Il-Ħarsa tal-Bibbja
Veru li Ġesù Miet fuq Salib?
IS-SALIB huwa wieħed mill-iktar simboli reliġjużi familjari li jaf bihom il-bniedem. Miljuni jqimuh u jikkunsidrawh bħala li huwa l-istrument sagru li fuqu Ġesù ngħata l-mewt. Adolphe-Napoleon Didron, kittieb Kattoliku Ruman u arkeologu, qal: “Is-salib ġie meqjum bħal, jew kważi daqs, Kristu; din l-injama qaddisa ġiet meqjuma kważi daqs Alla Nnifsu.”
Xi wħud jgħidu li s-salib jgħinhom biex iħossuhom eqreb t’Alla meta jitolbu. Oħrajn jużawh bħala amulet, billi jaħsbu li jipproteġihom mill-ħażen. Imma għandhom il-Kristjani jużaw is-salib bħala oġġett taʼ qima? Veru li Ġesù miet fuq salib? Il-Bibbja x’tgħallem dwar dan is-suġġett?
Is-Salib X’Jissimbolizza?
Ħafna qabel l-era Kristjana, is-slaleb kienu jintużaw mill-Babiloniżi tal-qedem bħala simboli fil-qima tagħhom lejn l-alla tal-fertilità Tammuż. Is-salib beda jintuża wkoll fl-Eġittu, fl-Indja, fis-Sirja, u fiċ-Ċina. Imbagħad, sekli wara, l-Iżraelin ħassru l-qima lejn Ġeħova b’atti taʼ venerazzjoni lil alla falz Tammuż. Il-Bibbja tirreferi għal din il-qima bħala xi ħaġa ‘mistkerrha.’—Eżekjel 8:13, 14, Saydon.
L-Evanġelji taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni jużaw il-kelma Griega stawros meta jirreferu għall-istrument t’esekuzzjoni li Ġesù miet fuqu. (Mattew 27:40; Marku 15:30; Luqa 23:26) Il-kelma stawros tirreferi għal arblu, zokk, jew travu wieqaf. Il-ktieb The Non-Christian Cross, minn J. D. Parsons, jispjega li mill-kitbiet kollha li jifformaw it-Testment il-Ġdid m’hemmx sentenza waħda li fil-Grieg oriġinali ġiet miktuba b’tali mod li tagħti xi evidenza, kemm diretta u kemm indiretta, li l-istawros użat fil-każ taʼ Ġesù kien differenti mill-istawros ordinarju, u żgur li m’hemm l-ebda prova li kien magħmul minn żewġ biċċiet injam imsammrin flimkien biex jifformaw salib, u mhux minn biċċa injama waħda.
Bħalma hemm dokumentat f’Atti 5:30, l-appostlu Pietru uża l-kelma ksilon, li tfisser “siġra,” bħala kelma sinonima għal stawros, li tfisser biċċa injama ordinarja dritta jew siġra, u mhux salib b’żewġ biċċiet taʼ injam. Kien biss wara xi 300 sena mill-mewt taʼ Ġesù li xi wħud li qalu li huma Kristjani bdew idaħħlu l-idea li Ġesù ngħata l-mewt fuq salib b’żewġ biċċiet taʼ injam. Madankollu, din l-idea kienet ibbażata fuq it-tradizzjoni u fuq l-użu ħażin tal-kelma Griega stawros. Taʼ min jinnota li xi wħud mill-iktar tpinġijiet antiki li fihom tidher l-esekuzzjoni Rumana juru arblu taʼ l-injam jew siġra.
“Ħarsu Ruħkom mill-Idoli”
Kwistjoni importanti għal dawk li huma Kristjani veri hija dwar jekk hux xieraq li tingħata qima lill-istrument użat biex jinqatel Ġesù fuqu. Kemm jekk kien zokk tat-tortura wieqaf, u kemm jekk kien salib, vleġġa, lanza, jew sikkina, għandu strument bħal dan jintuża fil-qima?
Ejja ngħidu li xi ħadd għażiż għalik inqatel b’mod aħrax u l-arma ngħatat lill-qorti bħala evidenza. Tipprova int tikseb l-arma li ntużat fil-qtil, tieħu ritratti tagħha, u tistampa ħafna kopji tagħha biex tqassamhom? Se tipproduċi int repliki tagħha taʼ qisien differenti? Se tagħmel xi wħud minnhom bħala ornamenti biex jintlibsu? Jew se timmanifattura int repliki tagħha u tbigħhom lill-ħbieb u l-qraba biex iqimuhom? Wisq probabbli dan il-ħsieb jiddiżgustak! Madankollu, dawn huma l-affarijiet li saru bis-salib!
Barra minn hekk, l-użu tas-salib fil-qima m’huwiex differenti mill-użu taʼ l-istatwi fil-qima, prattika kundannata fil-Bibbja. (Eżodu 20:2-5; Dewteronomju 4:25, 26) Meta wissa lil sħabu l-Kristjani, l-appostlu Ġwanni rrifletta eżattament it-tagħlim tal-Kristjanità vera meta qal: “Ħarsu ruħkom mill-idoli.” (1 Ġwanni 5:21) Huma għamlu dan anki meta kellhom jiffaċċjaw il-mewt fl-arena Rumana.
Madankollu, il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu rrispettaw ferm il-mewt taʼ Kristu bħala sagrifiċċju. Illum ukoll, għalkemm il-Kristjani veri ma jqimux l-istrument li ntuża biex jittortura u joqtol lil Ġesù, huma jikkommemoraw il-mewt taʼ Ġesù bħala mezz li bih Alla jipprovdi salvazzjoni għall-bnedmin imperfetti. (Mattew 20:28) Din l-akbar espressjoni taʼ l-imħabba t’Alla se ġġib barkiet bla għadd għal dawk li jħobbu l-verità, inkluż il-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġwanni 17:3; Rivelazzjoni 21:3, 4.
[Stampa f’paġna 12]
Xi tpinġijiet antiki taʼ l-arti li fihom tidher l-esekuzzjoni Rumana juru arblu taʼ l-injam
[Sors]
Rare Books Division, The New York Public Library, Astor, Lenox and Tilden Foundations