LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 3/8 pp. 14-17
  • Fejn Jiltaqgħu Sitt Kontinenti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fejn Jiltaqgħu Sitt Kontinenti
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Annimali minn Sitt Kontinenti
  • Il-​Manutenzjoni taʼ Din ir-​Riserva Naturali
  • Pagna Tnejn
    Stenbaħ!—2005
  • L-annimali
    Stenbaħ!—2015
  • Ħarsa Eqreb Lejn iż-Żuwijiet tal-Lum
    Stenbaħ!—2012
  • Il-​Kattiverija lejn l-​Annimali​—Hija Din Ħażina?
    Stenbaħ!—1998
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2005
g05 3/8 pp. 14-17

Fejn Jiltaqgħu Sitt Kontinenti

Minn kittieb għal Stenbaħ! fl-​Ukraina

TĦOBB tosserva l-​annimali fl-​abitat naturali tagħhom? Jekk iva, żgur li tieħu gost kieku kellek iżżur l-​Afrika, l-​Asja, l-​Awstralja, l-​Ewropa, l-​Amerika taʼ Fuq, u l-​Amerika t’Isfel, kollha f’post wieħed. Kif jistaʼ dan ikun possibbli? Billi tmur fir-​Riserva Bijosferika Askaniya-Nova, fin-​nofsinhar taʼ l-​Ukraina. Hawnhekk, imrieħel t’annimali salvaġġi minn dawn is-​sitt kontinenti jimirħu fil-​pjanuri u jgħixu fil-​paċi u fl-​armonija.

L-istorja tar-​riserva tmur lura sa l-​1883. Dik is-​sena, raġel mill-​Ġermanja jismu Friedrich Pfalz-Pfein għażel bħala riserva biċċa art wâtja li qatt ma kienet inħadmet. Hu diġà kellu ġnien żooloġiku privat b’iktar minn 50 speċi taʼ għasafar u mammiferi f’dan il-​post. Iktar tard, fl-​1887, ġie miżjud ukoll park botaniku. Bħalissa, fir-​Riserva Bijosferika Askaniya-Nova, hemm park botaniku, riserva li tikkonsisti f’xi 109,269 metru kwadru taʼ pjanuri u ġnien żooloġiku.

Hekk kif tersaq lejn ir-​riserva, l-​ewwel ħaġa li tara hi l-​park botaniku. Tul is-​snin, xi xjenzati ġabu varjetà kbira taʼ siġar minn ħafna postijiet madwar id-​dinja. Il-​park li fih madwar 2,023 metru kwadru hu mimli b’dawn is-​siġar. Ladarba r-​riserva tinsab f’reġjun xott tal-​pajjiż, ġew imħaffrin bjar fondi ħafna u nbnew kanali tat-​tisqija biex jissaqqew is-​siġar u l-​pjanti. Fl-​1889, il-​pajsaġġ u s-​sistema taʼ tisqija oriġinali ġew mogħtijin midalja tad-​deheb fil-​Fiera tad-​Dinja f’Pariġi.

Annimali minn Sitt Kontinenti

Mill-​park bid-​dell tas-​siġar, nivvjaġġaw lejn il-​pjanuri xemxija, fejn imrieħel t’annimali salvaġġi, li minnhom hemm madwar 50 speċi differenti, jimirħu fil-​pjanuri taʼ kważi 25,000 metru kwadru li huma mdawrin biċ-​ċnut. L-​ewwel, ejja nosservaw ftit annimali mill-​Afrika.

Il-​buflu Cape huwa wieħed mill-​iktar annimali tal-​kaċċa li huwa famuż u perikoluż. Huwa impressjonanti mhux biss minħabba d-​daqs tiegħu​—madwar 1.7 metru minn spalla sa spalla—iżda wkoll minħabba l-​qrun enormi li għandu li huma twal metru. Ladarba l-​buflu raġel huwa impulsiv u hu magħruf li jattakka, m’huwiex rikmandat li tersaq ħafna qrib lejh.

Annimal ieħor li jiġbdilna l-​attenzjoni huwa l-​eland, antelop mix-​xlokk taʼ l-​Afrika. Minħabba li fir-​riserva l-​kaċċa hija projbita, l-​eland ilhom jgħixu hawnhekk fil-​paċi minn meta ġabuhom f’dan il-​post fl-​1892. Minħabba li dawn l-​annimali ma jibżgħux mill-​viżitaturi, huma jibqgħu jirgħu anki jekk ikun hemm in-​nies. Xi ftit mill-​eland saħansitra jiġu mmansati u jistgħu jinħalbu sewwasew bħalma jinħalbu l-​baqar u annimali oħrajn. Il-​ħalib nutrittiv tagħhom, li hu mxaħħam, jintuża għal skopijiet mediċi, bħal per eżempju għal kontra l-​ulċeri taʼ l-​istonku.

L-​emù, għasfur kbir li ma jtirx, jiġi mill-​Awstralja. Huwa t-​tieni l-​akbar mill-​għasafar kollha—in-​nagħma biss huwa akbar minnu. Xi emù huma twal kważi żewġ metri u jiżnu 59 kilo. Għalkemm hemm xibka li tifred lil dawn l-​għasafar mill-​annimali l-​oħra, il-​post li għandhom huwa kbir biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġru bil-​libertà kollha.

Xi ħaġa taʼ l-​għaġeb dwar l-​emù hi li l-​flieles ġol-​bajda jirreaġixxu meta jisimgħu l-​ħoss taʼ l-​emù raġel. Per eżempju, jingħad li meta jindaqq rikording taʼ l-​għajta taʼ l-​emù raġel ftit qabel ma jfaqqas il-​bajd, iċ-​ċaqliq tal-​flieles li jkunu għadhom ma faqqsux iġagħlu lill-​bajd jitbandal ’l hawn u ’l hemm. Madankollu, il-​flieles ġol-​bajda ma jirreaġixxux għall-​għajta taʼ l-​emù mara. Għala le?

Għalkemm l-​emù mara tbid, l-​emù raġel isaħħanhom biex ifaqqsu. Hu jieħu ħsiebhom għal madwar 50 ġurnata sakemm ifaqqsu, imbagħad jieħu ħsieb il-​flieles anki wara li jfaqqsu. Għalhekk, anki meta jkunu għadhom fil-​bajda, il-​flieles li jkunu għadhom ma faqqsux diġà jkunu jafu min qed jieħu ħsiebhom. Ukoll, dan m’huwiex bajd ordinarju—huwa taʼ lewn aħdar skur u kbir ħafna—jiżen madwar 700 gramma kull waħda!

Fir-​riserva hemm imrieħel taʼ żwiemel Przewalski. Fl-​1899, dawn iż-​żwiemel inġabu hawnhekk mill-​prairies tal-​Mongolja. Huwa mifhum li minħabba l-​kaċċa u n-​nuqqas t’art fejn jirgħu, iż-​żwiemel Przewalski salvaġġi saru estinti fis-​snin 60.

Bħalissa, madwar 1,100 minn dan it-​tip taʼ żwiemel jgħixu f’ġonna żooloġiċi u f’ġonna oħra, inkluż madwar mija li jgħixu hawnhekk fir-​Riserva Askaniya-Nova. Ix-​xjenzati qegħdin jagħmlu minn kollox biex jintroduċu lil dawn l-​annimali fl-​ambjent naturali tagħhom. Għalhekk, fl-​1992/93, 21 żiemel Przewalski ttieħdu lura bil-​vapur lejn il-​Mongolja.

F’din ir-​riserva, l-​iktar speċi numeruża hi dik taċ-​ċerva sika li ġejja miċ-​Ċina u l-​Ġappun. Minħabba li din iċ-​ċerva għandha dwawar fuq daharha, din il-​ħlejqa grazzjuża hija msejħa wkoll iċ-​ċerva fjura. Din iċ-​ċerva hi annimal sabiħ b’figura misluta u fuq ir-​ras żgħira tagħha għandha qrun ippontati.

Tistaʼ tara wkoll il-​gayals, barrin mansi mill-​Indja, jirgħu bil-​kwiet fil-​pjanuri. Fl-​Indja dawn il-​barrin joqogħdu jduru waħedhom fil-​foresta matul il-​ġurnata, u bil-​lejl jerġgħu lura lejn il-​villaġġ. Għalkemm fl-​Askaniya-Nova m’hemm la foresti u lanqas irħula, il-​barrin jidhru kuntenti jirgħu fl-​għelieqi kollha ħaxix t’hemmhekk maʼ mrieħel t’annimali oħrajn.

Il-​bison Amerikan, jew buflu, huwa impressjonanti minħabba l-​qawwa u d-​daqs tiegħu. Madwar 150 sena ilu, miljuni minn dawn l-​annimali enormi kienu jimirħu fil-​prairies taʼ l-​Amerika taʼ Fuq, imma kienu kkaċċjati sakemm spiċċaw kważi għal kollox. Dan it-​tip taʼ buflu huwa l-​uniku wieħed mill-​ispeċi tiegħu fl-​Ewropa. Huma jħossuhom komdi, kemm fis-​sajf u kemm fix-​xitwa, fir-​riserva mimlija ħaxix.

L-​Amerika t’Isfel hija rappreżentata permezz tar-​rhea, għasfur kbir li ma jtirx. Huwa simili għall-​emù Awstraljan, u huwa twil 1.5 metru u jiżen 50 kilo. Bħall-​emù, ir-​rhea raġel huwa dak li joqgħod fuq il-​bajd. Waħda mid-​differenzi hi li l-​emù huwa monogamu, u r-​rhea huwa poligamu. Għalhekk, minn tlieta sa ħames rhea nisa jistgħu jbidu l-​bajd tagħhom f’bejta waħda.

Iċ-ċerva l-​ħamra u ċ-​ċerva roe jiġu mill-​Ewropa. Dawn huma annimali b’saħħithom li jieħdu gost jieklu l-​ħaxix li jikber fil-​pjanuri u jissaportu kemm il-​kesħa u kemm is-​sħana. Dawn iċ-​ċriev jintużaw biex iżidu l-​ispeċi tagħhom f’partijiet differenti taʼ l-​Ewropa kif ukoll f’postijiet apposta fejn jikkaċċjaw l-​annimali. Il-​ponijiet Shetland waslu hawn fir-​Riserva Askaniya-Nova mill-​Ewropa tat-​Tramuntana fl-​1960. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, in-​numru tagħhom żdied ħafna.

Ir-riserva fiha wkoll imrieħel taʼ żebri, taʼ blue wildebeests (antelop kbir Afrikan), ħmir salvaġġi mill-​Asja, u saigas (antelop Ewrasjan), kif ukoll varjetà kbira taʼ għasafar. Xi ftit mill-​annimali joqogħdu jirgħu barra fil-​pjanuri s-​sena kollha, filwaqt li oħrajn jittieħdu lejn l-​irziezet fejn jiġu protetti mix-​xitwa.

Il-​Manutenzjoni taʼ Din ir-​Riserva Naturali

Illum Askaniya-Nova hija ċentru taʼ studju għall-​istitut tar-​riċerka xjentifika fl-​Ukraina. Il-​ħaddiema taʼ l-​istitut jagħmlu xogħol estensiv biex jippreservaw il-​pjanuri tar-​riserva fl-​istat naturali tagħhom u jgħinu lill-​annimali biex jaddattaw ruħhom għall-​ambjent ġdid tagħhom. Ix-​xjenzati qegħdin jaħdmu wkoll biex itejbu l-​kwalità taʼ din il-​kollezzjoni sabiħa t’annimali eżotiċi u rari.

Hemm riservi naturali f’postijiet differenti fid-​dinja. Tistaʼ ssibhom fil-​prairies taʼ l-​Amerika taʼ Fuq u t’Isfel, fis-​savanni Afrikani, fil-​pjanuri fl-​Awstralja, fl-​Asja, u fl-​Ewropa. Kull post għandu l-​karatteristiċi u l-​varjetà taʼ pjanti u annimali partikulari tiegħu. L-​aspett internazzjonali tar-​Riserva Askaniya-Nova juri kif annimali minn postijiet differenti fid-​dinja jistgħu jaddattaw ruħhom għall-​ambjent u jgħixu flimkien fil-​paċi.

B’antiċipazzjoni kbira, ħafna nies qed jistennew iż-​żmien profetizzat fil-​Bibbja meta s-​Saltna t’Alla se ġġib paċi mhux biss fost il-​bnedmin iżda wkoll fost il-​ħafna varjetajiet t’annimali fuq l-​art.—Isaija 11:​6-9; Hosegħa 2:​18; Atti 10:​34-35.

[Mappa f’paġna 14]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Riserva Bijosferika Askaniya-Nova

[Stampa f’paġna 15]

Eland

[Stampa f’paġna 15]

Buflu Cape

[Stampa f’paġna 15]

Emù

[Stampa f’paġna 16]

Ċerva sika

[Stampa f’paġna 16]

Żiemel Przewalski

[Stampa f’paġna 16]

Buflu Amerikan

[Stampa f’paġna 16, 17]

Ir-​riserva hija wkoll id-​dar taʼ varjetà kbira t’għasafar

[Stampa f’paġna 17]

Rhea

[Stampa f’paġna 17]

Ċerva “roe”

[Stampa f’paġna 17]

Ċerva ħamra

[Stampa f’paġna 17]

Park botaniku

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 15]

Eland u emù: Biosphere Reserve “Askaniya-Nova,” Ukraine; globi: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 16]

Ċerva: Biosphere Reserve “Askaniya-Nova,” Ukraine; globi: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 17]

Għasafar: Biosphere Reserve “Askaniya-Nova,” Ukraine; fjuri u park: Olha Dvorna/ Biosphere Reserve “Askaniya-Nova,” Ukraine; globi: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja