LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 10/8 pp. 25-27
  • Għandi Nagħmel Tatwaġġ?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għandi Nagħmel Tatwaġġ?
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Daqshekk Popolari?
  • L-​Arti Antika tat-​Tatwaġġi
  • Riskji għas-​Saħħa
  • X’Se Jaħsbu l-​Oħrajn?
  • Għandi nagħmel tattoo?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • X’Tgħid il-Bibbja Dwar it-Tatù?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2004
  • It-Tiżjin fuq il-Ġisem—Il-Ħtieġa li Wieħed Ikun Raġunevoli
    Stenbaħ!—2000
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 10/8 pp. 25-27

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Għandi Nagħmel Tatwaġġ?

“Xi tatwaġġi huma ħelwin. Huma verament artistiċi.”​—Jalene.a

“Kont ili sentejn noħlom dwar l-​ewwel tatwaġġ tiegħi.”​—Michelle.

MILLI jidher it-​tatwaġġi (tattoos) tistaʼ tarahom kulfejn tħares. Il-​kantanti popolari tar-​rock, il-​personalitajiet taʼ l-​isports, il-​mudelli, u l-​istilel taċ-​ċinema jiddandnu bihom. Ħafna adolexxenti kkopjawhom, billi jiftaħru bit-​tatwaġġi taʼ spallejhom, taʼ idejhom, taʼ qaddhom, u taʼ fuq l-​għekiesi. Andrew jisħaq: “It-​tatwaġġi huma faqgħa. Hija għażla persunali jekk għandekx tagħmel wieħed jew le.”

Il-World Book Encyclopedia tgħid: “It-​tatwaġġi huma l-​prattika taʼ li tagħmel disinji permanenti fuq il-​ġisem. Dawn isiru billi jitniggżu toqob żgħar fil-​ġilda bi stikka, għadma, jew labra ppontata li dak li jkun ibill f’kuluri naturali.”

Għalkemm m’huwiex faċli li niksbu statistiċi eżatti, sors wieħed jikkalkula li fl-​Istati Uniti 25 fil-​mija minn dawk kollha li għandhom bejn il-​15 u l-​25 sena għandhom tatwaġġ. Sandy tgħid: “Hija xi ħaġa popolari.” Għala jogħġbuhom daqshekk it-​tatwaġġi liż-​żgħażagħ?

Għala Daqshekk Popolari?

Għal xi wħud, it-​tpinġija hija mod kif jagħmlu ġest romantiku mill-​isbaħ. Michelle tgħid: “Ħija maʼ l-​għaksa għandu t-​tatwaġġ taʼ l-​isem tat-​tfajla li kien joħroġ magħha.” Il-​problema? “M’għadux joħroġ magħha.” Skond ir-​rivista Teen, “it-​tobba jikkalkulaw li iktar minn 30 fil-​mija tat-​tatwaġġi li jitneħħew, isiru fuq dawk it-​tfajliet żgħar li jkunu jridu jneħħu l-​isem taʼ xi ġuvni li m’għadhomx joħorġu miegħu.”

Xi żgħażagħ iqisu t-​tatwaġġi bħala kapulavur. Oħrajn jarawhom bħala simboli taʼ indipendenza. “Jien nikkontrolla ħajti,” tgħid Josie, u żiedet tgħid li meta għamlet tatwaġġ kienet “l-​unika deċiżjoni persunali importanti li qatt ħadt.” It-​tpinġija tippermetti liż-​żgħażagħ biex jesperimentaw—tħallihom iħossu li għandhom kontroll fuq id-​dehra tagħhom. It-​tatwaġġi jistgħu wkoll ikunu simbolu taʼ ribelljoni jew taʼ stili taʼ ħajja mhux tas-​soltu. Għalhekk, xi tatwaġġi jistgħu jkollhom kliem u tpinġijiet oxxeni jew messaġġi provokattivi.

Madankollu, il-​maġġuranza taż-​żgħażagħ jistgħu jkunu sempliċement sabu ruħhom involuti f’xi tip taʼ moda. Iżda minħabba li kulħadd donnu qed jagħmel tatwaġġ, ifisser li anki int għandek tagħmel wieħed?

L-​Arti Antika tat-​Tatwaġġi

It-​tatwaġġi żgur li m’humiex xi prattika moderna. Instabu mumji Eġizzjani u Libjani tattwati li kienu jeżistu mijiet taʼ snin qabel Kristu. Mumji tattwati nstabu wkoll fl-​Amerika t’Isfel. Ħafna mill-​istampi tat-​tatwaġġi kienu relatati mal-​qima taʼ l-​allat pagani. Skond ir-​riċerkatur Steve Gilbert, “l-​iktar tatwaġġ antik li jagħti stampa taʼ xi ħaġa, iktar minn dik taʼ disinn astratt, jirrappreżenta lill-​alla Bes. Fil-​mitoloġija Eġizzjana, Bes huwa alla żieni tax-​xalar.”

B’mod sinifikanti, il-​Liġi Mosajka ma kinitx tippermetti li n-​nies t’Alla jagħmlu t-​tpinġija fuq ġisimhom. Levitiku 19:28 kien jgħid: “Tqattgħux ġisimkom għall-​mejjet, u anqas tpinġu tpinġija fuqkom: Jiena l-​Mulej.” Aduraturi pagani, bħalma kienu l-​Eġizzjani, fuq sidirhom jew driegħhom kienu jagħmlu t-​tatwaġġi bl-​ismijiet jew bis-​simboli taʼ l-​allat tagħhom. Billi obdew il-​projbizzjoni taʼ Jehovah dwar il-​marki tat-​tatwaġġi, l-​Iżraelin kienu se jispikkaw bħala li huma differenti min-​nazzjonijiet l-​oħra.—Dewteronomju 14:​1, 2.

Waqt li llum il-​Kristjani m’humiex taħt il-​Liġi taʼ Mosè, il-​projbizzjoni li din kellha fuq it-​tpinġija tal-​ġisem hija taʼ min jiħodha bis-​serjetà. (Efesin 2:15; Kolossin 2:​14, 15) Jekk int Kristjan, żgur li ma tridx tagħmel marki fuq ġismek—anki temporanji—li jixbhu l-​affarijiet pagani jew tal-​qima falza.—2 Korintin 6:​15-18.

Riskji għas-​Saħħa

Hemm ukoll kwistjonijiet li jeffettwaw is-​saħħa li għandek tikkunsidra. It-​Tabib Robert Tomsick, professur assoċjat mad-​dermatoloġija, jikkummenta: “Li tkun qed tagħmel hu li taqsam il-​ġilda u ddaħħal materjal kulurit f’dik il-​parti. Għalkemm il-​labra tidħol ftit biss fil-​ġilda, kulmeta tniggeż il-​ġilda, għandek ir-​riskju taʼ infezzjoni minn xi batterji jew minn virus. Naħseb li ġeneralment huwa riskjuż [li tagħmel tatwaġġ].” It-​Tabib Tomsick ikompli: “Ladarba jidħol il-​kulur fil-​ġilda, anki jekk ma jkunx hemm infezzjoni, dejjem hemm iċ-​ċans li taqbdek xi allerġija, id-​dermatite u reazzjonijiet allerġiċi li jistgħu jġagħlu lill-​ġilda tiħmar, tintefaħ, tixxotta u jqabbdu l-​ħakk.”

Minkejja li l-​iskop tat-​tatwaġġi huwa li jkunu permanenti, hemm metodi differenti li jintużaw biex jipprovaw ineħħuhom: bil-​laser (jaħarqu t-​tatwaġġ sakemm ma jibqax jidher), b’operazzjoni (jaqtgħu t-​tatwaġġ ’il barra), dermabrasion (joborxu l-​ġilda bi braxx tal-​wajer), salabrasion (jużaw sustanza mielħa biex tinxtorob il-​ġilda bit-​tatwaġġ), u scarification (meta jitneħħa t-​tatwaġġ b’sustanza aċiduża u minflokha tinħoloq tebgħa permanenti). Dawn il-​metodi jiswew ħafna flus u jistgħu jkunu taʼ wġigħ kbir. “Tweġġaʼ iktar biex tneħħi t-​tatwaġġ bil-​laser milli biex tagħmel it-​tatwaġġ,” tgħid ir-​rivista Teen.

X’Se Jaħsbu l-​Oħrajn?

Għandek ukoll taħseb bis-​serjetà dwar kif jistaʼ jħossu ħaddieħor meta tagħmel tatwaġġ, għax ħafna jirreaġixxu b’mod negattiv. (1 Korintin 10:​29-33) Mingħajr ma ħasbitha darbtejn, Li, mara mit-​Tajwan, għamlet tatwaġġ meta kellha 16-il sena. Illum għandha 21 sena u taħdem f’uffiċċju. “Niddejjaq meta dawk li jaħdmu miegħi jiċċassaw lejn it-​tatwaġġ,” tammetti Li. Theodore Dalrymple, ħaddiem Britanniku fis-​settur tas-​saħħa mentali, jgħid li għal ħafna nies, it-​tatwaġġi “spiss huma sinjali li juru li l-​individwu . . . jappartjeni lil sottokultura vjolenti, brutali, antisoċjali, u kriminali.”

Bl-istess mod, artiklu fir-​rivista American Demographics osserva: “Jidher ċar li bosta mill-​Amerikani jikkunsidrawh bħala li hu riskjuż li jkollok tpinġija tidher fuq il-​ġisem. Ħamsa u tmenin fil-​mija [taż-żgħażagħ] jaqblu maʼ din l-​istqarrija, ‘in-​nies li għandhom tatwaġġi li jidhru . . . għandhom jirrealizzaw li din il-​forma taʼ kif jesprimu ruħhom wisq probabbli se tkun t’ostaklu għall-​karriera jew għar-​relazzjonijiet persunali tagħhom.’”

Ikkunsidra wkoll jekk l-​għażla li tagħmel tatwaġġ hijiex se titfaʼ dell ikrah jew le fuq il-​fatt li int Kristjan. Jistaʼ jkun taʼ “tfixkil” għall-​oħrajn? (2 Korintin 6:3) Veru, xi żgħażagħ għamlu tatwaġġi f’partijiet tal-​ġisem li ma jkunux jidhru. Jistaʼ jkun li lanqas il-​ġenituri tagħhom ma jkunu jafu dwar dawn it-​tatwaġġi moħbija. Iżda oqgħod attent! Jekk ikollok tmur għand it-​tabib minħabba xi emerġenza jew sempliċement tkun qed tieħu shower l-​iskola, is-​sigriet tiegħek malajr jistaʼ jinkixef! Aħjar “inġibu ruħna sewwa f’kollox,” u nevitaw li nqarrqu bħall-​boloh.—Lhud 13:18.

Bħal kull moda, biż-​żmien it-​tatwaġġi jistgħu ma jibqgħux jidhru sbieħ. Tabilħaqq, hemm xi tip taʼ lbies—kemm jekk hu jeans, flokk, libsa, jew par żarbun—li tant jogħġbok li tiddeċiedi li tilbsu għall-​bqija taʼ ħajtek? Dażgur li le! L-​istili, il-​forom, u l-​kuluri jinbidlu. Madankollu, kuntrarju għal xi biċċa ħwejjeġ, it-​tatwaġġi huma diffiċli biex tneħħihom. Barra minn hekk, jistaʼ jkun li dak li jidher “faqgħa” għalik meta jkollok 16-il sena ma jibqax jidher daqshekk sabiħ meta jkollok 30 sena.

Ħafna jiddispjaċihom li għamlu tibdil permanenti fid-​dehra tagħhom. “Għamilt tatwaġġ qabel ma tgħallimt dwar Jehovah,” tgħid Amy. “Nipprova nżommu mgħotti. Meta jkun hemm xi ħadd mill-​kongregazzjoni li jarah, inħossni imbarazzata.” X’inhi t-​tagħlima? Aħsibha sew qabel ma jkun tard wisq. Tiħux deċiżjoni li wara għandu mnejn jiddispjaċik li tkun ħadtha.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 26]

Spiss it-​tatwaġġi huma assoċjati maʼ stili taʼ ħajja ribellużi

[Stampa f’paġna 26]

Maż-​żmien, ħafna jiddispjaċihom li jkunu għamlu tatwaġġ

[Stampa f’paġna 27]

Aħsibha sew qabel ma jkun tard wisq

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja