LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 2/8 pp. 13-15
  • Kienu t-Toroq Kollha Jwasslu Għal Ruma?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kienu t-Toroq Kollha Jwasslu Għal Ruma?
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mappa bit-​Toroq tad-​Dinja Rumana
  • Kienu t-​Toroq Kollha Jwasslu għal Ruma?
  • It-Toroq Rumani—Monumenti taʼ l-Inġinerija tal-Qedem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ir-Reliġjonijiet Kollha Huma Tajbin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Kaxxa għall-Mistoqsija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2000
  • Jitħejjew il-ġnus għat-“tagħlim ta’ Ġeħova”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2005
g05 2/8 pp. 13-15

Kienu t-​Toroq Kollha Jwasslu Għal Ruma?

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​AWSTRIJA

IT-​TOROQ taʼ l-​Imperu Ruman għamluha possibbli biex il-​provinċji li kienu ’l bogħod ikunu konnessi mal-​belt kapitali. Bihom il-​foresti kbar taʼ Gallja kienu konnessi mal-​bliet Griegi u x-​Xmara Ewfrat kienet konnessa mal-​Kanal Ingliż. U fuq kollox, ippermettew li kull post fl-​Imperu Ruman ikun aċċessibbli għal-​leġjuni taʼ l-​armata Rumana li kienu jimponu l-​awtorità taʼ Ruma. Minn dawn it-​toroq prinċipali kien hemm ħafna toroq oħra li kienu jwasslu għal provinċji Rumani. Dan kien il-​bidu tal-​proverbju, “It-​toroq kollha jieħdu għal Ruma.”

Iktar minn 80,000 kilometru taʼ toroq kienu jgħaddu mill-​Imperu Ruman. Illum, kif jistaʼ xi ħadd jistudjahom u jifhem l-​effett li kellhom fuq id-​dinja tal-​qedem? Mod wieħed hu billi jeżamina l-​mappa tas-​seklu 13 magħrufa bħala t-​Tabella Peutinger.

L-istudjużi jemmnu li t-​Tabella Peutinger hija kopja taʼ mappa li saret oriġinalment meta l-​armati Rumani kienu għadhom qed jimmarċjaw f’dawn it-​toroq famużi. Fl-​1508, Konrad Peutinger, l-​iskrivan tal-​belt t’Augsburg fin-​nofsinhar tal-​Ġermanja, akkwista din il-​kopja magħmula bl-​idejn, u eventwalment saret magħrufa b’ismu. Illum din tinsab fil-​Librerija Nazzjonali taʼ l-​Awstrija fi Vjenna bit-​titlu Latin Tabula Peutingeriana.

Mappa bit-​Toroq tad-​Dinja Rumana

Fl-​iskejjel illum, l-​istudenti spiss jistudjaw mapep f’għamla kwadra li jiddendlu mal-​ħajt. Però, it-​Tabella Peutinger hija skroll wiesaʼ 34 ċentimetru u twil iktar minn 6.75 metri. Oriġinalment kienet magħmula minn 12-il parċmina mwaħħlin flimkien bil-​kolla. Minn dawn, 11 għadhom jeżistu llum. Din il-​mappa turi kif kienet id-​dinja meta l-​Imperu Ruman kien fl-​aqwa tiegħu; dan kien ikopri mill-​Britannja sa l-​Indja. Minkejja l-​għarfien li forsi għandek taʼ dawn il-​postijiet fuq mappa moderna, għandek mnejn tħossok mitluf meta teżamina t-​Tabella Peutinger għall-​ewwel darba. Għaliex?

It-Tabella Peutinger ma saritx għall-​ġeografiċi moderni, imma għal dawk li kienu jivvjaġġaw fl-​antik. Mappa f’għamla taʼ skroll kienet faċli biex tużaha fit-​triq. Imma sabiex idaħħal id-​dettalji bżonnjużi fuq skroll, min għamel il-​mappa kellu jqassar id-​daqs tat-​tramuntana u tan-​nofsinhar taʼ l-​Imperu u jwessaʼ l-​wisaʼ tal-​lvant u l-​punent. Ir-​riżultat kien mappa sproporzjonata iżda li malajr setgħet tinfetaħ u tiġi konsultata għall-​informazzjoni. Din kienet ukoll faċli biex titkebbeb u tinġarr. Dak li kien qed jivvjaġġa malajr setaʼ jara l-​aħjar mod biex jgħaddi minn post għall-​ieħor. Dan kien iktar importanti għal dawk li kienu qed jivvjaġġaw milli l-​għamla taʼ l-​Italja, id-​daqs tal-​Baħar l-​Iswed, jew id-​direzzjoni fejn kienu sejrin.a

Kuluri differenti jiddistingwu l-​karatteristiċi tat-​Tabella Peutinger. It-​toroq jidhru bħala linji ħomor, il-​muntanji huma kannella, u x-​xmajjar huma ħodor. Il-​mappa ssemmi mijiet taʼ bliet u timmarka fejn qegħdin permezz taʼ djar, btieħi bil-​ħitan, u torrijiet. Dawn is-​simboli qishom jindikaw il-​faċilitajiet li kien hemm f’kull post. Il-​mappa turi d-​distanzi bejn bliet, stazzjonijiet, u postijiet fejn setgħu jieqfu jistrieħu.

Diversi postijiet u ġrajjiet Bibliċi huma mniżżlin fuq it-​Tabella Peutinger. Ħdejn il-​Muntanja Sinaj hemm żewġ deskrizzjonijiet bil-​Latin. Nota minnhom tgħid: “Ix-​xagħri fejn ulied Iżrael imxew għal 40 sena taħt it-​tmexxija taʼ Mosè.” (Ġożwè 5:6) L-​oħra tgħid: “Dan hu fejn irċivew il-​Liġi fuq il-​Muntanja Sinaj.”​—Levitiku 27:34.

Ġerusalemm hija mmarkata b’nota li tinkludi isem ieħor għall-​belt, Aelia Capitolina​—meħuda mill-​isem taʼ Publius Aelius Hadrianus, magħruf iktar bħala Adrijanu. Fit-​tieni seklu E.K., dan l-​Imperatur Ruman sejjaħ il-​belt għal ismu. Jidher ukoll it-​terminu Latin għall-​Muntanja taż-​Żebbuġ.​—Luqa 21:37.

Kienu t-​Toroq Kollha Jwasslu għal Ruma?

Xi wħud mit-​toroq kienu jiħduk għal Aquileia, belt fil-​grigal taʼ l-​Italja. Fuq il-​mappa, Aquileia għandha ħitan b’saħħithom u torrijiet taʼ l-​għassa. Minħabba li kellha toroq importanti u kellha port eċċellenti, Aquileia kienet waħda mill-​iktar bliet importanti fl-​Imperu Ruman.

Il-Via Egnatia qasmet il-​Peniżola Balkanika mill-​Kosta Adrijatika għal Kostantinopli, issa magħrufa bħala Istanbul. It-​Tabella Peutinger tidentifika din il-​belt b’simbolu t’alla mara bil-​qiegħda fuq tron imma lesta għall-​gwerra. Diversi toroq wasslu għal Antjokja Sirjana, issa l-​belt Torka t’Antakya. Antjokja kienet it-​tielet l-​akbar belt taʼ l-​Imperu Ruman, wara Ruma u Lixandra. Hemmhekk il-​mappa turi alla mara bil-​qiegħda b’raġġiera fuq rasha.

It-Tabella Peutinger turi 12-il triq li jwasslu għal Ruma. Waħda minn dawn hija l-​Via Appia, jew it-​Triq t’Appju. Il-​ktieb taʼ l-​Atti jindika li l-​appostlu Pawlu vvjaġġa minn din it-​triq fl-​ewwel żjara tiegħu lejn Ruma. Meta Pawlu kien fi triqtu, grupp taʼ Kristjani niżlu minn Ruma mill-​Via Appia u ltaqgħu miegħu fi Tliet Taverni, post li jidher ukoll fuq il-​mappa.​—Atti 28:15.

Liema simbolu tuża t-​Tabella Peutinger biex tirrepreżenta lil Ruma? Tpinġi l-​belt bħala imperatriċi setgħana b’libsa vjola, bil-​qiegħda fuq tron. Il-​globu u x-​xettru li għandha f’idejha jirrepreżentaw il-​kontroll fuq id-​dinja ċentrat minn din il-​kapitali taʼ l-​imperu.

Huwa sewwa li tgħid li dawk it-​toroq kollha jwasslu għal Ruma? Iva, meta tikkunsidra s-​sistema estensiva taʼ toroq sekondarji li kienu joħorġu mit-​toroq prinċipali. It-​Tabella Peutinger turi kif it-​toroq prinċipali taʼ l-​imperu taw lil Ruma qawwa kbira, billi ħallewha tiddomina l-​provinċji għal kważi 500 sena. Illum għadek tistaʼ tara l-​Imperu Ruman f’dawk it-​toroq antiki​—jiġifieri, bl-​immaġinazzjoni tiegħek u bit-​Tabella Peutinger bħala l-​gwida tiegħek.

[Nota taʼ taħt]

a Dan għadu minnu għal dawk li jivvjaġġaw illum. Mapep moderni tal-​ferroviji li jgħaddu taħt l-​art spiss huma sproporzjonati imma, fl-​istess ħin, faċli biex tużahom.

[Mappa f’paġna 13-15]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Mappa mhux tas-​soltu—it-​Tabella Peutinger

SPANJA

MAROKK

BRITANNJA

FRANZA

ĠERMANJA

AWSTRIJA

Aquileia

Ruma

Post imkabbar muri fuq paġna 15

ITALJA

AFRIKA

GREĊJA

Istanbul

EĠITTU

TURKIJA

Mt. Sinaj

Ġerusalemm

SIRJA

Antakya

Baħar Kaspju

IRAN

INDJA

[Mappa f’paġna 15]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Dettall tat-​Tabella Peutinger li juri lil Ruma u l-​postijiet taʼ madwarha

Ruma

Aquileia

Istanbul

Ġerusalemm

Antakya

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja