ġappun