Ħarsa Lejn id-Dinja
Jitfarrak il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina
“Tliet kwarti mill-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina ġie meqrud minn viżitaturi, kuntratturi, u l-effett taż-żmien,” tirrapporta The Guardian, gazzetta taʼ Londra. “Dan il-wirt dinji qed jitfarrak u jispiċċa. . . . Sezzjonijiet minnu ġew meqrudin mill-vandali, miksijin bit-tħażżiż, u mwaqqgħin biex il-materjal tagħhom jintuża bħala mqawel u minjieri tal-faħam.” Reċentement, il-Fond tal-Monumenti Dinjin, li jiddeskrivi l-ħajt bħala “wieħed mill-iktar xenarji kulturali estensivi fid-dinja,” poġġieh fil-lista tiegħu taʼ l-iktar postijiet arkitettorali fil-periklu. Anki dawk li ġew fdati bix-xogħol taʼ preservazzjoni taʼ dan il-ħajt żiedu mar-rovina tiegħu. F’każ minnhom, milli jidher “xi uffiċjali li kienu neqsin mill-fondi u minn taħriġ addattat” taw permess lil kuntrattur biex iwaqqaʼ sezzjoni mill-ħajt twila 14-il metru u li kienet ilha wieqfa 600 sena. Il-ħajt hu twil immens—oriġinalment kien madwar 6,400 kilometru. Dan il-fatt jagħmel il-manutenzjoni adegwata tiegħu kważi impossibbli.
Klandestini Mhux tas-Soltu
“L-ilma tas-saborra, li jinġarr mill-vapuri biex jipprovdilhom bilanċ u stabbiltà, ikun mimli b’eluf taʼ speċi tal-baħar li jistgħu jinvadu ambjenti ġodda meta l-ilma jitbattal ġol-portijiet,” iwissi l-grupp ambjentali tal-World Wildlife Fund (WWF). L-ispeċi klandestini, li fost ħlejjaq oħra jinkludu bram u alka, “jistgħu jikkaġunaw ħsara daqs roqgħa żejt li tixtered fil-baħar” u jipperikolaw il-bilanċ tan-natura, jgħid rapport taʼ Reuters. ‘L-ispeċi li jsalvaw wara vjaġġ jistgħu jirnexxu f’ambjent ġdid, għax jinħelsu mill-predaturi u l-parassiti li kellhom fl-ambjent naturali tagħhom.’ Xi eżempji huma tip t’arzell magħruf bħala zebra mussels li ġie mill-Ewropa u impesta r-reġjun tal-Lagi l-Kbar fl-Amerika taʼ Fuq, alka Asjatika li spiċċat fl-Awstralja, u bram mill-Amerika taʼ Fuq li nġarr lejn il-Baħar l-Iswed. Huwa stmat li kull sena jitbattlu maʼ l-għaxar biljun tunnellata t’ilma tas-saborra madwar id-dinja. “Għadhom ma jeżistux soluzzjonijiet ekonomiċi tajbin biex jiġi purifikat l-ilma tas-saborra,” qal Andreas Tveteraas, kelliemi għall-WWF.
Tiżdied il-Piraterija
Skond l-ICC International Maritime Bureau, “is-sena l-oħra, mad-dinja kollha l-attakki mill-pirati żdiedu u kienu iktar vjolenti, b’total taʼ 445 inċident li ġew rapportati mqabblin maʼ 370 fl-2002 . . . L-għadd t’attakki bl-użu taʼ l-armi tan-nar, minn 68 fl-2002 telaʼ għal 100, u l-għadd taʼ nies li ttieħdu bħala ostaġġi kważi rdoppja u ġie 359 ruħ. Fi 311-il każ, il-pirati telgħu abbord il-vapur u ħatfu total taʼ 19-il vapur.” Wieħed u sebgħin membru taʼ l-ekwipaġġ u tal-passiġġieri ġew rapportati bħala li ma nstabux, filwaqt li 21 ruħ inqatlu—11 iktar mis-sena l-oħra. L-ibħra Indoneżjani, b’121 attakk, kienu għal darb’oħra l-iktar suġġetti għall-piraterija, warajhom jiġu l-ibħra tal-Bangladexx bi 58 inċident, u mbagħad l-ibħra Niġerjani b’39 attakk. “Il-ħtif kollu li ġie rapportat kien f’żewġ kategoriji ewlenin,” jinnota d-dipartiment. Dawn kienu “attakki taʼ stil militari minn gruppi militanti biex iżommu lill-membri taʼ l-ekwipaġġ bħala ostaġġi sakemm titħallas somma flus għall-fidwa tagħhom, u b’hekk jiġbru fondi għall-kawża tagħhom; u attakki kontra biċċiet żgħar tal-baħar bħalma huma vapuri taʼ l-irmonk u braken.”
Studji dwar Abbużi Sesswali mill-Qassisin
“Żewġ studji li kienu ilhom mistennija sabu li l-Knisja Kattolika Rumana [fl-Istati Uniti] esperjenzat epidemija t’abbuż sesswali fuq it-tfal li kien jinvolvi minn taʼ l-inqas erbgħa fil-mija mill-qassisin fuq perijodu taʼ 52 sena, bl-akbar għadd li kien mill-qassisin li ġew ordnati fl-1970 u li fosthom wieħed minn kull għaxra ġie akkużat b’abbuż,” tirrapporta The New York Times. “It-total ammonta għal 10,667 tifel jew tifla li ġew abbużati minn 4,392 qassis mill-1950 sa l-2002, imma l-istudji jwissu li anki dawn in-numri jistgħu ma jkunux l-ammont totali,” peress li ħafna każi ma ġewx rapportati. Studju minnhom, immexxi f’John Jay College of Criminal Justice fi New York, wera li “kien hemm qassisin akkużati b’abbuż f’iktar minn 95 fil-mija tad-djoċesi u madwar 60 fil-mija taʼ l-ordnijiet reliġjużi.” L-istudju l-ieħor, minn bord Kattoliku taʼ reviżjoni nazzjonali, indika l-fatt dwar kultura f’seminarji Kattoliċi li “kienet tittollera moralità laxka.”
It-Tneħħija tat-Tatwaġġi
“Xi stħarriġ juri li minn 80 sa 90 fil-mija tan-nies li għandhom it-tatwaġġi jkunu jridu jneħħuhom f’xi żmien jew ieħor f’ħajjithom,” tgħid il-Vancouver Sun tal-Kanada. “Peress li kien hemm żjieda fin-numru taʼ tatwaġġi li qed isiru, kien hemm ukoll daqstant żjieda fl-għadd taʼ nies li jixtiequ jneħħuhom,” jinnota wieħed speċjalista tal-ġilda. Eżempju tipiku hu Dan li għandu 27 sena u li kellu emblema ħadra tgħajjat imneħħija minn fuq driegħu. Hu jgħid: “M’għadhiex tirrappreżenta dak li nemmen.” Iżda anki bl-użu modern tal-laser, it-tneħħija tat-tatwaġġi tistaʼ tkun taʼ wġigħ, tiswa ħafna flus, u tieħu ħafna ħin. “It-tneħħija taʼ saħansitra biċċa tatwaġġ żgħira tistaʼ tiswa maʼ l-1,400 dollaru Kanadiż [Lm372],” tgħid il-gazzetta. Hija tkompli tgħid: “It-tatwaġġi iktar moderni u b’ħafna kuluri, speċjalment jekk ikunu kbar, kważi impossibbli li tneħħihom.”
Faħam Qattiel
“Id-duħħan min-nar li jintuża għat-tisjir ġod-djar joqtol persuna kull 20 sekonda fil-pajjiżi fqar,” tirrapporta r-rivista Down to Earth taʼ New Delhi, fl-Indja. “Din il-figura hija ħafna ogħla mill-għadd taʼ nies li jmutu bil-malarja, u hija daqs l-għadd li jmutu minħabba l-ilma kontaminat u n-nuqqas taʼ sanità.” L-użu tal-faħam u taʼ l-iskart taʼ l-annimali u lħxejjex biex jaħarqu n-nar, flimkien man-nuqqas t’arja tajba fil-kmamar, spiss jesponi lill-familji għal livell taʼ kontaminazzjoni li hu 100 darba iktar mil-livell li hu meqjus tollerabbli biex ma jikkaġunax ħsara. Din il-kontaminazzjoni ġiet ukoll konnessa mal-kanċer tal-pulmun, l-ażżma, it-tuberkulosi, u l-bronkite kronika. Esperti mill-Grupp għall-Iżvilupp Intermedjarju tat-Teknoloġija, organizzazzjoni tar-riċerka, isostnu li n-nies li huma fqar wisq biex jixtru tip taʼ materjal iktar nadif għall-ħruq xorta jistgħu jnaqqsu l-ammont taʼ dħaħen perikolużi li jibilgħu bi 80 fil-mija, billi jużaw ċumnija jew speċi taʼ għata fuq in-nar. Mill-1.6 miljun li jmutu kull sena minħabba l-arja mniġġsa ġod-djar, kważi miljun huma tfal.
L-Iktar Ktieb Tradott
Il-Bibbja għadha l-iktar ktieb tradott fid-dinja. Din tinsab sħiħa jew f’parti b’2,355 lingwa, mill-kważi 6,500 lingwa li jeżistu. Issa l-Bibbja tinsab b’665 lingwa fl-Afrika, imbagħad b’585 lingwa fl-Asja, 414 fl-Oċeanja, 404 fl-Amerika Latina u l-Karibew, 209 fl-Ewropa, u 75 fl-Amerika taʼ Fuq. Is-Soċjetajiet Magħqudin tal-Bibbja qegħdin fil-preżent jgħinu fi proġetti taʼ traduzzjoni tal-Bibbja b’xi 600 lingwa.